Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0010

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta' Diċembru 2004 li temenda d-Direttiva 2004/666/KE dwar l-introduzzjoni tat-tilqim f'ċerti partijiet ta' l-Italja milquta minn influwenza patoġenika tat-tjur u l-estensjoni ta' miżuri ta' kontroll fuq il-moviment (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 5541) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 4, 6.1.2005, p. 15–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 268–269 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005; Impliċitament imħassar minn 32005D0926

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/10(1)/oj

    14.10.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    268


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-30 ta' Diċembru 2004

    li temenda d-Direttiva 2004/666/KE dwar l-introduzzjoni tat-tilqim f'ċerti partijiet ta' l-Italja milquta minn influwenza patoġenika tat-tjur u l-estensjoni ta' miżuri ta' kontroll fuq il-moviment

    (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 5541)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2005/10/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar l-ispezzjonijiet veterinarji fil-Kummerċ intra-Komunitarju bi ħsieb li jitlesta s-suq intern (1), u b'mod partikolari, l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-ispezzjonijiet veterinarji u zootekniċi applikabbli għall-kummerċ intra-komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bi ħsieb li jitlesta s-suq intern (2), u, b'mod partikolari, l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/40/KEE tad-19 ta' Mejju 1992 li daħħlet miżuri għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE li tistabbilixxi r-regoli dwar is-saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li ġejjin mill-annimali għall-konsum uman (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) u (3) u l-Artikolu 13(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/975/KE tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar l-introduzzjoni ta' tilqima biex tissupplementa l-miżuri ta' kontroll ta' l-infezzjonijiet b'influwenza tat-tjur patoġenika baxxa fl-Italja u dwar miżuri speċifiċi (5) ta' kontroll tal-moviment, sar programm ta' tilqim f'partijiet mill-Italja ta' Fuq sabiex jiġu kkontrollati l-infezzjonijiet bi strat baxx ta' influwenza patoġenika tat-tjur tas-sotto-tip H7N3. Strateġija DIVA ġiet applikata bl-użu ta' vaċċinazzjoni eterologa tas-sotto-tip H7N1, li tippermetti differenzjament bejn it-tjur infettati u dawk imlaqqma. Sa minn Settembru 2003, ma ġiet innutata l-ebda ċirkolazzjoni ulterjuri ta' l-istrat tal-virus.

    (2)

    Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/666/KE tad-29 ta' Settembru 2004 dwar l-introduzzjoin ta' tilqima biex tissupplementa l-miżuri ta' kontroll fuq l-infezzjonijiet b'influwenza patoġenika tat-tjur baxxa fl-Italja u dwar miżuri speċifiċi ta' kontroll fuq il-moviment li ħassret l-2002/975/KE (6) ġie approvat programm ġdid ta' tilqim f'żona iżgħar ta' l-Italja xħin imqabbla mal-kampanja ta' tilqim ta' qabel taħt id-deċiżjoni 2002/975/KE. Il-programm il-ġdid jitmexxa b' tilqima bilvalenti li fiha ż-żewġ sotto-tipi ta' influwenza tat-tjur H5 u H7. Il-projbizzjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju fit-tjur ħajjin u l-bajd li jfaqqas tapplika fiż-żona ta' tilqim u l-kundizzjonijiet għall-kummerċ fi ħdan il-Komunità fil-laħam li ġej minn tjur imlaqqma ġew stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni.

    (3)

    Sa minn nofs Settembru 2004, hemm provi illi influwenza patoġenika baxxa tat-tjur ta' l-istess sotto-tip H7N3 reġgħet tfaċċat fiż-żoni ta' l-Italja li kienu ntlaqtu qabel.

    (4)

    Minkejja sal-lum l-infezzjonijiet jidhru li huma limitati f'żona definita taħt ir-restrizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2004/666/KE, jidher li huwa xieraq li jerġa' jiddaħħal it-tilqim fiż-żoni konfinanti sabiex jipprevjeni l-firxa ulterjuri tal-marda. Aktar minn hekk, jixraq li jiġu estiżi l-miżuri restrittivi stipulati f'dik id-Deċiżjoni.

    (5)

    Minħabba d-disponibbiltà tat-tilqim il-kampanja ta' tilqim għandha ssir b'tilqima monovalenti tajba kontra l-infezzjonijiet attwali tas-sotto-tip H7N3.

    (6)

    Aktar minn hekk, il-marka tas-saħħa li trid tiġi applikata għal-laħam frisk tat-tjur li mhux intiż għall-kummerċ fi ħdan il-Komunità u lanqas biex jintbagħat lejn terzi pajjiżi, kif stipulat fid-Deċiżjoni 2004/666/KE, għandha tiġi emendata sabiex tiffaċilita l-użu nazzjonali.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2004/666/KE qed tiġi emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 1 jiġi mibdul b'dan li ġej:

    “Artikolu 1

    1.   Il-programm ta' tilqim kontra l-influwenza tat-tjur sottomess mill-Italja lill-Kummissjoni qed jiġi approvat. Dan għandu jiġi implementat fiż-żoni elenkati fl-Anness I b'tilqima bivalenti u fiż-żoni elenkati fl-Anness II bit-tilqima monovalenti.

    2.   Għandhom isiru monitoraġġ u sorveljanza intesivi, kif stipulat fil-programm ta' tilqim imsemmi fil-paragrafu 1, fiż-żoni elenkati fl-Annessi I u II.”

    2.

    Fl-Artikoli 2 u 3, il-kelmiet “Anness I” qed jiġu mibdula bil-kelmiet “Annessi I u II”.

    3.

    L-Artikolu 5 qed jiġi emendat kif ġej:

    a)

    Fil-paragrafu 1, il-frażi ta' introduzzjoni qed tiġi mibdula b'dan li ġej:

    “Il-Laħam frisk tat-tjur għandu jiġi mmarkat b'marka rettangolari li jkun fiha n-numru ta' l-approvazzjoni ta' l-istabbiliment, iżda mhux l-ittri C.W., u m'għandux jintbagħat mill-Italja jekk ikun ġej minn:”

    b)

    Fil-paragrafu 2, il-kelmiet “l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE” qed jiġu mibdula mill-kelmiet “paragrafu 1”.

    4.

    Fl-Artikolu 6, il-frażi ta' introduzzjoni, il-kelmiet “Anness I” qed jiġu mibdula bil-kelmiet “Annessi I u II”.

    5.

    Fl-Anness I, it-titolu “żona ta' tilqim” qed jiġi mibdul mit-titolu “Żona, fejn it-tilqim isir b'tilqima bivalenti”.

    6.

    Fl-Anness II, it-titolu “żona konfinanti maż-żona ta' tilqim fejn isir monitoraġġ intensiv” huwa mibdul mit-titolu “Żona, fejn isir it-tilqim b'tilqima monovalenti”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, fis-27 ta' Diċembru 2004.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/41/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 157, tat-30.4.2004, p. 33).

    (2)  ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/33/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 315, tad-19.11.2002, p. 14).

    (3)  ĠU L 167, tat-22.6.1992, p. 1; Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).

    (4)  ĠU L 18, tat-23.1.2003, p. 11.

    (5)  ĠU L 337, tat-13.12.2002, p. 87.

    (6)  ĠU L 303, tat-30.9.2004, p. 5.


    Top