EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0713

Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 11 ta' Ottubru 2005 li tawtorizza r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda biex japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri marbuta mat-taxxi fuq il-bejgħ gross

ĠU L 271, 15.10.2005, p. 39–40 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 173M, 27.6.2006, p. 10–11 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/713/oj

27.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Ottubru 2005

li tawtorizza r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda biex japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri marbuta mat-taxxi fuq il-bejgħ gross

(2005/713/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxa fuq il-bejgħ gross - Sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): bażi uniformi ta' valutazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill, li jaġixxi unimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex idaħħal miżuri speċjali għal deroga mid-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa.

(2)

Permezz ta' ittri reġistrati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004 u tas-27 ta’ Ottubru 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (hawn aktar 'il quddiem “il-Ġermanja”) u r-Renju ta’ l-Olanda (hawn aktar “il quddiem”“l-Olanda”) talbu l-awtorizzazzjoni biex idaħħlu miżura speċjali li għandha x’taqsam mal-kostruzzjoni, it-tiswija u r-restawr ta’ pont li jaqsam il-fruntieri fuq ir-Rodebach bejn Selfkant (fit-Tramuntana ta’ Millen, fil-Ġermanja) u Echt-Susteren (fit-Tramuntana ta’ Sittard, fl-Olanda).

(3)

Skond l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni, b’ittra bid-data tal-11 ta’ Jannar 2005, għarrfet lill-Istati Membri l-oħra dwar it-talba magħmula mill-Ġermanja u mill-Olanda. Permezz ta’ ittri bid-data ta’ l-14 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja u lill-Olanda li hija kellha t-tagħrif kollu meħtieġ għal stima tat-talba.

(4)

Għal provvista ta’ oġġetti u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji, u għall-importazzjoni ta’ oġġetti intenzjonati għall-kostruzzjoni, it-tiswija u r-restawr tal-pont, l-għan tal-miżura speċjali huwa li l-post kollu kemm hu tal-kostruzzjoni tal-pont li jaqsam il-fruntieri u, wara li jitlesta, il-pont innifsu, jitqiesu li qegħdin fuq it-territorju tal-Ġermanja.

(5)

Fin-nuqqas ta' miżura speċjali għal kull provvista ta’ oġġetti u servizzi użati għall-kostruzzjoni, it-tiswija u r-restawr tal-pont in kwistjoni, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-post ta’ tassazzjoni kienx il-Ġermanja jew l-Olanda, li fil-prattika se jkun ikkumplikat ħafna għall-kuntratturi nkarigati mix-xogħolijiet konċernati.

(6)

L-għan ta’ din id-deroga huwa li jissimplifika l-proċedura għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kostruzzjoni, it-tiswija jew r-restawr tal-pont in kwistjoni.

(7)

Id-deroga mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi tal-Komunità Ewropea nnifisha ipprovduti mill-VAT.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda huma hawnhekk awtorizzati li f’dak li huma provvisti ta’ oġġetti jew servizzi, akkwisti intra-Komunitarji, u importazzjoni ta’ oġġetti maħsuba għall-kostruzzjoni, it-tiswija jew ir-restawr tal-pont li jaqsam il-fruntieri fuq ir-Rodebach bejn Selfkant (fit-Tramuntana ta’ Millen, fil-Ġermanja) u Echt-Susteren (fit-Tramuntana ta’ Sittard, fl-Olanda), huma jqisu l-kostruzzjoni tal-post kollu kemm hu tal-pont li jaqsam il-fruntieri, u wara li jitlesta, il-pont innifsu, bħala li qegħdin fuq it-territorju tal-Ġermanja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Renju ta’ l-Olanda.

Magħmula fi Brussel, 11 ta' Ottubru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BROWN


(1)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).


Top