Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1726

    Ir-Regolament (KE) Nru 1726/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar l-introduzzjoni aċċelerata tar-rekwiżiti ta' teknoloġija ta' żewġt ibwieq jew teknoloġiji ekwivalenti għal tankers taż-żejt b' buq wieħed

    ĠU L 249, 1.10.2003, p. 1–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/07/2012; Imħassar b' 32012R0530

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1726/oj

    32003R1726



    Official Journal L 249 , 01/10/2003 P. 0001 - 0004


    Ir-Regolament (KE) Nru 1726/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tat-22 ta' Lulju 2003

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar l-introduzzjoni aċċelerata tar-rekwiżiti ta' teknoloġija ta' żewġt ibwieq jew teknoloġiji ekwivalenti għal tankers taż-żejt b' buq wieħed

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li ikkunsidra t-Trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

    Wara li ikkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li ikkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

    Wara li ikkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li mexa skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

    Billi:

    (1) Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 [4] jistabbilixxi skema ta' introduzzjoni aċċelerata ta' l-applikazzjoni ta' bwieq doppji fuq tankers taż-żejt jew il-kondizzjonijiet meħtieġa skond il-Konvenzjoni 73/78 ta' Marpol fir-rigward ta' tankers taż-żejt li għandhom buq wieħed, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' tniġġis ta' l-ibħra Ewropej kaġunat mit-tixrid aċċidentali taż-żejt.

    (2) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jiżguraw illi regoli bħal dawk li hemm f'dan ir-Regolament, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002, fl-2003 ikunu jistgħu jiġu stabbiliti fuq livell dinji, permezz ta'emenda tal-Konvenzjoni ta' Marpol. Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jilqgħu id-dispożizzjoni ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) li tmexxi laqgħa addizzjonali tal-Kumitat għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu (MEPC) f'Diċembru ta' l-2003 bl-għan li tinstab soluzzjoni internazzjonali rigward il-waqfien gradwali imma aċċelerat ta' l-użu ta' tankers li għandhom buq wieħed u l-introduzzjoni, fi żmien qasir, ta' projbizzjoni fuq tankers taż-żejt li għandhom buq wieħed li jġorru tipi ta' żejt tqil.

    (3) Il-Komunità hija mħassba serjament minħabba l-fatt li l-limiti taż-żmien li fih tankers taż-żejt li għandhom buq wieħed jistgħu jibqgħu joperaw hekk kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 417/2002 m'humiex stretti biżżejjed. B'mod partikulari wara l-għarqa tat-tanker taż-żejt ta' l-ewwel kategorija l-"Prestige" li kellu buq wieħed, ta' l-istess żmien daqs l-"Erika" (26 sena), dawk il-limiti taż-żmien għandhom jiġu mnaqqsa aktar.

    (4) Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sigurta' tal-kummerċ fiż-żejt li jinġarr bil-baħar ipproponiet limiti ta' żmien għall-tliet kategoriji ta' tankers taż-żejt, li għandhom buq wieħed, ta'23, 28 u 25 sa 30 sena rispettivament, u li ż-żmien sa meta dawn it-tankers jistgħu jibqgħu joperaw jagħlaq fis-snin 2005, 2010 u 2015 rispettivament. Il-proposta inizjali mill-Kummissjoni kellha kondizzjoni li r-regolament għandu japplika għal tankers taż-żejt ta' tunnellaġġ ta' 600 tunnellata metrika u aktar. Wara li saru n-negozjati, il-limiti, li eventwalment ġew inklużi fir-Regolament (KE) Nru 417/2002, kienu anqas stretti minn kull aspett.

    (5) Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-titjib fis-sigurta' b'reazzjoni għall-inċident tal-"Prestige" kienet tgħid li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tipproponi regolament li jipprojbixxi l-ġarr ta' żejt biex jintuża bħala fjuwil ġo tankers li għandhom buq wieħed li jkunu diretti lejn jew ħerġin minn portijiet fl-Istati Membri.

    (6) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2002 kienu jitolbu lill-Kummissjoni biex b'ċerta urġenza tippreżenta proposta li tikkonċerna l-waqfien gradwali imma aċċelerat ta' l-użu ta' tankers li għandhom buq wieħed u li tkun tinkorpora l-kondizzjoni dwar l-iskema ta' l-ivverifikar tat-tankers, ikun xi jkun id-disinn, minn meta jkollhom ħmistax-il sena. Barra minn dan, il-Kunsill qabel li żejt tqil għandu jinġarr biss f'tankers li għandhom buq doppju.

    (7) Il-waqfien gradwali imma aċċelerat tat-tankers li għandhom buq wieħed għandu jwassal għal żieda sinifikanti fin-numru ta' bastimenti biex jitqattgħu bċejjeċ, u għandu jsir sforz biex jiġi żgurat li dawn il-bastimenti jiġu ipproċessati b'mod li jkunu mħarsa s-sigurta' tal-bnedmin u l-ambjent.

    (8) L-iskema ta' l-ivverifikar tal-kondizzjoni hija iddisinjata biex jiġu osservati difetti strutturali f'tankers li qed jeqdimu u għandha, għalhekk, mill-2005, tapplika għat-tankers kollha li għandhom aktar minn ħmistax-il sena.

    (9) Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-diżastru tat-tanker taż-żejt il-Prestige barra mix-xtajta tal-Galicia fil-21 ta' Novembru 2002 sejjaħ għal miżuri aktar iebsin li jistgħu jidħlu fis-seħħ aktar malajr, u qal li dan id-diżastru l-ġdid reġa enfasizza l-ħtieġa għal azzjoni effettiva fuq livell internazzjonali u dak ta' l-UE sabiex titjieb b'mod sinifikanti s-sigurta' marittima.

    (10) Il-Kummissjoni għandha tingħata mandat mill-Kunsill u l-Istati Membri biex tkun tista' tinnegozja l-adozzjoni tal-provvedimenti ta' dan ir-Regolament fl-IMO.

    (11) Billi ż-żjieda qawwija fil-volum taż-żejt li jinġarr mill-Baħar Baltiku qiegħda tkun ta' theddida għall-ambjent marittimu, speċjalment matul l-istaġun tax-xitwa, tankers taż-żejt li jidħlu jew joħorġu minn port jew minn stallazzjoni barra mix-xtut fejn jinħażen iż-żejt jew li jankraw f'post li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru f'dak ir-reġjun għandu jkollhom l-istruttura tagħhom u l-makkinarju ta' propulsjoni tagħhom b'saħħithom biżżejjed għal kontra s-silġ b'mod li jkunu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet meħtieġa mill-amministrazzjoni ta' l-Istat Membru meta l-kondizzjonijiet tas-silġ ikunu jeħtieġu l-użu ta' bastiment b'saħħtu biżżejjed li jiflaħ għas-silġ.

    (12) Huwa essenzjali li pajjiżi terzi, partikularment pajjiżi li huma kandidati u pajjiżi li huma ġirien ta' l-UE, jiġu persważi biex iwegħdu li jieqfu milli jużaw tankers taż-żejt li għandhom buq wieħed.

    (13) Vapuri għat-trasport tal-merkanzija jew tal-kontejners spiss ikollhom fil-bankers tagħhom tipi ta' żejt tqil (HFO) għall-użu bħala fjuwil għall-magni, li l-kwantità tiegħu tista' tkun konsiderevolment akbar mit-tagħbija ta' tankers taż-żejt iżgħar. Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi żgurat li fir-rigward ta' vapuri ġodda żejt maħżun bl-iskop li jintuża bħala fjuwil għall-magni jkun ukoll maħżun ġo tankijiet li jkollhom il-ħitan tagħhom doppji.

    (14) Tarznari Ewropej għandhom il-kapaċità neċessarja biex jibnu tankers bi bwieq doppji. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom għalhekk iħabirku biex jiżguraw, permezz ta' strumenti u programmi adattati, illi ż-żjieda fit-talba għal tankers bi bwieq doppji bħala riżultat ta' dan ir-Regolament ikollha impatt pożittiv fuq l-industrija tal-bini tal-vapuri fil-Komunità.

    (15) Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 għandu għalhekk jiġi emendat,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Regolament (KE) Nru 417/2002 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1. Fl-Artikolu 1, jiġi miżjud dan li ġej:

    ", u li jiġi pprojbit it-trasport lejn u mill-portijiet ta' l-Istati Membri ta' tipi ta' żejt tqil ġo tankers taż-żejt li jkollhom buq wieħed'."

    2. Fl-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal tankers taż-żejt ta' tunnellaġġ ta' 5000 tunnellata metrika u aktar:

    - li jidħlu jew joħorġu minn port jew minn stallazzjoni barra mix-xtut fejn jinħażen iż-żejt jew li jankraw f'post li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, jew,

    - li jtajjru bandiera ta' Stat Membru.

    Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 4(3), dan ir-Regolament għandu japplika għal tankers taż-żejt ta' tunnellaġġ ta' 600 tunnellata metrika u aktar."

    3. L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) punt numru 10 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "10. "tanker taż-żejt bi bwieq doppji" għandu jkun ifisser tanker taż-żejt li jikkonforma ma' kondizzjonijiet dwar bwieq doppji jew disinji ekwivalenti stipulati fir-Regolament 13F ta' l-Anness I ta' Marpol 73/78. Tanker taż-żejt li jikkonforma mal-provvedimenti ta' paragrafu 1(ċ) tar-Regolament rivedut 13Ġ ta' l-Anness I ta' Marpol 73/78 huwa ikkunsidrat ukoll li huwa tanker taż-żejt bi bwieq doppji,"

    (b) għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

    "14. "tipi ta' żejt tqil" ghandu jfisser:

    (a) żejt mhux raffinat li għandu densità ta' aktar minn 900 kg/m3 f'temperatura ta' 15 °C [5];

    (b) żejt użat bħala fjuwil li għandu densità ta' aktar minn 900 kg/m3 f'temperatura ta' 15 °C jew viskożità kinematika ta' aktar minn 180 mm2/s f'temperatura ta' 50 °C [6];

    (ċ) bitum u qatran u emulsjonijiet tagħhom,"

    4. L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) fl-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (b) għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

    "(a) għal tankers taż-żejt ta' l-ewwel kategorija:

    - 2003 għal vapuri ikkunsinnati fl-1980 jew qabel,

    - 2004 għal vapuri ikkunsinnati fl-1981,

    - 2005 għal vapuri ikkunsinnati fl-1982 jew wara,

    (b) għal tankers taż-żejt tat-tieni jew it-tielet kategorija:

    - 2003 għal vapuri ikkunsinnati fl-1975 jew qabel,

    - 2004 għal vapuri ikkunsinnati fl-1976,

    - 2005 għal vapuri ikkunsinnati fl-1977,

    - 2006 għal vappuri ikkunsinnati fl-1978 u fl-1979,

    - 2007 għal vapuri ikkunsinnati fl-1980 u fl-1981,

    - 2008 għal vapuri ikkunsinnati fl-1982,

    - 2009 għal vapuri ikkunsinnati fl-1983,

    - 2010 għal vapuri ikkunsinnati fl-1984 jew wara;"

    (b) punt (ċ) għandu jiġi mħassar;

    (ċ) il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

    "2. Minkejja x'jgħid paragrafu 1, tankers taż-żejt tat-tieni jew it-tielet kategoriji li huma mgħammra biss b'qigħan doppji jew ġnub doppji li ma jintużawx għall-ġarr taż-żejt u li huma estiżi tul it-tank kollu li fih titgħabba l-merkanzija, jew bi spazji ta' bwieq doppji li ma jintużawx għall-ġarr taż-żejt u li huma estiżi tul it-tank kollu li fih titgħabba l-merkanzija, imma li ma jikkonformawx mal-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-provvedimenti stipulati fil-paragrafu 1 (ċ) tar-Regolament rivedut 13Ġ ta' l-Anness I ta' Marpol 73/78, jistgħu jibqgħu jitħaddmu wara d-data li hemm referenza għaliha fl-ewwel paragrafu, imma mhux aktar tard mid-data ta' l-anniversarju ta' meta ġie ikkunsinnat il-vapur meta din id-data tagħlaq fl-2015 jew id-data meta l-vapur jagħlaq 25 sena mid-data tal-kunsinna tiegħu, liema minnhom tiġi l-aktar kmieni."

    (d) it-tieni paragrafu kif inhu bħalissa għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "3. L-ebda tanker taż-żejt li jkun qed iġorr żejt tat-tip tqil, irrispettivament mill-bandiera tiegħu, m'għandu jitħalla jidħol jew iħalli portijiet jew stallazzjonijiet barra x-xtut fejn jinħażen iż-żejt jew li jankra f'postijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, sakemm dan it-tanker ma jkunx wieħed li jkollu bwieq doppji."

    (e) il-paragrafi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

    "4. Tankers taż-żejt li joperaw esklużivament f'portijiet u fi tbaħħir intern jistgħu jiġu eżentati mill-obbligazzjoni msemmija fil-paragrafu tlieta bil-kondizzjoni li jkunu iċċertifikati taħt il-leġislazzjoni li tirrigwarda l-kanali li wieħed jista' jbaħħar fihom.

    5. Tankers taż-żejt ta' tunnellaġġ ta' anqas minn 5000 tunnellata metrika jridu jikkonformaw mal-provvedimenti ta' paragrafu tlieta imma mhux aktar tard mid-data ta' l-anniversarju ta' meta ġie ikkunsinnat il-vapur meta din id-data tagħlaq fl-2008.

    6. Sal-21 ta' Ottubru 2005 Stat Membru jista', f'dawk il-każijiet fejn minħabba l-kondizzjonijiet tas-silġ ikun meħtieġ l-użu ta' bastiment li jkun jiflaħ għas-silġ, jippermetti li tankers taż-żejt li għandhom buq wieħed u li jifilħu għas-silġ, mgħammra b'qigħan doppji, li ma jintużawx għall-ġarr taż-żejt u li huma estiżi tul it-tank kollu tat-tagħbija, li jġorru żejt tat-tip tqil, li jidħlu u jħallu portijiet jew stallazzjonijiet barra x-xtut fejn jinħażen iż-żejt jew jankraw f'post li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, bil-kondizzjoni li ż-żejt tat-tip tqil jinġarr biss fit-tankijiet ċentrali tal-bastiment."

    5. L-Artikolu 5 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "L-Artikolu 5

    Konformità ma' l-iskema ta' l-ivverifikar tal-kondizzjoni għal vapuri tat-tieni u t-tielet Kategorija

    Irrispettivament mill-bandiera tiegħu, tanker taż-żejt li għandu buq wieħed u li għandu aktar minn ħmistax-il sena m'għandux jitħalla jidħol jew iħalli portijiet jew stallazzjonijiet barra x-xtut fejn jinħażen iż-żejt jew jankra f'postijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru aktar tard mid-data ta' l-anniversarju ta' meta jkun ġie ikkunsinnat il-vapur, meta din tagħlaq fl-2005 għall-vapuri tat-tieni u t-tielet kategoriji, sakemm ma jikkonformax ma' l-iskema ta' l-ivverifikar tal-kondizzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 6."

    6. L-Artikolu 5 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "L-Artikolu 6

    Skema ta' l-ivverifikar tal-kondizzjoni

    Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 5, l-iskema ta' l-ivverifikar tal-kondizzjoni adottata permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC 94 (46) tas-27 ta' April 2001, kif emendata, għandha tapplika."

    7. Fl-Artikolu 8, il-frażi preliminari ta' l-ewwel paragrafu, għandha tiġi mibdula b'dan li ġej:

    "1. B'deroga minn l-Artikoli 4, 5 u 7, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista', suġġett għall-provvedimenti nazzjonali, tippermetti, taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, li vapur individwali jidħol jew iħalli port jew stallazzjoni barra x-xtut fejn jinħażen iż-żejt jew jankra f'post li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru, meta:"

    Artikolu 2

    Il-Presidenza tal-Kunsill, filwaqt li taġixxi f'isem l-Istati Membri, u l-Kummissjoni għandhom flimkien jinfurmaw lill-IMO bl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u għandha issir referenza għall-Artikolu 211(3) tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Lulju 2003.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    P. Cox

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. Alemanno

    [1] Ġħadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    [2] ĠU C 133, tas-6.6.2003, p. 97.

    [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Ġunju 2003 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003.

    [4] ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 1. Regolament hekk kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 (ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1).

    [5] Jikkorrispondi għal grad API ta' anqas minn 25,7.

    [6] Jikkorrispondi għal viskożità kinematika ta' aktar minn 180 cSt.

    --------------------------------------------------

    Top