Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0648

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta' Settembru 2004 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li hemm fis-Sħubija Ewropea mal-Kroazja

    ĠU L 297, 22.9.2004, p. 19–28 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 258–267 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/02/2006; Imħassar b' 32006D0146

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/648/oj

    30.5.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    258


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta' Settembru 2004

    dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li hemm fis-Sħubija Ewropea mal-Kroazja

    (2004/648/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar it-twaqqif ta' Sħubijiet Ewropej fil-kwadru tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u 20 ta' Ġunju 2003 approva l-“Aġenda ta' Salonka għall-Balkani tal-Punent: lejn l-integrazzjoni Ewropea” it-tfassil tas-Sħubijiet Ewropej jissemma bħala wieħed mill-mezzi biex jiġi intensifikat il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jistabbilixxi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, b'maġġoranza kwalifikata u wara proposta mill-Kummissjoni, dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li għandu jkun hemm fis-Sħubijiet Ewropej, kif ukoll kwalunkwe aġġustamenti sussegwenti. Jgħid ukoll li l-insegwiment ta' l-implimentazzjoni tas-Sħubijiet Ewropej jiġi assigurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u notevolment ir-Rapporti Annwali.

    (3)

    L-Opinjoni tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir membru tippreżenta analiżi tat-tħejjijiet tal-Kroazja għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea u tidentifika numru ta' oqsma ta' prijorità għal aktar ħidma.

    (4)

    Sabiex tħejji għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropeja, il-Kroazja għandha tiżviluppa pjan, bi skeda ta' żmien u dettalji biex titratta l-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 533/2004, il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li hemm fis-Sħubija Ewropea mal-Kroazja huma stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni li huwa parti integrali minnha.

    Artikolu 2

    L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għandha tiġi eżaminata permezz tal-qafas tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, nhar it-13 ta' Settembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. R. BOT


    (1)  ĠU L 86, ta' l-24.3.2004, p. 1.


    ANNESS

    1.   INTRODUZZJONI

    L-Aġenda ta' Salonka għall-Balkani tal-Punent tidentifika modi u mezzi biex jiġi intensifikat il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fost ħwejjeġ oħra permezz ta' l-introduzzjoni ta' Sħubijiet Ewropej.

    Imsejjes fuq l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir membru, l-għan tas-Sħubija Ewropea mal-Kroazja hu li jidentifika l-prijoritajiet għall-azzjoni sabiex jiġu sostnuti l-isforzi biex tersaq iżjed lejn l-Unjoni Ewropea f'qafas koerenti. Il-prijoritajiet huma adattati għal bżonnijiet speċifiċi u l-livell ta' preparazzjoni tal-Kroazja u jiġu aġġornati kif meħtieġ. Is-Sħubija Ewropea tipprovdi wkoll gwida għal għajnuna finanzjarja lill-Kroazja.

    Huwa mistenni li l-Kroazja tadotta pjan li jinkludi skeda ta' żmien u dettalji dwar kif bi ħsiebha tittratta il-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea. Il-pjan għandu jindika wkoll modi kif tiġi segwita l-aġenda ta' Salonka, il-prijoritajiet fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u I l-miżuri għall-amministrazzjoni integrata tal-fruntieri preżentati fil-laqgħa ministerjali tal-ĠAI li saret fi Brussel fit-28 ta' Novembru 2003 fil-qafas tal-Forum ta' l-UE–Balkani tal-Punent.

    2.   PRINĊIPJI

    Il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa' l-qafas għall-mixja Ewropea tal-pajjiżi Balkani tal-Punent, matul triqthom kollha sa l-adeżjoni futura tagħhom .

    Il-prijoritajiet prinċipali identifikati għall-Kroazja għandhom x'jaqsmu mal-kapaċità tagħha li tissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta' Copenhagen tal-1993 u l-kondizzjonijiet stabbiliti għall-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, notevolment il-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997 u l-21-22 ta' Ġunju 1999, il-kontenut tad-dikjarazzjoni finali tas-Summit ta' Zagreb tal-24 ta' Novembru 2000 u l-aġenda ta' Salonka.

    3.   PRIJORITAJIET

    Is-Sħubija Ewropea tindika l-oqsma prinċipali ta' prijorità għat-tħejjijiet tal-Kroazja għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea, ibbażati fuq l-analiżi fl-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir membru. Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija Ewropea ġew magħżula abbażi illi huwa realistiku li wieħed jistenna li l-Kroazja tista' tlestihom jew tmexxihom 'il quddiem b'mod sostanzjali fil ftit snin li ġejjin. Qed issir distinzjoni bejn prijoritajiet għal żmien qasir, li huma mistennija li jitlestew fi żmien sena sa sentejn, u prijoritajiet għal żmien medju, li huma mistennija jitlestew fi żmien tlieta sa erba' snin.

    Ta' min ifakkar li fejn għandha x'taqsam l-approssimazzjoni leġislattiva, l-inkorporazzjoni ta' l-acquis ta' l-UE f'leġislazzjoni fiha nfisha mhix biżżejjed; ikun meħtieġ ukoll li ssir tħejjija għall-implimentazzjoni sħiħa tiegħu.

    3.1.   PRIJORITAJIET GĦAL ŻMIEN QASIR

    Kriterji politiċi

    Demokrazija u Stat tad-Dritt

    Tissaħħaħ is-Sistema Ġudizzjarja

    Tiġi żviluppata u implimentata strateġija komprensiva għar-riforma ġudizzjarja b'konsultazzjoni ma' korpi interessati, inkluża l-adozzjoni ta' liġijiet ġodda meħtieġa u l-istabbiliment ta' sistema ta' maniġġar tal-karriera li tinkludi wkoll sistema miftuħa, ġusta u trasparenti ta' reklutaġġ, valutazzjoni u mobilità. Jissaħħaħ il-professjonaliżmu fil-ġudikatura billi jiġi żgurat finanzjament adegwat mill-istat għall-istituzzjonijiet ta' taħriġ għall-imħallfin u uffiċjali oħra ġudizzjarji, li jippermettilha tiżviluppa taħriġ ta' livell għoli għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal amministrattiv. Isir provvediment għal skemi adegwati ta' taħriġ inizjali u vokazzjonali. Tiġi ttrattata l-problema ta' xogħol b'lura fil-qrati. Jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata l-esekuzzjoni xierqa u sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-qorti.

    Tittejjeb il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    Jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-qafas legali biex tiġi trattata l-korruzzjoni jiġi implementat u nfurzat. Partikularment, tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u operazzjonali ta' l-Uffiċċju għat-Trażżin tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (USKOK). Tkompli tiġi żviluppata strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jkun hemm provvediment għall-koordinazzjoni meħtieġa bejn id-dipartimenti u korpi relevanti tal-gvern fejn għandha x'taqsam l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni. Jiġu introdotti kodiċi ta' kondatta/etika għal uffiċjali u għal rappreżentanti eletti. Jittieħdu azzjonijiet konkreti biex titkabbar il-kuxjenza dwar il-korruzzjoni bħala reat kriminal serju.

    Jittejjeb l-operat ta' l-amministrazzjoni pubblika

    Jittieħdu passi inizjali biex jiġi żgurat l-użu ta' miżuri trasparenti għar-reklutaġġ u promozzjoni u biex tittejjeb l-immaniġar ta' riżorsi umani fil-korpi kollha ta' l-amministrazzjoni pubblika sabiex tiġi żgurata l-accountability, l-għamil bil-miftuħ u t-trasparenza tas-servizz pubbliku.

    Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

    Jitkabbar ir-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi.

    Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Liġi Kostituzzjonali dwar il-Minoranzi Nazzjonali. Partikularment tiġi żgurata rappreżentanza proporzjonali tal-minoranzi f'entijiet lokali u reġonali li jiggvernaw lilhom infushom, fl-amministrazzjoni ta' l-istat u korpi ġudizzjarji, u f'korpi ta' l-amministrazzjoni pubblika kif regolati mil-Liġi. Jiġu provduti l-mezzi neċessarji, inklużi fondi adegwati, biex jiġi żgurat il-funnzjonament sew ta' Kunsilli ta' Minoranza eletti. Tiġi implimentata l-istrateġija l-ġdida għall-protezzjoni u l-integrazzjoni tar-Roma.

    Jitħaffef ir-ritorn tar-rifuġjati.

    Jitlesta l-ipproċessar ta' talbiet għal rikostruzzjoni ta' djar diġa sottomessi, sa April 2004; jiġu rikostruwiti d-djar kollha li jkun hemm deċiżjoni pożittiva għalihom sa April 2005; tiġi żgurata kampanja adegwata ta' kuxjenza pubblika għal dawk li jkunu jistgħu jibbenefikaw, wara l-ftuħ mill-ġdid tat-terminu perentorju għas-sottomissjoni ta' talbiet għal rikostruzzjoni mill-1 ta' April sat-30 ta' Settembru 2004. Titkompla r-ripossessjoni ta' djar sa Ġunju 2004. Tiġi implimentata l-liġi għal kumpens ta' drittijiet mitlufa ta'kera/okkupazzjoni fi, u barra mill-oqsma ta' interess speċjali għall-Istat. Tinkiseb koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha relevanti fuq livell ċentrali u lokali. Jinħolqu kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi biex tittejjeb il-klima għal dawk li jerġgħu lura u l-aċċettazzjoni ta' dawk li jerġgħu lura mill-komunitajiet li jirċivuhom. Tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali biex jitħeffef il-proċess ta' ritorn tar-refuġjati.

    Tissaħħaħ il-libertà ta' l-espressjoni u jiġi żgurat il-funzjonament demokratiku tal-medja.

    Tiġi reveduta l-liġi tal-medja b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet formulati fi Frar 2004 mill-missjoni konġunta ta' perizja tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea u l-OSCE. Partikularment, jiġi revedut l-Att tal-Medja Elettronika sabiex jiġi stabbilit qafas regolatorju trasparenti, prevedibbli u effettiv (inkluż allinjament progressiv ma' l-acquis ta' l-UE permezz ta' l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa fuq Televiżjoni Bejn il-Fruntieri li diġa ġiet ratifikata); tiġi żgurata l-indipendenza politika u finanzjarja tal-Kunsill għall-Medja Elettronika; jiġi żgurat li Radju u Televiżjoni Kroati u L-Kunsill tal-Programmi tagħha jaħdmu b'mod indipendenti u jibqgħu stabbli waqt li l-Att dwar Radju u Televiżjoni Kroati jiġi revedut; jiġi żgurat li r-reviżjoni ta' l-Att dwar il-Medja u l-liġijiet dwar malafama jirriflettu l-istandards Ewropej kif definiti fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    Tittejjeb il-kooperazzjoni ma' l-Ombudsman b'kunsiderazzjoni sħiħa ta' dak li sab kif espress fir-rakkomandazzjonijiet u r-rapport annwali tiegħu.

    Ko-Operazzjoni Reġjonali

    Tiġi żgurata kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Internazzjonali Kriminali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY).

    Tittejjeb il-kooperazzjoni reġjonali.

    Issir ħidma biex jinstabu soluzzjonijiet definittivi għal kwistjonijiet bilaterali pendenti, partikularment kwistjonijiet dwar fruntieri mas-Slovenja, is-Serbja u Montenegro u l-Bosnija u Ħerzegovina bla ma jittieħdu inizjattivi unilaterali. Tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet kollha li joħorġu mid-dikjarazzjoni unilaterali taż-“Żona ekoloġika u tas-sajd” protetta fl-Adrijatiku. Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-ftehim reġjonali kollha dwar kummerċ ħieles. Ikun konkluż u jiġi implimentat sett ta' ftehim ma' pajjiżi ġirien fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, am,ministrazzjoni ta' fruntieri u ammissjoni mill-ġdid. Jibda jiġi implimentat il-Memorandum ta' Ftehim dwar l-Iżvilupp tar-Rettikolat Ċentrali ta' Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk u partikularment jittieħdu miżuri biex jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni, i.a. l-iSteering Committee and the l-Osservatorju ta' Trasport ta' l-Ewropa tax-Xlokk (SEETO). Isir progress fit-twettieq ta' l-impenni li joħorġu mill-Memoranda ta' l-2002 u l-2003 tal-proċess ta' Ateni fuq is-Suq Reġjonali ta' l-Enerġija fl-Ewropa tax-Xlokk.

    Tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qasam ta' kooperazzjoni reġjonali.

    Ikunu konklużi negozjati ma' Dik li Qabel Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-konvenzjoni bilaterali fuq kooperazzjoni reġjonali

    Kriterji ekonomiċi

    Tkun sostnuta politika makro-ekonomika prudenti, b'orjentazzjoni ta' stabbiltà, inkluż l-iżvilupp ta' strumenti monetarji bbażati fuq is-suq, sabiex tissaħħaħ l-effikaċja ta' politka monetarja.

    Jitħaffu ir-ristrutturar ta' l-intrapriża u l-privatizzazzjoni.

    Jitneħħew l-inċertezzi permezz ta' l-adozzjoni ta' malajr tal-liġijiet pendenti. Jitħaffu l-istrutturar ta' l-intrapriża u l-privatizzazzjoni ta' intrapriżi pubbliċi. Jiġu żviluppati u adottati strateġiji għar-ristrutturar u l-privatizzazzjoni jew likwidazzjoni ta' intrapriżi pubbliċi kbar, partikularment fil-manifattura, agrikoltura, trasport, turiżmu u servizzi pubbliċi. Jiġi adottat u jibda jiġi implimentat programm ta' ristrutturar fis-settur ta' l-azzar f'koformità ma' l-istandards ta' l-UE.

    Jitnaqqsu l-ostakli għal dħul fis-suq u l-ħruġ minnu.

    Ikun ssimplikfikati r-regoli għal dħul fis-suq u ħruġ mis-suq ta' l-intrapriżi. Partikularment, jitħaffu l-proċeduri ta' reġistrazzjoni u titejjeb l-implimentazzjoni tar-regoli tal-falliment.

    Titħaffef ir-riforma ta' l-art, u partikularment ir-reġistrazzjoni u l-privatizzazzjoni ta' l-art agrikola, permezz ta' l-istabbiliment ta' katast u reġistru ta' l-artijiet moderni u effiċjenti biex jiġu eliminati l-ostakli kurrenti għall-iżvilupp ta' l-art u s-swieq tad-djar.

    Jiġi adottat qafas fiskali għal żmien medju li jkun jirrifletti aġġustament fiskali u konsolidazzjoni kontinwi.

    Jitkomplew ir-riformi strutturali fil-finanzi pubbliċi, partikularment fil-qasam ta' amministrazzjoni ta' l-infiq. Tiġi stabbilita kapaċità trasparenti u effiċjenti ta' amministrazzjoni tad-dejn.

    Kapaċità li jkunu assunti l-obbligi ta' membru

    Suq intern u kummerċ

    Moviment liberu tal-merkanzija

    Jiġi strutturat il-qafas istituzzjonali eżistenti sabiex titlesta s-separazzjoni neċessarja bejn il-funzjonijiet regolatorji, ta' akkreditazzjoni, standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni tal-prodott. Titkompla l-ħidma fuq it-traspożizzjoni ta' direttivi ta' approċċ qadim u dak ġdid.

    Ikunu aboliti il-miżuri li baqa' li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjonijiet mill-UE.

    Jiġu stabbiliti l-istrutturi amministrattivi neċessarji biex jiġi żgurat approċċ komprensiv biex tissaħħaħ is-sigurtà ta' l-ikel matul il-katina kollha ta' l-ikel.

    Jiġi żgurat li sistema effettiva u trasparenti ta' akkwist pubbliku ssir operazzjonali b'mod sħiħ u jiġu adottati r-regolamenti ta' implimentazzjoni neċessarji.

    Libertà li jiġu pprovduti servizzi

    Jissaħħaħ il-qafas regolatorju u amministrattiv għas-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji u partikularment tas-suq ta' l-assigurazzjoni, servizzi ta' l-investiment u swieq tas-sigurtajiet.

    Tiġi stabbilita awtorità indipendenti ta' superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta' data personali.

    Moviment liberu ta' kapital

    Jittejbu l-liġijiet ta' kontra l-money-laundering u jitlesta l-istabbiliment ta' sistema effettiva kontra l-money-laundering.

    Liġi tal-kumpaniji

    Jissokta l-alinjament leġislattiv sabiex jiġi garantit livell ta' protezzjoni ta' drittijiet intellettwali, industrijali u ta' proprjetà kummerċjali, simili għal dak li jeżisti fl-UE u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva sabiex jiġu pprovduti mezzi effettivi biex jiġu inforzati dawn id-drittijiet.

    Kompetizzjoni

    Jissokta l-alinjament ma' l-acquis ta' l-UE, jiġu nforzati liġijiet ta' anti-trust u ta' għajnuna mill-Istat u jkunu adottati regolamenti relevanti ta' implimentazzjoni. Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u l-indipendenza ta' l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni tas-Suq, kemm fl-oqsma ta' għajnuna mill-Istat u ta' anti-trust. Tiżdied it-trasparenza fil-qasam ta' għajnuna mill-Istat, inter alia billi jingħata lill-UE rapport annwali regolari, u jiġi stabblit inventarju komprensiv ta' skemi ta' għajnuna mill-Istat.

    Tassazzjoni

    Tinbeda reviżjoni tal-liġijiet preżenti tat-taxxa u l-proċeduri amministrattivi sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-liġijiet tat-taxxa.

    Tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u doganali, partikularment fir-rigward ta' funzjonijiet ta' ġbir u kontroll; jinħoloq servizz ta' dazju tas-sisa li jiffunzjona u u b'persunal adegwat; ikunu ssimplifikati l-proċeduri għal prosekuzzjoni effettiva ta' frodi tat-taxxa.

    Jibdew ikunu żviluppati s-sistemi neċessarji ta' IT sabiex jippermettu l-iskambju ta' data elettronika ma' l-UE u ma' l-Istati Membri tagħha.

    Unjoni Doganali

    Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u operattiva tas-servizzi doganali, partikularment fejn għandu x'jaqsam il-kontroll ta' regoli preferenzjali ta' oriġini, u jitkompla l-alinjament mal-Kodiċi Doganali ta' l-UE.

    Tissokta titkabbar il-kooperazzjoni amministrattiva fis-settur doganali b'konformità mal-Ftehim Interim.

    Relazzjonijet esterni

    Jiġi implimentat kif jixraq il-protokoll dwar l-adattament tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni /Ftehim Interim biex jittieħed kont tat-tkabbir ta' l-UE.

    Politika settorjali

    Agrikoltura

    Tibda tiġi stabbilita sistema xierqa ta' identifikazzjoni ta' taqsimiet ta' l-art u sistema ta' identifikazzjoni ta' l-annimali b'konformità ma' l-acquis ta' l-UE. Jiġu rinforzati l-ġbir u l-ipproċessar ta' statistiċi agrikoli b'konformità ma' l-istandards u l-metodoloġija ta' l-UE.

    Tiġi żviluppata strateġija sabiex jiġu stabbiliti korpi ta' pagament effikaċi u finanzjarjament sani għall-amministrazzjoni u l-kontroll ta' fondi agrikoli, b'konformità ma' l-istandards ta' l-UE u ma' l-istandards internazzjonali ta' verifika.

    Jiġu rinforzati l-istrutturi amministrattivi meħtieġa biex jiġu stabbiliti strateġija ta' żvilupp rurali u strumenti politiċi għat-tfassil, implimentazzjoni, amministrazzjoni, monitoraġġ, kontroll u valutazzjoni ta' programmi ta' żvilupp rurali.

    Jitkompla l-alinjament ma' l-acquis ta' l-UE fis-settur veterinarju u fitosanitarju, jittejbu l-arranġamenti ta' spezzjoni, jiġu modernizzati l-impjanti tal-laħam u tal-ħalib sabiex jilħqu l-istandards ta' l-UE dwar l-iġjene u s-saħħa pubblika. Tiġi alinjata s-sistema ta' importazzjoni għal annimali ħajjin u prodotti ta' l-annimali ma' obbligi sanitarji u fitosanitarji internazzjonali u l-acquis ta' l-UE.

    Sajd

    Jibdew jitwaqqfu strutturi adegwati amministrattivi u ta' spezzjoni għall-politika dwar is-sajd. Wara d-deċiżjoni unilaterali tal-Kroazja ta' Ottubru 2003 biex tespandi l-ġurisdizzjoni tagħha fl-Adrijatiku, jiġu valutati mal-Kummissjoni Ewropea u pajjiżi ġirien interessati, partikularment is-Slovenja u l-Italja, il-konsegwenzi għal attivitajiet ta' sajd fil-medda, bil-ħsieb li jiġu elaborati soluzzjonijiet xierqa — fil-kwadru tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Venezja dwar l-Iżvilupp sostenibbli tas-sajd fil-Mediterran — biex tiġi żgurata l-kontinwità ta' attivitajiet ta' sajd tal-Komunità.

    Trasport

    Jitkompla l-alinjament leġislattiv u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fis-settur ta' l-avjazzjoni.

    Statistika

    Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta' l-Uffiċċju Kroat ta' l-Istatistika u ttittejjeb il-koordinazzjoni ma' produtturi oħra ta' statistika uffiċjali fil-Kroazja. Tiġi sottomessa lill-Kummissjoni proposta ġdida għal reġjuni statistiċi, b'konformità ma' l-ħtiġiet ta' l-UE.

    Telekomunikazzjonijiet u teknoloġiji ta' l-informatika

    Tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-oqsma tat-telekomunikazzjoni u servizzi postali u tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom.

    Ambjent

    Tiġu żviluppata leġislazzjoni orizzontali, inkluż dwar l-istima ta' impatt ambjentali u dwar il-parteċipazzjoni pubblika.

    Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali biex jiġi żgurat l-ippjanar, inkluża t-tħejjija ta' strateġiji finanzjarji.

    Tissaħħaħ il-kapaċità ta' servizzi ta' spezzjoni nazzjonali u reġjonali u jitħallew jinforzaw il-liġijiet ambjentali b'mod effettiv.

    Jiġi adottat u jibda jiġi implimentat pjan għall-immaniġar ta' l-iskart.

    Kontroll Finanzjarju

    Tiġi żviluppata politika għall-istabbiliment ta' sistema ta' Kontroll Finanzjarju Intern Pubbliku. Jiġu stabbiliti jew rinforzati funzjonijiet ta' kontroll intern pubbliku permezz ta' proviżjoni ta' persunal, taħriġ u tagħmir adegwati, inklużi unitajiet ta' verifika interna li jiffunzjonaw indipendentament.

    Jiġu stabbiliti proċeduri effettivi għas-sejbien, it-trattament u l-insegwiment finanzjarju, amministrattiv u ġudizzjarju ta' irregolaritajiet li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

    Kooperazzjoni fil-ġustizzja u l-affarijiet interni

    Amministrazzjoni tal-fruntieri

    Tissaħħaħ l-amministrazzjoni tal-fruntieri billi tiġi rinforzata partikularment is-sorveljanza tal-fruntieri marittimi; tiġi adottata u implimentata strateġija ta' amministrazjoni integrata tal-fruntieri; jiżdiedu l-investimenti f'tagħmir u infrastruttura tekniċi; jissaħħaħ it-taħriġ speċjalizzat għall-uffiċjali tal-fruntieri.

    B'koordinazzjoni ma' l-aġenziji relevanti kollha, jiġu implimentati l-miżuri li ġew adottati mill-Gvern u preżentati fil-laqgħa tal-ministri tal-ĠAI tal-Forum ta' l-UE-Balkani tal-Punent fit-28 ta' Novembru 2003.

    Kriminalità organizzata, drogi, korruzzjoni u terroriżmu

    Jiġu implimentati l-miżuri orjentati lejn l-azzjoni, li ġew adottati mill-Gvern u preżentati fil-laqgħa tal-ministri tal-GAI fil-qafas tal-Forum ta' l-UE-Balkani tal-Punent fit-28 ta' Novembru 2003.

    Tittejjeb il-koordinazzjoni bejn korpi ta' inforzar tal-liġi u l-ġudikatura, partikularment b'konnessjoni mal-kriminalità ekonomika, kriminalità organizzata, frodi, money-laundering u korruzzjoni; tkun rafforzata l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u tissaħħaħ il-prevenzjoni tad-droga u t-tnaqqis tad-domanda għad-droga; tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta' l-USKOK.

    Jitkomplew it-tħejjijiet għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni ma' l-Europol.

    Titkabbar il-kooperazzjoni internazzjonali u l-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti dwar it-terroriżmu; jittejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-pulizija u s-servizzi ta' informazzjoni fi ħdan l-Istat u ma' Stati oħra; tkun rafforzata il-prevenzjoni tal-finanzjament ta' u tħejjija ta' atti ta' terroriżmu.

    Migrazzjoni u asil

    Tiġi implimentata l-liġi ġdida dwar l-asil, inkluż l-istabbiliment ta' ċentru temporanju ta' riċeviment.

    3.2.   PRIJORITAJIET GĦAL ŻMIEN MEDJU

    Kriterji politiċi

    Demokrazija u stat tad-dritt

    Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja.

    Titkompla l-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja u jittieħdu miżuri biex jissuktaw jitnaqqsu aktar il-każijiet b'lura fil-qrati kollha; titkabbar l-effiċjenza ta' l-organizzazzjoni tal-qrati, inkluż l-iżvilupp ta' sistemi ta' teknoloġija moderni u livell adegwat ta' persunal amministrattiv; jiġi żgurat l-inforzar regolari u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-qrati; jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja u l-għajnuna legali u jitpoġġew għad-dispożizzjoni r-riżorsi tal-budget korrispondenti; jissaħħaħ it-taħriġ fil-liġijiet ta' l-UE.

    Tkompli tisaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

    Jiġi mrawwem aktar progress fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jiġu implimentati liġijiet relatati. Partikularment, ikunu stabbiliti unitajiet speċjalizzati biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fi ħdan is-servizzi xierqa u jingħatawlhom taħriġ u riżorsi adegwati. Jiġi żgurat li l-istandards stabbiliti bi strumenti internazzjonali jintlaħqu, billi jiddaħħlu l-miżuri leġislattivi u amministrattivi xierqa. Ikun iffaċiltat l-impjieg ta' uffiċjali ta' kollegament, issekondati minn Stati Membri ta' l-UE fil-korpi statali relevanti involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Jingħataw rapporti ta' kull sitt xhur lill-UE fuq riżultati tanġibbli miksuba fl-insegwiment ġudizzjarju ta' attivitajiet marbuta mal-kriminalità organizzata fit-termini tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar kriminalità organizzata trans-nazzjonali, magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta' Palermo.

    Ikompli jittejjeb il-funzjonament ta' l-amministrazzjoni pubblika.

    Jitkompla l-proċess ta' bini ta' istituzzjonijiet direttament relevanti għall-acquis ta' l-UE u jiddaħħlu riformi biex tittejjeb l-effikaċja ta' l-amministrazzjoni pubblika b'mod ġenerali Jitlesta l-proċess ta' denazzjonalizzazzjoni.

    Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

    Jiġi żgurat rispett kontinwu għad-drittijiet tal-minoranzi

    Tissokta tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Roma permezz ta' l-implimentazzjoni msaħħa ta' l-istrateġija relevanti, inkluż l-għoti ta' l-appoġġ finanzjarju meħtieġ fuq il-livelli nazzjonali u u lokali, miżuri kontra d-diskriminazzjoni mmirati lejn it-trawwim ta' opportunitajiet ta' xogħol, aċċess dejjem jikber għall-edukazzjoni u kundizzjonijiet ta' djar aħjar.

    Jitlesta l-proċess ta' ritorn tar-refuġjati permezz ta' l-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-liġijiet relevanti. Tiġi żgurata reintegrazzjoni ekonomika u soċjali ta' dawk li jerġgħu lura, permezz ta' programmi reġjonali ta' żvilupp fl-inħawi milquta.

    Kooperazzjoni Reġjonali

    Tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali.

    Fir-rigward tal-proċess ta' Ateni dwar is-Suq ta' l-Enerġija Reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk, ikun hemm tħejjija għall-istabbiliment ta' suq ta' l-enerġija reġjonali integrat.

    Kriterji Ekonomiċi

    Jissuktaw jittejbu l-kondizzjonijiet għall-intrapriżi privati.

    Isir progress sostanzjali fil-proċess ta' privatizzazzjoni u jitkomplew l-isforzi biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi privati. Isir progress sostanzjali fil-qasam ta' ristrutturar ta' intrapriżi kbar.

    Titkompla r-riforma ta' l-art, b'aċċenn partikulari fuq ir-reġistrazzjoni u l-privatizzazzjoni ta' art agrikola.

    Titkompla r-riforma tas-suq tax-xogħol.

    Jitkomplew l-isforzi biex jittejjeb is-suq tax-xogħol u titkabbar il-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol.

    Titkompla l-implimentazzjoni ta' qafas fiskali sostenibbli għal żmien medju permezz ta' tnaqqis kontinwu ta' infieq totali pubbliku bħala porzjon tal-PDG. Jiġi prijoritizzat l-infieq pubbliku biex ikunu liberati r-riżorsi għal infieq marbut ma' l-acquis ta' l-UE, inklużi r-riforma tal-kura tas-saħħa u tas-sistema tal-pensjonijiet. Jissuktaw jitnaqqsu s-sussidji lil intrapriżi kbar li qegħdin jagħmlu t-telf. Fuq din il-bażi, jissokta jitnaqqas d-defiċit tal-gvern u l-piż tad-dejn tas-settur pubbliku.

    Kapaċità li jkunu assunti l-obbligi ta' membru

    Suq intern u kummerċ

    Moviment liberu tal-merkanzija

    Isir progress sostanzjali fit-traspożizzjoni ta' direttivi ta' approċċ qadim u dak ġdid u fl-adozzjoni ta' l-istandards ta' l-UE.

    Jitkompla l-alinjament tal-liġijiet Kroati ta' l-ikel u jissaħħu l-istrutturi meħieġa ta' implimentazzjoni.

    Tiġi implimentata sistema ta' akkwist pubbliku li tiddisponi mill-istrutturi amministrattivi relevanti kollha u jsir progress sostanzjali fil-ħidma lejn alinjament sħiħ ma' l-acquis ta' l-UE.

    Moviment liberu tal-persuni

    Jitkompla l-alinjament ma' l-acquis ta' l-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki u diplomi professjonali, inklużi provvedimenti ta' edukazzjoni u taħriġ, jissuktaw jiġu żviluppati l-istrutturi amministrattivi meħtieġa.

    Tkun abolita kull miżura diskriminatorja kontra ħaddiema emigranti ta' l-UE u ċittadini ta' l-UE; jiġu rafforzati strutturi amministrattivi għall-koordinazzjoni ta skemi tas-sigurtà soċjali.

    Libertà li jiġu pprovduti servizzi

    Ikunu aboliti l-ostakoli li baqa' għall-istabbiliment u l-għoti ta' servizzi transkonfini minn persuni naturali jew ġuridiċi mill-UE.

    Jitkompla l-alinjament ta' liġijiet tal-protezzjoni tad-data; tissaħħaħ u tiġi żgurata l-indipendenza ta l-awtorità ta' superviżjoni.

    Moviment liberu ta kapital

    Issir ħidma għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet li baqa' fuq il-moviment tal-kapital; jitkompla l-alinjament tal-liġijiet fuq sistemi ta' pagamenti u tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi.

    Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta' l-unità ta' informazzjoni finanzjarja u tittejjeb il-kooperazzjoni tagħha ma' istituzzjonijiet oħra involuti fil-ġlieda kontra l-money-laundering.

    Liġi tal-kumpaniji

    Jitlesta l-alinjament fil-qasam ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali u industrijali u jissaħħaħ l-inforzar fil-ġlieda kontra l-piraterija u l-iffalsifikar.

    Kompetizzjoni

    Tiġi rafforzata l-awtorità ta' l-anti-trust u għajnuna mill-Istat u jinbena rekord ta' inforzar kredibbli. Tittejjeb sostanzjalment it-trasparenza fil-qasam ta' għajnuna mill-Istat. Jiġi żviluppat taħriġ dwar il-liġi u l-politika tal-kompetizzjoni fuq il-livelli kollha ta' l-amministrazzjoni u tal-ġudikatura.

    Tassazzjoni

    Titkompla l-ħidma għall-issuktar ta' l-alinjament ma' l-acquis ta' l-UE dwar it-taxxa fir-rigward tal-VAT u d-dazji tas-sisa, b'attenzjoni partikulari għall-inklużjoni taz-zoni ħielsa fl-applikazzjoni territorjali tal-VAT u għat-tneħħija tar-rati żero eżistenti tal-VAT u t-taxxa fuq il-bejgħ.

    Ikun hemm impenn lejn il-prinċipji tal-Kodiċi tal-Kondotta għat-tassazzjoni fuq in-negozju u jiġi żgurat li l-miżuri ġodda tat-taxxa jkunu konformi ma' dawn il-prinċipji.

    Jissokta t-tisħiħ ta' l-amministrazzjoni tat-taxxa — inkluż is-settur ta' l-IT — u jiġi żgurat l-funzjonament sew tagħha biex jintlaħqu l-istandards ta' l-UE u l-interkonnettività tas-sistemi ta' l-IT. Jiġi żviluppat u implimentat Kodiċi ta' Etika.

    Unjoni Doganali

    Tissaħħaħ u tiġi konsolidata il-kapaċità amministrattiva u operattiva tas-servizzi doganali. Jiġi estiż it-taħriġ tal-persunal kollu u jiżdied l-użu tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni, li tfassil u użu tiegħu għandu jkun kompatibbli ma' sistemi ta' l-UE sabiex tiġi żgurata l-interkonnetività. Jiġi żviluppat u implimentat Kodiċi ta' Etika għas-servizz doganali. Tissaħħaħ il-verifika, u l-użu ta' stima tar-riskju, u s-selettività.

    Jiġi insegwit l-alinjament fl-oqsma ta' żoni ħielsa, transitu, ħlasijiet, livelli massimi tariffarji u s-Sistema Generalizzata ta' Preferenzi.

    Politika settorjali

    Agrikoltura

    Jissaħħu l-istrutturi amministrattivi meħtieġa biex tiġi implimentata l-politika tas-suq u ta' żvilupp rurali; jiġi stabbilit reġistru ta' l-artijiet tad-dwieli b'konformità ma' l-istandards ta' l-UE. Jitkomplew it-tħejjijiet għall-istabbiliment ta' sistema ta' amministrazzjoni u kontroll operattiva b'mod sħiħ u aġenzija tal-pagamenti b'konformità ma' l-istandards ta' l-UE.

    Jitkompla u jittejjeb sostanzjalment l-alinjament ma' l-acquis ta' l-UE fis-setturi veterinarji u fitosanitarji, inkluża sistema għall-identifikazzjoni ta' l-annimali, trattament tad-demel, modernizzazzjoni ta' l-impjanti tal-laħam u tal-ħalib, programmi għall-kontroll ta' mard ta' l-annimali u protezzjoni tal-pjanti; jiġu mtejba, b'mod sinifikanti, l-istrutturi ta' spezzjoni.

    Sajd

    Jitkompla l-istabbiliment ta' strutturi amministrattivi u tagħmir adegwati li jassigura implimentazzjoni effikaċji tal-politika tas-sajd, inkluż l-amministrazzjoni ta' riżorsi, spezzjoni u kontroll ta' attivitajiet ta' sajd, politika tas-suq, programmi strutturali, reġistru ta' l-opri tas-sajd u pjan ta' amministrazzjoni għall-kapaċità tal-flotta skond ir-riżorsi disponibbli tal-ħut.

    Trasport

    Jitkompla l-alinjament ma' l-acquis ta' l-UE u tiġi żviluppat kapaċità amministrattiva adegwata fl-oqsma tat-trasport bit-triq (provvedimenti soċjali, tekniċi u fiskali), trasport bil-ferrovija (partikularment provvedimenti ta' interoperabbiltà u l-allokazzjoni indipendenti tal-kapaċità) u trasport marittimu (partikularment fil-qasam ta' sigurtà marittima). Jintlaħaq alinjament sħiħ ma' l-acquis ta' l-UE fil-qasam ta' l-avjazzjoni, fil-qafas ta' ftehim fuq il-parteċipazzjoni Kroata fis-suq ta' l-avjazzjoni komuni Ewropew.

    Unjoni ekonomika u monetarja

    Jitkompla l-alinjament tal-liġijiet li jirregolaw il-bank ċentrali. Tittejjeb il-politika monetarja biex jitkabbru l-użu u l-effikaċja ta' strumenti monetarji orjentati lejn is-suq.

    Politika soċjali u impjiegi

    Jitkompla l-alinjament mal-liġijiet ta' l-UE fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, liġijiet tax-xogħol, trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel u kontra d-diskriminazzjoni; jissaħħu l-istrutturi amministrattivi relatati u dawk meħtieġa għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

    Tiġi żviluppata u implimentata strateġija komprensiva ta' l-impjiegi, li tkun tinvolvi l-atturi kollha relevanti bil-ħsieb ta' parteċipazzjoni aktar tard fl-Istrateġija Ewropea ta' l-Impjiegi, mqabbla bi żvilupp ta' kapaċità xierqa ta' analiżi, implimentazzjoni u stima.

    Tissokta tiġi żviluppata l-kapaċità ta' l-imsieħba soċjali, partikularment fi djalogu soċjali bejn żewġ partijiet, biex jiġi żviluppat u implimentat l-acquis ta' l-UE.

    Jitkompla l-alinjament tal-liġijiet dwar is-saħħa pubblika u jiżdied l-investiment fil-kura tas-saħħa.

    Enerġija

    Jitkompla l-alinjament ma' l-acquis ta' l-UE dwar is-suq intern ta' l-enerġija (elettriku u gass), tittejjeb l-effiċjenza ta' l-enerġija, jiġu promossi sorsi ta' enerġija rinnovabbli, jinbnew ħażniet taż-żejt biex tiġi żgurata sigurtà adegwata ta' provvista, jiġu żgurati sigurtà ta' l-enerġija nuklejari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni; tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva f'dawn l-oqsma kollha.

    Intrapriżi ta' daqs żgħir u medju

    Titkompla l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi Żgħar. Jissoktaw ikunu ssimplifikati l-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta' kumpaniji.

    Xjenza u riċerka

    Tissaħħaħ il-kapaċità ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni b'suċċess fil-Programmi Kwadru tal-Komunità.

    Edukazzjoni u taħriġ

    Tingħata spinta lill-isforzi biex tinħoloq sistema moderna ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.

    Telekomunikazzjoni u teknoloġiji ta' l-informazzjoni

    Jiġu adottati il-liġijiet primarji u sekondarji meħtieġa biex jitlesta l-kwadru regolatorju u tiddaħal il-kompetizzjoni f'kull qasam. Tiġi adottata strateġija koerenti għall-promozzjoni ta' ekonomija bbażat fuq l-għarfien.

    Politika Reġjonali u koordinazzjoni ta' strumenti strutturali

    Jiġi żgurat tqassim ċar ta' responsabbiltajiet u koordinazzjoni effikaċi inter-ministerjali sabiex tiġi żviluppata strateġija komprensiva u koerenti fil-qasam ta' l-iżvilupp reġjonali. Jiġu stabbiliti strutturi ta' sħubija li jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn dawk li għandhom interess fuq livell nazzjonali u reġjonali.

    Jiġi żgurat li l-awtoritajiet amministrattivi u tal-pagamenti maħtura, progrssivament jibnu l-kapaċità tagħhom; jitfasslu u jiġu implimentati pjanijiet reġjonali ta' żvilupp; jissaħħu l-proċeduri ta' amministrazzjoni u kontroll finanzjarji; ikunu stabbiliti sistemi xierqa ta' monitoraġġ u valutazzjoni.

    Ambjent

    Tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-ħtiġiet tal-protezzjoni ambjentali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika settorjali oħra bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli; tiġi implimentata leġislazzjoni orizzontali.

    Titkompla l-ħidma fuq it-traspożizzjoni ta' l-acquis ta' l-UE, b'aċċenn partikulari fuq l-immaniġġar ta' l-iskart, kwalità ta' l-ilma, kwalità ta' l-arja, protezzjoni tan-natura u prevenzjoni u kontroll integrati tat-tniġġis. Tiġi żviluppata strateġija ta' investiment ambjentali bbażata fuq l-istimi tal-prezz ta' l-alinjament. Jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura ambjentali, b'aċċenn partikulari fuq il-ġbir u t-trattament ta' l-ilma mormi, provvista ta' ilma tax-xorb u maniġġar ta' l-iskart.

    Protezzjoni tal-Konsumatur u tas-Saħħa

    Jitkompla l-alinjament ma' l-acquis ta' l-UE dwar miżuri marbuta mas-sigurtà u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva meħtieġa ta' sorveljanza effikaċi tas-suq.

    Kontroll finanzjarju

    Jiġi żviluppat qafas leġislattiv koerenti u mekkaniżmi effiċjenti għall-monitoraġġ, kontroll u verifika tad-dħul u l-infiq pubbliku.

    Jiġu żviluppati mekkaniżmi effikaċi għall-komunikazzjoni ta' irregolaritajiet li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet lill-Kummissjoni u jiġu stabbiliti l-metodi meħtieġa ta' koordinazzjoni.

    Ko-operazzjoni fil-ġustizzja u l-affarijiet interni

    Amministrazzjoni tal-fruntieri

    Jissaħħaħ il-kontroll tal-fruntieri, jiġu żviluppati databases u reġistri nazzjonali u tiġi żgurata koordinazzjoni bejn is-servizzi relevanti.

    Kriminalità organizzata u korruzzjoni

    Jittejbu t-tagħmir u l-infrastruttura tal-pulizija, inkluż l-istabbiliment ta' sistema kopjuterizzata ta' investigazzjoni; tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u aġenziji oħra ta' infurzar tal-liġi; tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, kriminalità organizzata, kriminalità ekonomika (inklużi l-money-laundering u falsifikazzjoni ta' flus), frodi u korruzzjoni; jittejjeb l-alinjament tal-liġijiet nazzjonali marbuta ma' l-acquis f'dawn is-setturi.

    4.   PROGRAMMAZZJONI

    Għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent taħt il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tiġi pprovduta permezz ta' l-istrumenti finanzjarji rilevanti, u b'mod partikolari permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 (1) tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-għajnuna lill-Albanija, l-Bosnja u l-Ħerżegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u Dik li Qabel Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma jkollha ebda implikazzjoni finanzjarja. Barra minn hekk il-Kroazja jkollha aċċess għal fondi minn programmi għal aktar minn pajjiż wieħed u orizzontali. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, b'mod partikolari l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Dinji, biex tiffaċilita il-ko-finanzjament ta' proġetti konnessi mal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    5.   KONDIZZJONALITÀ

    Għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent taħt il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tingħata taħt kondizzjoni li jsir iżjed progress biex jiġu sodisfatti l-kriterji politiċi ta' Copenhagen. In-nuqqas ta' rispett ta' dawn il-kondizzjonijiet ġenerali jista' jwassal lill-Kunsill biex jieħu miżuri xierqa skond l-Artikolu 5 tar-Regolament l (KE) Nru 2666/2000.

    Għajnuna Komunitarja għandha tkun ukoll soġġetta għall-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, b'mod partikolari dwar l-impenn tal-benefiċjarji li jwettqu riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali, waqt li jittieħed kont tal-prijoritajiet imniżżla f'din is-Sħubija Ewropea.

    6.   MONITORAĠĠ

    L-insegwiment tas-Sħubija Ewropea huwa assigurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u notevolment ir-Rapporti Annwali dwar il-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.


    (1)  ĠU L 306, tas-7.12.2000, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2415/2001 (ĠU L 327, tat-12.12.2001, p. 3).


    Top