This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005R0489
Commission Regulation (EC) No 489/2005 of 29 March 2005 laying down detailed rules for implementing Council Regulation (EC) No 1785/2003 as regards determining the intervention centres and the taking over of paddy rice by the intervention agencies
489/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 489/2005 tad- 29 ta’ Marzu 2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1785/2003 fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ ċentri ta’ intervent u t-teħid ta’ ross li għadu fil-fosdqa mill-aġenziji ta’ intervent
489/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 489/2005 tad- 29 ta’ Marzu 2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1785/2003 fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ ċentri ta’ intervent u t-teħid ta’ ross li għadu fil-fosdqa mill-aġenziji ta’ intervent
ĠU L 81, 30.3.2005, p. 26–37
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO)
ĠU L 306M, 15.11.2008, p. 164–175
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2009; Imħassar b' 32009R0670
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 31998R0708 | ||||
Implicit repeal | 31999R0691 | 01/04/2005 | |||
Repeal | 32000R0549 | ||||
Implicit repeal | 32001R0610 | 01/04/2005 | |||
Implicit repeal | 32004R0579 | 01/04/2005 | |||
Implicit repeal | 32004R1091 | 01/04/2005 | |||
Implicit repeal | 32004R1107 | 01/04/2005 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32005R0489R(01) | (ET) | |||
Modified by | 32007R0342 | Emenda | anness 1 | 30/03/2007 | |
Modified by | 32007R0342 | Sostituzzjoni | anness 5 | 30/03/2007 | |
Repealed by | 32009R0670 |
15.11.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
164 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 489/2005
tad-29 ta’ Marzu 2005
li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1785/2003 fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ ċentri ta’ intervent u t-teħid ta’ ross li għadu fil-fosdqa mill-aġenziji ta’ intervent
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1785/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tar-ross (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 6(3) u 7(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1785/2003 jiddefinixxi l-kwalità standard tar-ross fil-fosdqa li għalih il-prezz ta’ l-intervent huwa ffissat. |
(2) |
Bil-għan li tkun stimolata l-produzzjoni ta’ ross ta’ kwalità tajba, il-kriterji ta’ l-intervent għandhom jiġu msaħħa. Żieda fil-produzzjoni mit-tħin, u tnaqqis simultanju fit-tolleranza tal-produzzjonijiet li jiddevjaw mill-produzzjoni bażika huma l-modi l-aktar effettivi għall-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ ross ta’ kwalità u li jiżgura l-kwalità tar-ross maħżun mill-aġenziji ta’ intervent. Din hija wkoll l-okkażjoni biex jitneħħew ċerti varjetajiet antiki mil-lista ta’ varjetajiet li hemm fl-Anness II għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 708/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar it-teħid ta’ ross li għadu fil-fosdqa mill-aġenziji ta’ intervent u l-iffissar ta’ l-ammonti korrettivi u ż-żidiet u t-tnaqqis fil-prezz li għandhom jiġu applikati (2). |
(3) |
Biex tkun żgurata l-ġestjoni sodisfaċenti ta’ l-intervent, għandha tkun iffissata kwantità minima għal kull offerta. Madankollu, għandu jkun hemm dispożizzjoni biex ikun iffissat limitu ogħla biex ikunu jistgħu jiġi kkunsidrati d-drawwiet u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ li huma rilevanti fis-suq bl-ingrossa f’xi Stati Membri. |
(4) |
Ross fil-fosdqa li l-kwalità tiegħu ma tippermettix użu jew ħażna xierqa ma għandux jiġi aċċettat għall-intervent. Meta tiġi ffissata l-kwalità minima, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kundizzjonijiet tat-temp fiż-żoni tal-Komunità fejn jitkabbar ir-ross. Bil-għan li jkunu jistgħu jittieħdu lottijiet uniformi; għandu jkun speċifikat li lott għandu jkun magħmul mill-istess varjetà ta’ ross. |
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1785/2003 jistabbilixxi li l-prezz ta’ l-intervent huwa ffissat għal ross li għadu fil-fosdqa ta’ kwalità ta’ standard speċifiku u li, jekk il-kwalità tar-ross offrut għall-intervent hija differenti minn dak l-istandard ta’ kwalità, il-prezz ta’ l-intervent huwa aġġustat billi jiġu applikati żidiet jew tnaqqis fil-prezz. |
(6) |
Għall-applikazzjoni taż-żidiet u t-tnaqqis fil-prezz, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi bażiċi tar-ross fil-fosdqa, biex b’hekk tkun tista’ ssir evalwazzjoni oġġettiva tal-kwalità tiegħu; l-evalwazzjoni ta’ l-imdewwa tiegħu, il-produzzjoni mit-tħin u d-difetti fil-qamħa, bl-użu ta’ metodi sempliċi u effettivi tissodisfa dan ir-rekwiżit. |
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1785/2003 jillimita l-kwantità li tista’ tinxtara mill-aġenziji ta’ intervent għal 75 000 tunnellata għal kull sena tas-suq. Bil-għan li din il-kwantità titqassam b’mod ġust, il-kwantitajiet għal kull Stat Membru produttur għandhom jiġu ffissati, billi jkunu kkunsidrati ż-żoni fuq bażi nazzjonali ffissati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (3) u l-produzzjoni medja stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament. |
(8) |
Bil-għan li l-iskema ta’ l-intervent tkun kemm jista’ jkun sempliċi u effiċjenti, l-offerti għandhom jitressqu liċ-ċentru ta’ intervent li huwa l-aktar qrib il-post fejn il-prodotti huma maħżuna u għandhom ikunu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż għat-trasport tagħhom lejn il-maħżen fejn l-aġenzija ta’ intervent teħodhom fil-pussess. |
(9) |
Il-kontrolli biex ikun żgurat li l-prodotti offruti huma konformi mar-rekwiżiti fuq il-piż u l-kwalità għandhom jiġu stabbiliti bi preċiżjoni; għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-aċċettazzjoni tal-prodotti offruti wara li tkun ġiet ikkontrollata l-kwantità u l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità u, min-naħa l-oħra, l-iffissar tal-prezz li għandu jitħallas lill-applikant wara li jkunu saru t-testijiet meħtieġa biex ikunu identifikati l-karatteristiċi preċiżi ta’ kull lott ibbażati fuq kampjuni rappreżentattivi. |
(10) |
Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal każijiet fejn il-prodotti jittieħdu fil-pussess mill-imħażen ta’ l-applikant; f’dawn il-każijiet għandha ssir referenza għall-kontijiet ta’ l-istokk ta’ l-applikant, suġġetti għal kontrolli addizzjonali biex ikun żgurat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti fit-teħid tal-pussess mill-aġenzija ta’ intervent. |
(11) |
Peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jissostitwixxu dawk tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 708/98 u (KE) Nru 549/2000 li jiddeterminaw iċ-ċentri (4) ta’ intervent tar-ross, dawk ir-Regolamenti għandhom jiġu revokati. |
(12) |
Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaċ-Ċereali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Iċ-Ċentri ta’ Intervent
Iċ-ċentri ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003 għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Xiri mill-aġenziji ta’ intervent
1. Matul il-perjodu ta’ xiri stabbilit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003, kull detentur ta’ lott ta’ mhux inqas minn 20 tunnellata ta’ ross fil-fosdqa maħsud fil-Komunità għandu d-dritt li joffri dan ir-ross lill-aġenzija ta’ intervent.
Lott għandu jkun magħmul minn ross ta’ l-istess varjetà.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kwantità minima tal-lott imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu f’livell ogħla.
2. Meta lott ikun ikkunsinnat f’diversi tagħbijiet (bi trakk, barkun, ferrovija, eċċ) kull tagħbija għandha tkun konformi mal-karatteristiċi minimi rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3, minkejja l-Artikolu 12.
Artikolu 3
Karatteristiċi minimi rekwiżiti
1. Biex ikun aċċettat għall-intervent, ir-ross fil-fosdqa għandu jkun ta’ kwalità tajba u li jista’ jiġi nnegozjat b’mod ġust.
2. Ross fil-fosdqa għandu jitqies ta’ kwalità tajba u li jista’ jiġi nnegozjat b’mod ġust jekk:
(a) |
huwa ħieles minn irwejjaħ u ma fihx insetti ħajjin, |
(b) |
il-kontenut tiegħu ta’ mdewwa ma jaqbiżx l-14,5 %, |
(c) |
il-produzzjoni mit-tħin mhix iktar minn ħames punti taħt il-produzzjoni bażika stipulata fl-Anness II. A, |
(d) |
il-perċentwali ta’ impuritajiet differenti, il-perċentwali ta’ qmuħ ta’ ross ta’ varjetajiet oħra u l-perċentwali ta’ qmuħ li m’humiex ta’ kwalità difettuża kif definit fl-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1785/2003, ma jaqbżux il-perċentwali massimu stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament, bit-tip tar-ross, |
(e) |
il-livell ta’ radjuattività ma jaqbiżx il-livelli massimi permessi mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. |
3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “impuritajiet differenti” tfisser materjal ieħor barra mir-ross.
Artikolu 4
Żidiet u tnaqqis fil-prezz
Iż-żidiet u t-tnaqqis fil-prezz imsemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003 għandhom japplikaw għall-prezz ta’ l-intervent għar-ross fil-fosdqa offrut għall-intervent billi jkun immultiplikat bis-somma stabbilita tal-perċentwali ta’ żidiet u tnaqqis, kif ġej:
(a) |
fejn il-kontenut ta’ l-indewwa tar-ross fil-fosdqa jaqbeż it-13 %, il-perċentwali ta’ tnaqqis fil-prezz tiegħu ta’ l-intervent għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-perċentwali tal-kontenut ta’ l-indewwa tar-ross fil-fosdqa offrut għall-intervent, ikkalkulat sa post deċimali, u 13 %; |
(b) |
fejn il-produzzjoni mit-tħin tar-ross hija differenti mill-produzzjoni mit-tħin bażika għall-varjetà kkonċernata kif stabbilit fil-Parti A ta’ l-Anness II għal dan, iż-żidiet u t-tnaqqis fil-prezz li għandhom jiġu applikati għal kull varjetà ta’ ross għandhom ikunu kif murija fil-Parti B ta’ l-Anness II; |
(c) |
fejn id-difetti fil-qamħ tar-ross fil-fosdqa jaqbżu t-tolleranza permessa għall-kwalità standard tar-ross fil-fosdqa, il-perċentwali ta’ tnaqqis li għandu jkun applikat fuq il-prezz ta’ l-intervent għandu jkun kif stabbilit fl-Anness IV, bit-tip ta’ ross; |
(d) |
fejn il-perċentwali ta’ impuritajiet differenti fir-ross fil-fosdqa jaqbeż 0,1 %, huwa għandu jinxtara bi tnaqqis fil-prezz ta’ l-intervent ta’ 0,02 % għal kull żieda ta’ 0,01 % fid-differenza; |
(e) |
fejn lott ta’ ross fil-fosdqa huwa offrut għall-intervent għal varjetà partikolari iżda jinkludi qamħ ta’ varjetajiet oħra li jaqbżu t-3 %, il-lott għandu jinxtara bi tnaqqis ta’ 0,1 % fuq il-prezz ta’ l-intervent għal kull żieda ta’ 0,1 % fid-differenza. |
Artikolu 5
Kwantitajiet eliġibbli għall-intervent
B’effett mis-sena tas-suq 2004/05, il-kwantitajiet ta’ ross fil-fosdqa eliġibbli għall-intervent għal kull sena għandu jinqasam f’parti speċifika għal kull Stat Membru produttur (parti 1), kif stabbilit fit-tabella fl-Anness V, u parti komuni għall-Komunità kollha magħmula minn kwantitajiet mhux allokati fil-parti 1 (parti 2).
Artikolu 6
Offerti tan-negozjanti
1. L-offerti kollha għal bejgħ fl-intervent għandhom isiru bil-miktub, u preferibbilment mibgħuta bil-posta elettronika, lil aġenzija ta’ intervent, bl-użu tal-formola mfassla minnha.
Biex ikunu eliġibbli, l-offerti għall-partijiet 1 u 2 għandhom jiġu ppreżentati bejn l-1 u d-9 ta’ April u l-1 u d-9 ta’ Ġunju rispettivament.
2. L-offerta għandha tinkludi t-tagħrif li ġej:
(a) |
l-isem ta’ l-applikant, |
(b) |
il-post tal-ħażna tar-ross offrut, |
(c) |
il-kwantità offruta skond l-Artikolu 2, |
(d) |
il-varjetà, |
(e) |
il-karatteristiċi prinċipali, inkluża l-produzzjoni totali u l-produzzjoni mit-tħin tal-qamħa sħiħa, |
(f) |
is-sena tal-ħsad, |
(g) |
il-kwantità minima ta’ l-offerta, li taħtha l-offerta hija meqjusa mill-applikant li ma tkunx applikabbli, |
(h) |
iċ-ċentru ta’ intervent li lilu tkun magħmula l-offerta, |
(i) |
il-prova li l-applikant ikun ippreżenta garanzija ta’ EUR 50 kull tunnellata ta’ ross fil-fosdqa, jew EUR 20 kull tunnellata ta’ ross fil-fosdqa għall-produtturi jew il-gruppi ta’ produtturi li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1709/2003 (5), |
(j) |
id-dikjarazzjoni li l-prodott huwa ta’ oriġini Komunitarja, bl-indikazzjoni tar-reġjun ta’ produzzjoni, |
(k) |
it-trattamenti tal-pestiċidi mwettqa, bl-ispeċifikazzjoni tad-dożi użati. |
3. L-offerti kollha għandhom isiru lill-aġenzija ta’ intervent ta’ l-Istat Membru produttur fir-rigward taċ-ċentru ta’ intervent fl-Istat Membru li huwa l-eqreb għal fejn ir-ross fil-fosdqa qed jinżamm meta ssir l-offerta. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “l-eqreb ċentru ta’ intervent” tfisser iċ-ċentru fl-Istat Membru produttur li fih ir-ross fil-fosdqa jista’ jkun ikkunsinnat bl-inqas spejjeż.
4. Ladarba ppreżentata, offerta ma tistgħax tkun mibdula jew irtirata.
5. Meta offerta mhix eliġibbli, l-aġenzija ta’ intervent għandha tinforma lin-negozjant rilevanti b’dak il-fatt fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-preżentazzjoni ta’ l-offerta.
Artikolu 7
L-għotja tal-kwantitajiet
1. Mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol f’Mejju, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru għandha teżamina jekk il-kwantità totali għall-parti 1 taqbiżx jew le l-kwantità disponibbli. Fejn tinqabeż, hija għandha tapplika ko-effiċjent, sa sitt postijiet deċimali, biex tagħti l-kwantitajiet. Dan il-ko-effiċjent għandu jkun stabbilit fl-ogħla valur possibbli, biex jiżgura (minħabba l-kwantità minima għal kull offerta) li l-kwantità totali mogħtija hija ugwali għal jew inqas mill-kwantità disponibbli. Meta ma jkunx hemm produzzjoni żejda, il-ko-effiċjent ta’ l-għotja għandu jkun ta’ 1.
Fejn xieraq, il-kwantità mhux użata, jew id-differenza bejn il-kwantità disponibbli u l-kwantità totali mogħtija, għandha tkun miżjuda mal-kwantità ffissata għall-parti 2.
L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-valur tal-ko-effiċjent ta’ l-għotja, il-kwantità totali mogħtija u l-kwantità mhux użata u mgħoddija lill-parti 2, mhux aktar tard mil-jum ta’ wara d-data indikata fl-ewwel sottoparagrafu. Il-Kummissjoni għandha tpoġġi dan it-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq il-websajt tagħha malajr kemm jista’ jkun.
Mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ wara d-data mogħtija fl-ewwel sottoparagrafu, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru għandha tinnotifika lill-applikant li l-offerta tkun ġiet aċċettata għal kwantità mogħtija li tkun ugwali għall-kwantità offerta mmultiplikata bil-ko-effiċjent ta’ l-għotja. Madankollu, jekk din il-kwantità hija taħt il-kwantità minima indikata fl-offerta, din għandha tkun imnaqqsa għal 0.
2. Għall-parti 2, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol f’Lulju, bil-kwantitajiet, fejn xieraq, offruti bil-kwantitajiet minimi speċifikati. Din in-notifika għandha ssir b’mod elettroniku bl-użu tal-mudell fl-Anness VI. Għandha ssir anke jekk ma ġiet offruta l-ebda kwantità ta’ ross.
Il-Kummissjoni tiġbor l-offerti kollha ppreżentati fl-Istati Membri u teżamina jekk il-kwantità totali offruta taqbiżx jew le l-kwantità disponibbli. Meta ma jkunx hemm produzzjoni żejda, għandha tapplika ko-effiċjent, sa sitt postijiet deċimali, biex tagħti l-kwantitajiet. Dan il-ko-effiċjent għandu jkun stabbilit għall-ogħla valur possibbli, biex ikun żgurat (minħabba l-kwantitajiet minimi ta’ kull offerta) li l-kwantità totali offruta hija ugwali għal jew inqas mill-kwantità disponibbli. Meta ma jkunx hemm produzzjoni żejda, il-ko-effiċjent ta’ l-għotja għandu jkun ta’ 1.
Mhux aktar tard mit-tielet jum ta’ xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-ko-effiċjent ta’ l-għotja f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru għandha tinnotifika lill-applikant li l-offerta ġiet aċċettata għal kwantità ta’ għotja ugwali għall-kwantità offruta mmultiplikata bil-ko-effiċjent ta’ l-għotja. Madankollu, jekk din il-kwantità hija taħt il-kwantità minima indikata fl-offerta, hija għandha titnaqqas għal 0.
3. Il-garanzija msemmija fil-paragrafu 6(2)(i) għandha tkun rilaxxata proporzjonalment għall-kwantità offruta iżda mhux mogħtija. Għall-kwantità mogħtija, din għandha tkun rilaxxata fit-totalità tagħha ladarba 95 % tal-kwantità tkun ġiet ikkunsinnata skond l-Artikolu 9.
Artikolu 8
L-ispejjeż tat-trasport
1. L-ispejjeż biex jiġu trasportati l-prodotti mill-maħżen fejn huma maħżuna fil-mument li l-offerta hija ppreżentata lill-eqreb ċentru ta’ intervent, għandu jħallashom l-applikant.
2. Jekk l-aġenzija ta’ intervent ma tieħux ir-ross fil-fosdqa fl-eqreb ċentru ta’ intervent, l-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport għandhom jitħallsu mill-aġenzija ta’ intervent.
3. L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu stabbiliti mill-aġenzija ta’ intervent.
Artikolu 9
Il-kunsinna
1. L-aġenzija ta’ intervent għandha tiffissa d-data u ċ-ċentru ta’ intervent għall-kunsinna u għandha tinnotifika minnufih lill-applikant bit-tnejn. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu appellati sa mhux aktar tard minn jumejn ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika.
2. Il-kunsinna liċ-ċentru ta’ intervent għandha ssir mhux aktar tard mit-tmiem it-tielet xahar wara li tasal l-offerta u f’kull każ mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu tas-sena tas-suq attwali.
Fil-każ ta’ kunsinni maqsumin fiż-żmien, l-aħħar parti tal-lott għandha tkun ikkunsinnata skond l-ewwel sottoparagrafu.
3. L-aġenzija ta’ intervent għandha tieħu l-prodotti fil-preżenza ta’ l-applikant jew ta’ l-aġent awtorizzat tiegħu/tagħha.
Artikolu 10
It-teħid tal-pussess mill-aġenzija ta’ intervent
1. Ir-ross offrut għandu jittieħed mill-aġenzija ta’ intervent meta l-kwantità minima u l-karatteristiċi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ikunu ġew stabbiliti mill-aġenzija ta’ intervent jew mill-aġent tagħha għall-prodotti kkunsinnati lill-maħżen ta’ l-intervent, skond l-Artikolu 12.
2. Il-kwantità kkunsinnata għandha tiġi stabbilita bil-piż fil-preżenza ta’ l-applikant u rappreżentant ta’ l-aġenzija ta’ intervent, li ma għandu jkollu l-ebda relazzjoni ma’ l-applikant. Il-persuna responsabbli mill-maħżen tista’ tirrappreżenta lill-aġenzija ta’ intervent.
3. F’dan il-każ l-aġenzija ta’ intervent stess għandha twettaq kontroll fi żmien 30 jum wara li tkun saret il-kunsinna. Ta’ l-inqas għandu jkun ikkontrollat il-piż, bl-użu ta’ miżuri volumetriċi.
Jekk, meta jkun intuża l-metodu volumetriku msemmi fl-ewwel sottoparagrafu, il-piż huwa inqas minn 6 % taħt il-kwantità rreġistrata fil-kotba tal-persuna responsabbli mill-maħżen, din il-persuna għandha tħallas l-ispejjeż kollha relatati mal-kwantitajiet neqsin hekk stabbiliti f’użin sussegwenti mqabbla mal-piż irreġistrat fil-kotba fil-mument tat-teħid tal-pussess.
Jekk, meta jkun intuża l-metodu msemmi fl-ewwel sottoparagrafu, il-piż huwa iktar minn 6 % taħt il-kwantità rreġistrata fil-kotba tal-persuna responsabbli mill-maħżen, il-prodotti għandhom jintiżnu immedjatament. L-ispejjeż involuti għall-użin għandhom jitħallsu mill-persuna responsabbli mill-maħżen jekk il-piż stabbilit huwa inqas mill-piż irreġistrat fil-kotba. Fil-każ oppost, l-aġenzija ta’ intervent għandha tħallas l-ispejjeż ta’ użin.
Artikolu 11
It-teħid tal-pussess fil-maħżen ta’ l-applikant
1. L-aġenzija ta’ intervent tista’ tieħu r-ross fil-fosdqa mill-post fejn huwa maħżun meta tkun saret l-offerta pjuttost milli miċ-ċentru ta’ intervent imsemmi mill-applikant. F’dan il-każ il-prodotti meħuda fil-pussess għandhom ikunu maħżuna separatament minn prodotti oħra.
Id-data ta’ teħid tal-pussess għandha taqbel mad-data li fiha l-karatteristiċi minimi elenkati fir-reġistru ta’ teħid tal-pussess imsemmija fl-Artikolu 14 ikunu ġew irreġistrati.
2. Fejn it-teħid tal-pussess isir skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-kwantità tista’ tkun stabbilita fuq il-bażi tal-kotba ta’ l-istokkijiet — magħmula skond speċifikazzjonijiet professjonali u skond ir-rekwiżiti ta’ l-aġenzija ta’ intervent — kemm-il darba:
(a) |
il-kotba juru:
|
(b) |
il-persuna responsabbli mill-maħżen tiddikjara li l-lott offrut jaqbel f’kull dettall mat-tagħrif fil-kotba. |
Il-piż li jrid jiġi rreġistrat għandu jkun il-piż imdaħħal fil-kotba, aġġustat kif xieraq biex titqies kull differenza bejn il-kontenut ta’ l-indewwa stabbilit waqt l-użin u l-kontenut stabbilit fuq il-bażi tal-kampjun rappreżentattiv.
Madankollu, l-aġenzija ta’ intervent għandha twettaq kontroll volumetriku fi żmien 30 jum mid-data tat-teħid tal-pussess. Kull differenza bejn il-kwantità mwieżna u l-kwantità stimata bl-użu tal-metodu volumetriku ma għandhiex tkun aktar minn 6 %.
Jekk, meta jkun intuża l-metodu volumetriku msemmi fit-tielet sottoparagrafu, il-piż huwa inqas minn 5 % taħt il-kwantità rreġistrata fil-kotba tal-persuna responsabbli mill-maħżen, din il-persuna għandha tħallas l-ispejjeż kollha li jirrigwardaw il-kwantitajiet neqsin hekk stabbiliti fl-użin sussegwenti mqabbel ma’ l-użin irreġistrat fil-kotba fil-mument tat-teħid tal-pussess.
Jekk, meta jintuża l-metodu msemmi fit-tielet sottoparagrafu, il-piż huwa aktar minn 6 % taħt il-kwantità rreġistrata fil-kotba tal-persuna responsabbli mill-maħżen, din il-persuna għandha tiżen ir-ross immedjatament. Il-persuna responsabbli mill-maħżen għandha tħallas l-ispejjeż ta’ l-użin jekk l-użin hekk stabbilit huwa inqas mill-piż kif irreġistrat. Il-FAEGG għandha tħallas l-ispejjeż fil-każ oppost.
Artikolu 12
Il-verifika tar-rekwiżiti tal-kwalità
1. Sabiex ikunu vverifikati r-rekwiżiti tal-kwalità mitluba taħt l-Artikolu 3 għall-aċċettazzjoni tar-ross fl-intervent, għandhom jittieħdu kampjuni mill-aġenzija ta’ intervent fil-preżenza ta’ l-applikant jew ta’ aġent debitament awtorizzat tiegħu/tagħha.
Għandhom jinġabru tliet kampjuni rappreżentattivi, kull wieħed jiżen mill-inqas kilogramma. Kull wieħed għandu jmur għand:
(a) |
l-applikant, |
(b) |
il-maħżen fejn għandu jseħħ it-teħid tal-pussess, |
(c) |
l-aġenzija ta’ intervent. |
Biex jinħadmu l-kampjuni rappreżentattivi, in-numru ta’ kampjuni individwali li għandhom jittieħdu għandhom jinkisbu billi ssir diviżjoni tal-kwantità b’10 tunnellati. Kull kampjun individwali għandu jiżen l-istess. Il-kampjuni rappreżentattivi għandhom ikunu magħmula mis-somma tal-kampjuni individwali, diviżi bi tlieta.
Ir-rekwiżiti tal-kwalità mitluba għandhom jiġu vverifikati bl-użu tal-kampjun rappreżentattiv li għandu jmur fil-maħżen fejn għandu jseħħ it-teħid tal-pussess.
2. Meta r-ross jittieħed barra mill-maħżen ta’ l-applikant, għandhom jittieħdu kampjuni rappreżentattivi għal kull parti tal-kunsinna (bi trakk, barkun, ferrovija) skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.
Qabel id-dħul tagħha fil-maħżen ta’ l-intervent l-eżami ta’ kull parti tal-kunsinna tista’ tkun limitata għal kontroll tal-kontenut ta’ l-indewwa u l-livell ta’ impurità u l-verifika li m’humiex preżenti insetti ħajjin. Madankollu, jekk aktar tard meta l-kontroll ikun intemm jirriżulta li parti mill-kunsinna ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità, il-lott għandu jiġi miċħud għat-teħid tal-pussess. Il-lott kollu għandu jiġi rtirat. L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż ta’ din l-operazzjoni.
Jekk l-aġenzija ta’ intervent fi Stat Membru hija kapaċi tikkontrolla r-rekwiżiti minimi kollha tal-kwalità għal kull parti ta’ kunsinna qabel ma tidħol fil-maħżen, hija għandha tirrifjuta t-teħid tal-pussess ta’ kull parti ta’ kunsinna li tonqos milli tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.
3. Meta t-teħid tal-pussess isir fil-maħżen ta’ l-applikant, kif stipulat fl-Artikolu 11, il-kontroll għandu jkun ibbażat fuq kampjun rappreżentattiv tal-lott offrut skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.
Il-kontroll għandu jistabbilixxi li l-prodotti huma konformi mar-rekwiżiti minimi tal-kwalità. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-lott ma għandux jittieħed.
Artikolu 13
L-iffissar tal-karatteristiċi tar-ross
1. Meta l-prodotti huma aċċettati, ladarba l-eżami taħt l-Artikolu 12 ikun twettaq il-karatteristiċi preċiżi tal-prodotti għandhom ikunu identifikati bil-ħsieb li jkun stabbilit il-prezz li għandu jitħallas lill-applikant. Dan il-prezz għandu jkun stabbilit għal-lott offrut fuq il-bażi tal-medja mwieżna tar-riżultati tat-test fuq il-kampjun rappreżentattiv kif definit fl-Artikolu 12.
Ir-riżultati tat-test għandhom ikunu nnotifikati lill-applikant fir-reġistru tat-teħid tal-pussess kif stipulat fl-Artikolu 14.
2. Jekk l-applikant jikkontesta r-riżultat tat-test imwettaq biex ikun determinat il-prezz skond il-paragrafu 1, laboratorju approvat mill-awtoritajiet kompetenti għandu jwettaq analiżi dettaljata oħra tal-karatteristiċi tal-prodotti bl-użu ta’ kampjun rappreżentattiv ġdid magħmul minn partijiet ugwali ta’ kampjuni miżmuma mill-applikant u l-aġenzija ta’ intervent. Fil-każ ta’ partijiet tal-kunsinni tal-lott offrut, ir-riżultat għandu jinkiseb mill-medja mwieżna tar-riżultati ta’ l-analiżi tal-kampjuni rappreżentattivi ġodda ta’ kull parti tal-kunsinna.
Ir-riżultat ta’ dan l-analiżi għandu jkun finali u għandu jiddeċiedi l-prezz li għandu jitħallas lill-applikant. L-ispiża biex issir din l-analiżi għandha titħallas mill-parti telliefa.
Artikolu 14
Ir-reġistru tat-teħid tal-pussess
Għal kull lott għandu jitħejja reġistru ta’ teħid tal-pussess mill-aġenzija ta’ intervent. L-applikant jew l-aġent tiegħu/tagħha jista’ jkun preżenti meta r-reġistru jkun qed jitħejja.
Huwa għandu jindika:
(a) |
id-data li fiha l-kwantità u l-karatteristiċi minimi ġew ivverifikati, |
(b) |
il-varjetà u l-piż ikkunsinnat, |
(c) |
in-numru ta’ kampjuni meħuda biex isir il-kampjun rappreżentattiv, |
(d) |
il-karatteristiċi fiżiċi u kwalitattivi osservati. |
Artikolu 15
L-iffissar tal-prezz li għandu jitħallas lill-applikant u l-ħlas
1. Il-prezz li għandu jitħallas lill-applikant għandu jkun dak iffissat skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003 għal prodotti kkunsinnati mhux maħtuta fil-maħżen u validi fid-data ffissata bħala l-ewwel jum ta’ kunsinna, filwaqt li jitqiesu ż-żidiet u t-tnaqqis fil-prezz stipulat fl-Artikolu 4 u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.
Meta r-ross jittieħed mill-maħżen ta’ l-applikant skond l-Artikolu 11, il-prezz li għandu jitħallas għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz ta’ l-intervent validu fid-data li fiha tkun aċċettata l-offerta, aġġustat biż-żidiet u t-tnaqqis tal-prezz applikabbli, u mnaqqas bl-ispejjeż ta’ trasport l-aktar vantaġġużi bejn il-post fejn ir-ross fil-fosdqa jittieħed fil-pussess u ċ-ċentru ta’ intervent l-aktar qrib, u mill-ispejjeż tat-tneħħija mill-maħżen. Dawn l-ispejjeż għandhom ikunu ddeterminati mill-aġenzija ta’ intervent.
2. Il-ħlas għandu jsir bejn it-32 u s-37 jum wara l-jum tat-teħid tal-pussess imsemmi fl-Artikolu 10(1) jew l-Artikolu 11(1).
Fejn japplika l-Artikolu 13(2), il-ħlas għandu jsir mill-aktar fis possibbli wara li r-riżultati ta’ l-aħħar test ikunu nnotifikati lill-applikant.
Meta l-applikanti għandhom jippreżentaw fattura qabel ma jkunu jistgħu jitħallsu u meta din il-fattura mhix ippreżentata fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-ewwel sottoparagrafu, il-ħlas għandu jsir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-preżentazzjoni proprja tal-fattura.
Artikolu 16
Il-monitoraġġ tar-ross maħżun
Operaturi li jaħżnu l-prodotti mixtrija f’isem l-aġenzija ta’ intervent għandhom regolarment jimmonitorjaw il-preżenza tagħhom u l-istat ta’ preżervazzjoni tagħhom u għandhom jinfurmaw lill-aġenzija minnufih b’kull problema f’dan ir-rigward.
L-aġenzija ta’ intervent għandha tikkontrolla l-kwalità tal-prodott maħżun mill-inqas darba fis-sena. It-teħid tal-kampjun għal dan il-għan jista’ jsir matul l-inventarju annwali mitlub mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2148/96 (6).
Artikolu 17
Il-kontroll tal-livell ta’ kontaminazzjoni radjuattiva
Ir-ross għandu jiġi mmonitorjat għall-kontaminazzjoni radjuattiva biss jekk is-sitwazzjoni titlob hekk u għall-perjodu meħtieġ. Fejn ikun meħtieġ, it-tul u l-għan tal-kontrolli għandhom ikunu ddeterminati skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003.
Artikolu 18
Regoli nazzjonali
L-aġenziji ta’ intervent għandhom, meta jkun meħtieġ, jadottaw il-proċeduri ta’ teħid tal-pussess u kundizzjonijiet addizzjonali, kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, biex jikkunsidraw kull kundizzjoni li tipprevali fl-Istat Membru li jappartjenu għalih.
Artikolu 19
Revoka
Ir-Regolamenti (KE) Nru 708/98 u (KE) Nru 549/2000 huma b’dan revokati.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ April 2005.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Marzu 2005.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 96.
(2) ĠU L 98, 31.3.1998, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1107/2004 (ĠU L 211, 12.6.2004, p. 14).
(3) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 118/2005 (ĠU L 24, 27.1.2005, p. 15).
(4) ĠU L 67, 15.3.2000, p. 14. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1091/2004 (ĠU L 209, 11.6.2004, p. 8).
(5) ĠU L 243, 27.9.2003, p. 92.
(6) ĠU L 288, 9.11.1996, p. 6.
ANNESS I
IĊ-ĊENTRI TA’ INTERVENT
1. Il-Greċja
Ir-Reġjuni |
L-isem taċ-ċentru |
Il-Greċja Ċentrali |
Volos Lamia Messolongi Larissa Elassona |
Il-Maċedonja |
Skotoysa Drymos Platy Provatas Pyrgos Thessaloniki Yannitsa |
Il-Peloponniż |
Messini |
2. Spanja
Ir-Reġjuni |
L-isem taċ-ċentru |
Aragona |
Ejea de los Caballeros Grañén |
Katalonja |
Aldea-Tortosa |
Valenzja |
Albal-Silla Sueca Cullera |
Murcia |
Calasparra |
L-Estremadura |
Don Benito Montijo Madrigalejo |
L-Andalusija |
Coria del Río Las Cabezas de San Juan La Puebla del Río Los Palacios Véjer de la Frontera |
Navarra |
Tudela |
3. Franza
Id-Dipartimenti |
L-isem taċ-ċentru |
Bouche-du-Rhône |
Arles Port-Saint-Louis-du-Rhône |
Gard |
Beaucaire Saint-Gilles |
Il-Gujana Franċiża |
Mana (Saint-Laurent-du-Maroni) |
4. L-Italja
Ir-Reġjuni |
L-isem taċ-ċentru |
Piemonte |
Vercelli Novara Cuneo Turin Alessandria Biella |
Veneto |
Rovigo |
Lombardia |
Pavia Mantua Milan Lodi |
Emilia-Romagna |
Piacenza Parma Ferrara Bologna Ravenna Reggio Emilia |
Sardinja |
Oristano Cagliari |
5. L-Ungerija
Ir-Reġjuni |
L-isem taċ-ċentru |
Il-Pjanura ’l Kbira fit-Tramuntana |
Karcag |
Il-Pjanura ’l Kbira fin-Nofsinhar |
Szarvas |
6. Il-Portugall
Ir-Reġjuni |
L-isem taċ-ċentru |
Beira Litoral |
Granja do Ulmeiro |
Ribatejo |
Mora Fronteira |
Alentejo |
Cuba Évora |
ANNESS II
A. IL-PRODUZZJONI BAŻIKA MIT-TĦIN
Deskrizzjoni tal-varjetà |
Produzzjoni miksuba (%) |
Produzzjoni totali (%) |
Argo, Selenio, Couachi |
66 |
73 |
Alpe, Arco, Balilla, Balilla GG, Balilla Sollana, Bomba, Bombon, Colina, Elio, Flipper, Frances, Lido, Riso, Matusaka, Monticili, Pegonil, Sara, Strella, Thainato, Thaiperla, Ticinese, Veta, Leda, Mareny, Clot, Albada, Guadiamar |
65 |
73 |
Ispaniki A, Makedonia |
64 |
73 |
Bravo, Europa, Loto, Riva, Rosa Marchetti, Savio, Veneria |
63 |
72 |
Tolima |
63 |
71 |
Inca |
63 |
70 |
Alfa, Ariete, Bahia, Carola, Cigalon, Corallo, Cripto, Cristal, Drago, Eolo, Girona, Gladio, Graldo, Indio, Italico, Jucar, Koral, Lago, Lemont, Mercurio, Miara, Molo, Navile, Niva, Onda, Padano, Panda, Pierina, Marchetti, Ribe, Ringo, Rio, S. Andrea, Saturno, Senia, Sequial, Smeraldo, Star, Stirpe, Vela, Vitro, Calca, Dion, Zeus |
62 |
72 |
Strymonas |
62 |
71 |
Anseatico, Baldo, Belgioioso, Betis, Euribe, Italpatna, Marathon, Redi, Ribello, Rizzotto, Rocca, Roma, Romanico, Romeo, Tebre, Volano |
61 |
72 |
Bonnet Bell, Rita, Silla, Thaibonnet, L 202, Puntal |
60 |
72 |
Evropi, Melas |
60 |
70 |
Arborio, Blue Belle, Blue Belle “E”, Blue Bonnet, Calendal, Razza 82, Rea |
58 |
72 |
Maratelli, Precoce Rossi |
58 |
70 |
Carnaroli, Elba, Vialone Nano |
57 |
72 |
Axios |
57 |
67 |
Roxani |
57 |
66 |
Pygmalion |
52 |
71 |
Varjetajiet mingħajr isem |
64 |
72 |
B. ŻIDIET U TNAQQIS FIL-PREZZ RELATATI MAL-PRODUZZJONI MIT-TĦIN
Produzzjoni ta’ ross fil-fosdqa mitħun |
Żidiet u tnaqqis fil-prezz għal kull punt ta’ produzzjoni |
’Il fuq mill-produzzjoni bażika |
żieda ta’ 0,75 % |
’L isfel mill-produzzjoni bażika |
tnaqqis ta’ 1 % |
Produzzjoni totali ta’ ross fil-fosdqa mitħun |
Żidiet u tnaqqis fil-prezz għal kull punt ta’ produzzjoni |
’Il fuq mill-produzzjoni bażika |
żieda ta’ 0,60 % |
’L isfel mill-produzzjoni bażika |
tnaqqis ta’ 0,80 % |
ANNESS III
PERĊENTWALI MASSIMI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(2)(d)
Difetti tal-qamħa |
Ross bil-qamħa tonda Kodiċijiet NM 1006 10 92 |
Qamħ Medju u Twil A Kodiċijiet NM 1006 10 94 u 1006 10 96 |
Qamħ twil B Kodiċi NM 1006 10 98 |
Qamħ tal-gibs |
6 |
4 |
4 |
Qamħ strijat bl-aħmar |
10 |
5 |
5 |
Qamħ bit-tikek u strijat |
4 |
2,75 |
2,75 |
Qamħ amber |
1 |
0,50 |
0,50 |
Qamħ isfar |
0,175 |
0,175 |
0,175 |
Impuritajiet differenti |
1 |
1 |
1 |
Qamħ tar-ross ta’ varjetajiet oħra |
5 |
5 |
5 |
ANNESS IV
TNAQQIS TAL-PREZZ GĦAL QAMĦ DIFETTUŻ |
||||
Difett tal-qamħa |
Perċentwali ta’ qamħ difettuż li jwassal għal tnaqqis fil-prezz ta’ l-intervent |
Perċentwali ta’ tnaqqis (1) applikabbli għad-diskrepanza addizzjonali lil hinn mill-inqas limitu |
||
Rossa tal-qamħa tonda Kodiċi NM 1006 10 92 |
Qamħa medja u Twila A Kodiċijiet NM 1006 10 94 u 1006 10 96 |
Qamħa twila B Kodiċi NM 1006 10 98 |
||
Qamħ tal-ġibs |
minn 2 % sa 6 % |
minn 2 % sa 4 % |
minn 1,5 % sa 4 % |
1 % għal kull diskrepanza ta’ 0,5 % addizzjonali |
Qamħ strijat bl-aħmar |
minn 1 % sa 10 % |
minn 1 % sa 5 % |
minn 1 % sa 5 % |
1 % għal kull diskrepanza ta’ 1 % addizzjonali |
Qamħ bit-tikek u strijat |
minn 0,5 % sa 4 % |
minn 0,5 % sa 2,75 % |
minn 0,5 % sa 2,75 % |
0,8 % għal kull diskrepanza ta’ 0,25 % addizzjonali |
Qamħ amber |
minn 0,05 % sa 1 % |
minn 0,05 % sa 0,50 % |
minn 0,05 % sa 0,50 % |
1,25 % għal kull diskrepanza ta’ 0,25 % addizzjonali |
Qamħ isfar |
minn 0,02 % sa 0,175 % |
minn 0,02 % sa 0,175 % |
minn 0,02 % sa 0,175 % |
6 % għal kull diskrepanza ta’ 0,125 % addizzjonali |
(1) Kull diskrepanza hija kkalkulata mill-perċentwali tal-qmuħ difettużi, sat-tieni post deċimali.
ANNESS V
IL-PARTI 1 IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5
Stat Membru |
Parti 1 |
Il-Greċja |
4 674 t |
Spanja |
20 487 t |
Franza |
4 181 t |
L-Italja |
40 764 t |
L-Ungerija |
307 t |
Il-Portugall |
4 587 t |
ANNESS VI
TAGĦRIF LI GĦANDU JITNIŻŻEL FIN-NOTIFIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 7(2)
Stat Membru: ….
Numru ta’ l-offerta |
Kwantità offruta (t) |
Kwantità minima (t) |
1 |
|
|
2 |
|
|
3 |
|
|
4 |
|
|
5 |
|
|
6 |
|
|
7 |
|
|
8 |
|
|
eċċ. |
|
|
Indirizz għat-trażmissjoni elettronika tat-tagħrif skond l-Artikolu 7(2): AGRI-INTERV-RICE@CEC.EU.INT