Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1641

Ir-Regolament (KE) Nru 1641/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 dwar l-istabbiliment ta' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent u n-Network Ewropew ta' l-Informazzjoni u l-Osservazzjoni ta' l-Ambjent

ĠU L 245, 29.9.2003, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/06/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1641/oj

32003R1641



Official Journal L 245 , 29/09/2003 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament (KE) Nru 1641/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-22 ta' Lulju 2003

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 dwar l-istabbiliment ta' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent u n-Network Ewropew ta' l-Informazzjoni u l-Osservazzjoni ta' l-Ambjent

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunidraw l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Huma u jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta' Mejju 1990 dwar l-istabbiliment ta' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent u n-Network Ewropew ta' Informazzjoni u l-Osservazzjoni [5] ta' l-Ambjent għandhom jinġiebu f'linja mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-estimi finanzjarji ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, (minn issa' l-quddiem imsemmi bħla "ir-Regolament Finanzjarju ġenerali") [6], u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu.

(2) Il-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' l-aċċess għad-dokumenti, ipprovvduti fl-Artikolu 225 tat-Trattat, ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummisjoni [7].

(3) Meta kien adottat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tliet istituzzjonijiet ftiehmu f'dikjarazzjoni konġunta illi l-aġenziji u korpi simili għandu jkollom regoli li jikkonformaw ma' dawk f'dan ir-Regolament.

(4) Għandhom għalhekk jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet xierqa fir-Regolament (KEE) Nru 1210/90 sabiex jagħmlu r-Regolament 1049/90 applikabbli għall-Awtorità Ewropea ta' l-Ambjent, kif għandha tkun dispożizzjoni dwar l-appelli kontra rifjut għall-aċċess għad-dokumenti.

(5) Ir-Regolament (KEE) Nru 1210/90 għandu għalhekk jiġi emendat kif jixraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1210/90 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. l-Artikolu 6 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 6

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [8] għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi sabiex jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1641/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/90 dwar kif jiġu stabbiliti l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent u n-Network Ewropew ta' Informazzjoni u l-Osservazzjoni ta' l-Ambjent [9].

3. Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-kodizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament."

2. fl-Artikolu 8

(a) il-paragrafu 6 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"6. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija u jibagħtu l-iktar tard sal-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri u lill-Istati Membri.";

(b) għandu jiġdied il-paragrafu li ġej:

"7. L-Aġenzija għandha tibgħat kull sena lill-awtorità ta' l-estimi finanzjarji l-Informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-riżultat tal-proċeduri tal-valutazzjoni.";

3. l-Artikolu 12 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 12

1. Kull sena l-Bord ta' Ġestjoni, fuq il-bażi ta' abbozz imfassal mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jfassal prospett ta' l-estimi tad-dħul u n-nefqa ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara. Dan il-prospett dwar l-estimi finanzjarji, li għandu jinkludi abbozz tal-pjan ta' l-istabbiliment, għndu jintbagħat mill-Bord ta' Ġestjoni lill-Kummissjoni l-iktar tard sal-31 ta' Marzu.

2. Il-prospett dwar l-estimi għandu jintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn issa' l quddiem imsemmija bħala l-awtorità ta' l-estimi finanzjarji) flimkien ma' l-abbozz preliminari ta' l-estimi finanzjarji ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

3. Fuq il-bażi tal-prospett dwar l-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari ta' l-estimi finanzjarji ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-estimi li jidhrilha meħtieġa għall-pjan ta' l-istabbiliment u l-ammont tas-sussidju li jrid jiġi impost fuq l-estimi finanzjarji ġenerali, li l-Kummissjoni għandha tqiegħed quddiem l-awtorità ta' l-estimi finanzjarji skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

4. L-awtorità ta' l-estimi finanzjarji għandha tawtorizza l-approprijazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija.

5. L-awtorità ta' l-estimi finanzjari għandha tadotta l-pjan ta' l-istabbiliment għall-Aġenzija.

6. L-estimi finanzjarji għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni. Għandhom isiru finali wara l-adozzjoni finali ta' l-estimi finanzjarji ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Meta xieraq, għandhom jiġu aġġustati kif jixraq.

7. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu, malajr kemm jista' jkun, jinnotifika lill-awtorità ta' l-estimi finanzarji dwar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kull proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament ta' l-estimi finanzjarji, b'mod partikolari kull proġett li jkollu x'jaqsam mal-proprjetà bħalma huma l-kiri jew ix-xiri tal-bini. Għandu jgħarraf b'dan lill-Kummissjoni.

Meta fergħa ta' l-awtorità ta' l-estimi finanzjarji tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord ta' Ġestjoni f'perjodu taż-żmien ta' sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett."

4. l-Artikolu 13 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 13.

1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-estimi finanzjarji ta' l-Aġenzija.

2. L-iktar tard sa' l-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet ta' l-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar il-ġestjoni ta' l-estimi ġenerali u l-ġestjoni finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji ta' l-istituizzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju generali.

3. L-iktar tard sal-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija lill-uffiċjal Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar il-ġestjoni ta' l-estimi ġenerali u l-ġestjoni finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar il-ġestjoni ta' l-estimi finanzjarji u l-ġestjoi finanzjarji għas-sena finanzjarja għandhom ukoll jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4. Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija fuq ir-responsabbiltà tiegħu nnifsu u jissottomettihom lill-Bord ta' Ġestjoni għal opinjoni.

5. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija.

6. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat, l-iktar tard sa' l-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinoni tal-Bord ta' Ġestjoni.

8. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

9. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha l-iktar tard sat-30 ta' Settembru. Għandhu jibgħat it-tweġiba tiegħu lill-Bord ta' Ġestjoni wkoll.

10. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, l-Informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi applikata bla xkiel il-proċedura ta' l-iskarigu għas-sena finanzjarja fil-kwisjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

11. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill huwa u jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N +2, jagħti l-iskarigu lid-Direttur Eżekuttiv rigward l-implimentazzjoni ta' l-estimi finanzjarji għas-sena N.";

5. l-Artikolu 14 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 14

Ir-regoli finanzjarji li japplikaw għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni wara li tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni."Ma jistgħux jitilqu mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-korpi imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-estimi finanzjarji ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [10] għajr jekk dan it-tluq huwa meħtieġ speċifikament għall-ħidma ta' l-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-quddiem.""

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Lulju 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] ĠU C 331 E, tal-31.12.2002, p. 59.

[2] ĠU C 285, tal-21.11.2002, p. 4.

[3] ĠU C 85, tat-8.4.2003, p. 64.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Ufiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Lulju 2003.

[5] ĠU L 120, tal-11.5.1990, p. 1Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 933/1999 (ĠU L 117, tal-5.5.1999, p. 1).

[6] ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1 bil-Corrigendum fil-ĠU L 25, tat-30.1.2003, p.43.

[7] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

[8] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

[9] ĠU L 245, tad-29.9.2003, p. 1.

[10] ĠU L 357, tal-31.5.2002, p. 72. corrigendum fil-ĠU L 2, tas-7.1.2003, p. 39.

--------------------------------------------------

Top