EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R0808

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 808/2003 tat-12 ta’ Mejju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula r-regoli tas-saħħa rigward il-prodotti ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedemTest b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 117, 13.5.2003, p. 1–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/03/2011; Impliċitament imħassar minn 32009R1069

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/808/oj

32003R0808



Official Journal L 117 , 13/05/2003 P. 0001 - 0009


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 808/2003

tat-12 ta’ Mejju 2003

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula r-regoli tas-saħħa rigward il-prodotti ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jistipula r-regoli tas-saħħa rigward prodotti ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem [1], u b’mod partikolari l-Artikoli 12(5) u 32(1) tiegħu,

Billi:

(1) Il-Kumitat Xjentifiku Direttiv ta opinjoni fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2003 dwar is-sigurta’ rigward TSE ta’ l-użu ta’ inċineraturi b’qawwa baxxa u apparat li jaħdem ma’ l-inċineraturi biex jaħraq materjal ta’ l-annimali possibilment infettati bit-TSE.

(2) Sabiex tiġi kkunsidrata dik l-opinjoni, hu xieraq li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 rigward it-tħaddim ta’ inċineraturi b’qawwa baxxa jew apparat li jaħdem ma’ l-inċineraturi għar-rimi tal-karkassi ta’ diversi annimali.

(3) Barra minn hekk, l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandhom ikunu emendati sabiex isirulhom diversi emendi tekniċi biex jiġu aktar konformi ma’ l-Artikoli ta’ dak ir-Regolament u sabiex jiġu ċċarati r-regoli applikabbli għal numru ta’ prodotti oħra.

(4) Għandhom jiġu stipulati wkoll regoli oħra rigward it-trattament ta’ l-ilma tad-dranaġġ minn bini fejn jista’ jkun hemm riskji mikrobioloġiċi jew ta’ kontaminazzjoni oħra bħala konsegwenza ta’ mmaniġġjar ta’ materjali tal-Kategorija 1 jew tal-Kategorija 2:

(5) L-iżball materjali li jolqot il-kondizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-iproċessar ta’ prodotti sekondarji skond il-Metodu ta’ proċessar Nru 2 ukoll għandu jkun ikkoreġut:

(6) Filwaqt li l-projbizzjoni ta’ l-għalf prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KEE [2] tibqa’ fis-seħħ, għandhom jiġu applikati kondizzjonijiet ta’ proċessar anqas ħarxa għal proteini proċessati ta’ annimali mammiferi, minħabba li bħala konsegwenza tal-projbizzjoni dawn jistgħu biss jitqiesu bħala skart.;

(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandu, għalhekk, ikun emendat kif suppost.

(8) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 12(3), l-punt (a) hu mibdul b’dan li ġej:

"(a) ikun użat biss għar-rimi ta’ annimali domestiċi mejtin, prodotti ta’ l-annimali kif imsemmija fl-Artikoli 4(1)(b), 5(1) u 6(1) li għalihom id-Direttiva 2000/76/KE ma tapplikax";

2. Fl-Artikolu 12(3), l-punt (ħ) li ġej hu miżjud:

"(ħ) jaderixxi mal-kondizzjonijiet fl-Anness IV, Kapitolu VII, meta wżat għar-rimi ta’ prodotti ta’ l-annimali msemmija fl-Artikolu 4(1)(b)."

3. L-Annessi I sa IX huma emendati skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Hu għandu jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2003.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-12 ta’ Mejju 2003.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 273, ta’ l-10.10.2002, p. 1.

[2] ĠU L 306, tas-7.12.2002, p. 32.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-Annessi I sa IX tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma emendati kif ġej:

1. L-Anness I hu emendat kif ġej:

(a) Id-definizzjonijiet speċifiċi stipulati fil-punti 15,37,42 u minn 55 sa 58 huma mibdula b’dan li ġej:

"15. "skart tal-kċina" ifisser l-ikel kollu għar-rimi inkluż żejt ta’ l-ikel li joriġina minn ristoranti, postijiet ta’ forniment ta’ l-ikel u kċejjen, inkluż kċejjen ċentrali u kċejjen tad-djar;"

"37. "demel" ifisser il-ħmieġ kollu u/jew l-urina ta’ annimali tar-razzett, biż-żibel jew mingħajr, jew gwanu, li jista’ jkun kemm proċessat kemm le skond il-Kapitolu III ta’ l-Anness VIII jew b’xi mod mibdul f’apparati ta’ biogass jew kompost;"

"42. "proteina ta’ l-annimali proċessata" tfisser proteini ta’ l-annimali li ġejjin kollha kemm huma minn materjal tal-Kategorija 3, li kienu trattati skond il-Kapitolu II ta’ l-Anness V sabiex isiru tajbin għall-użu dirett bħala għalf jew materjal ieħor ta’ għalf, inkluż ikel għall-annimali domestiċi, jew għal użu f’fertilizzanti organiċi jew materjal li jtejjeb il-ħamrija; madankollu din ma tinkludix prodotti tad-demm, ħalib, prodotti bbażati fuq il-ħalib, kolostru, ġelatina, proteini idroliżżati u fosfat tad-dikalċju, bajd u prodotti tal-bajd, fosfat tat-trikalċju u kollaġenu;"

"55. "rix mhux proċessat u partijiet minn rix" ifisser rix u partijiet minn rix li ma kinux trattati bil-fwar jew b’xi metodu ieħor li jiżgura li ma jibqgħux patoġeni;

56. "suf mhux proċessat" iffiser suf tan-nagħaġ li ma ġiex maħsul fil-fabbriki, li ma nkisibx mill-kunzatura, jew li kien trattat b’xi metodu ieħor li jiżgura li ma jibqgħux patoġeni;

57. "xagħar mhux proċessat" ifisser xagħar ta’ annimal li jixtarr li ma ġiex maħsul fil-fabbriki, li ma nkisibx mill-kunzatura, jew li kien trattat b’xi metodu ieħor li jiżgura li ma jibqgħux patoġeni;

58. "lanżit mhux proċessati tal-majjal" ifissru lanżit tal-majjal li ma ġiex maħsul fil-fabbriki, li ma nkisibx mill-kunzatura, jew li kien trattat b’xi metodu ieħor li jiżgura li ma jibqgħux patoġeni;"

(b) Id-definizzjonijiet speċifiċi li ġejjin huma miżjuda bħala l-punti 59 sa 63:

"59. "kollaġenu" jfisser prodotti bbażati fuq il-proteina miksuba minn ġlud ħoxnin, ġlud u għeruq ta’ annimali, inkluż l-għadam fil-każ tal-majjali, tjur u ħut.

60. screenings tfisser materjal viżibbli solidu ta’ l-annimali li jeħel fil-passatur wżat meta proċess ta’ qabel it-trattament kif imsemmi fl-Anness II, Kapitolu IX, hu bżonnjuż.

61. "taħlita ta’ xaħam u żjut" ifisser materjali ta’ l-annimali li jgħumu f’wiċċ l-ilma miġbura fil-wiċċ ta’ l-apparat li jneħħi x-xaħam mid-dranaġġ meta proċess ta’ qabel it-trattament kif imsemmi fl-Anness II, Kapitolu IX, hu bżonnjuż.

62. "tajn" ifisser materjal viżibbli solidu ta’ l-annimali jew naqal li jinsab fil-kanali tad-dranaġġ fejn proċess ta’ qabel it-trattament kif imsemmi fl-Anness II, Kapitolu IX, hu bżonnjuż.

63. "residwi mill-proċess ta’ tneħħija tar-ramel" ifissru residwi viżibbli solidi ta’ l-annimali jew naqal li jinstab fis-sistema ta’ tneħħija tar-ramel fejn dawn ikunu jiffurmaw parti minn proċess ta’ qabel it-trattament imsemmi fl-Anness II, Kapitolu IX."

2. L-Anness II jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-Kapitolu I, il-paragrafu 2(b) hu mibdul ma’ dan li ġej:

"(b) (i) fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 3, l-kliem "mhux għall-konsum tal-bniedem";

(ii) fil-każ tal-materjal tal-Kategorija 2 (minbarra demel u kontenut ta’ l-istonku) u prodotti proċessati derivati minnhom, il-kliem "mhux għall-użu tal-bniedem": madankollu, fejn il-materjal tal-Kategorija 2 hu intenzjonat għall-għalf ta’ l-annimali msemmija fil-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 23(2) skond il-kondizzjonijiet imsemmija f’dak l-Artikolu, it-tikketta għandha minflok tindika "għall-għalf ta…" kompluta bl-isem ta’ l-ispeċi speċifika ta’ dak l-annimal (dawk l-annimali) li għalihom il-materjal hu intenzjonat bħala għalf;

(iii) fil-każ tal-Kategorija 1 materjal u prodotti proċessati derivati minnu, l-kliem "għar-rimi biss";

(iv) fil-każ ta’ demel u kontenut ta’ l-istonku, l-kelma "demel";"

(b) Fil-Kapitolu II, il-paragrafu 4 li ġej hu miżjud:

"4. Il-materjal ta’ ppakkjar għandu jkun inċinerat jew mormi b’xi mezz ieħor skond l-istruzzjonijiet mill-awtorita’ kompetenti."

(ċ) Fil-Kapitolu III, l-paragrafu 1 hu mibdul b’dan li ġej:

"1. Matul il-vjaġġ, dokument kummerċjali jew, fejn mitlub minn dan ir-Regolament, ċertifikat tas-saħħa għandu jintehmeż mal-prodotti ta’ l-annimali u l-prodotti proċessati minbarra fil-każ ta’ prodotti proċessati li joriġinaw minn materjal tal-Kategorija 3 li huma pprovduti, fi ħdan l-Istati Membri, direttament minn negozjanti lill-konsumaturi u mhux permezz tal-ħwienet."

(d) Il-Kapitolu IX li ġej hu miżjud:

"Kapitolu IX Ġbir ta’ materjal ta’ l-annimali meta jiġi trattat id-dranaġġ

1. L-apparat ta’ proċessar tal-Kategorija 1 u bini ieħor fejn materjal ta’ riskju speċifikat ikun imneħħi, biċċeriji u apparat ta’ proċessar tal-Kategorija 2 għandu jkollhom, bħala l-ewwel pass fit-trattament tad-dranaġġ, proċess ta’ trattament minn qabel għaż-żamma u l-ġbir ta’ materjal ta’ l-annimali. It-tagħmir użat fil-proċess ta’ trattament minn qabel għandu jikkonsisti fi xbieki jew passaturi b’toqob ta’ qies mhux akbar minn 6 mm fit-tarf nett tal-proċess jew sistemi ekwivalenti li jiżguraw li l-partiċelli solidi fid-dranaġġ li jgħaddu minnhom ma jkunux akbar minn 6 mm.

2. Dranaġġ minn postijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jgħaddi minn proċess ta’ trattament minn qabel li għandu jiżgura li d-dranaġġ kollu kien ġie ffiltrat permezz tal-proċess qabel ma jintrema minn dawn il-postijiet. M’għandux ikun hemm tħin jew maċerazzjoni li tħaffef il-passaġġ tal-materjal ta’ l-annimali fil-proċess ta’ trattament minn qabel.

3. Il-materjal kollu ta’ l-annimali miżmum fil-proċess ta’ qabel it-trattament fil-postijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jinġabar u jinġarr bħala materjal tal-Kategorija 1 jew tal-Kategorija 2, kif suppost, u jintrema skond dan ir-Regolament.

4. Dranaġġ li jkun għadda mill-proċess ta’ trattament minn qabel fil-postijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u dranaġġ minn postijiet li jirċievu biss materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun trattat skond leġislazzjoni oħra relevanti tal-Komunità."

3. Fl-Anness III, Kapitolu 2, il-paragrafi 5 u 10 huma mħassra.

4. L-Anness IV hu emendat kif ġej:

(a) Fil-Kapitolu I, il-paragrafu 1 hu mibdul b’dan li ġej:

"1. L-apparat ta’ inċinerazzjoni jew ta’ ko-inċinerazzjoni għandu jkun iddisnjat, mgħammar u mħaddem b’tali mod li jaderixxi mal-kondizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kondizzjonijiet ta’ iġjene li ġejjin għandhom jintlaħqu:

(a) Il-prodotti ta’ l-annimali għandhom jintremew mill-aktar fis possibli wara l-wasla. Huma għandhom jinħażnu kif suppost sakemm jintremew.

(b) Kontenituri, reċipjenti u vetturi wżati għal vjaġġi ta’ materjal mhux proċessat għandhom jitnaddfu f’zona magħżula, u b’hekk jiġi żgurat li d-dranaġġ jiġi trattat matul il-ħażna msemmija fil-Kapitolu III.

(ċ) Miżuri preventivi kontra għasafar, annimali gerriema, insetti u dud oħra għandhom jittieħdu b’mod sistematiku. Kontroll dokumentat għall-annimali li jagħmlu l-ħsara għandu jkun użat għal dak l-għan.

(d) Għall-partijiet kollha tal-bini għandhom jiġu stabbiliti u jkunu reġistrati proċeduri ta’ tindif. Tagħmir xieraq u materjal ta’ tindif għandhom ikunu pprovduti għat-tindif.

(e) Kontroll ta’ l-iġjene għandu jinkludi spezzjonijiet regolari ta’ l-ambjent u t-tagħmir. Skeda ta’ ispezzjonijiet u riżultati għandha tkun irreġistrata u miżmuma għal sentejn."

(b) Il-Kapitoli VII li ġej hu miżjud:

"Kapitolu VII Inċinerazzjoni ta’ materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b)

1. L-apparat ta’ inċinerazzjoni b’qawwa baxxa għandu jitqiegħed fuq art xotta u iebsa.

2. L-annimali m’għandux ikollhom aċċess għall-apparat ta’ inċinerazzjoni b’qawwa baxxa, għal prodotti ta’ l-annimali li se jiġu inċenerati jew irmied ta’ prodotti ta’ l-annimali inċinerati. Jekk l-inċineratur b’qawwa baxxa jinsab f’razzett fejn hemm annimali ħajjin:

(a) għandu jkun hemm separazzjoni fiżika bejn l-inċineratur u l-annimali u l-għalf u l-postijiet fejn jorqdu, biċ-ċnut fejn hemm bżonn;

(b) it-tagħmir għandu jkun iddedikat kollu kemm hu għat-tħaddim ta’ l-inċineratur u m’għandu jintuża imkien ieħor fuq ir-razzett;

(ċ) l-operaturi għandhom jibdlu l-ħwejjeġ esterni u ż-żarbun tagħhom qabel jimmaniġġjaw l-annimali jew l-għalf ta’ l-annimali.

3. Il-ħażna tal-prodotti ta’ l-annimali u ta’ l-irmied għandha tkun mgħottija, bit-tikketta u b’tali mod li ma jista’ jintilef xejn minnha.

4. L-operatur għandu jiċċekkja li l-prodotti ta’ l-annimali jkunu inċinerati b’tali mod li jsiru irmied għal kollox. L-irmied għandu jintrema f’terraferma artifiċjali approvata skond id-Direttiva 1999/31/KE.

5. Prodotti ta’ l-annimali mhux inċinerati kompletament m’għandhomx jintremew f’terraferma artifiċjali, iżda ġħandhom jiġu inċenerati mill-ġdid jew inkella jintremew skond dan ir-Regolament.

6. L-apparat ta’ inċinerazzjoni b’qawwa baxxa għandu jkun mgħammar b’apparat li minnu toħroġ il-fjamma.

7. L-operatur għandu jżomm reġistru bil-kwantitajiet, il-kategorija u l-ispeċi tal-prodotti ta’ l-annimali inċinerati u d-data ta’ l-inċinerazzjoni.

8. L-awtorita’ lokali kompetenti għandha tispezzjona l-apparat ta’ inċinerazzjoni b’qawwa baxxa qabel ma tapprovah, u mill-anqas darba fis-sena tiċċekkja l-qbil ma’ dan ir-Regolament."

5. L-Anness V hu emendat ki ġej:

(a) Fil-Kapitolu 1, l-paragrafu (1)(a) hu mibdul ma’ dan li ġej:

"(a) Postijiet għall-iproċessar tal-prodotti ta’ l-annimali m’għandhomx ikunu fl-istess żona bħal biċċeriji, sakemm ma jkunux jinsabu f’bini separat għal kollox. Madankollu, sistema ta’ trasportatur tista’ tgħaqqad apparat individwali ta’ proċessar ma’ biċċerija fuq l-istess żona, dejjem jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu rispettati:

(i) jkun hemm daħliet separati, postijiet ta’ lqugħ, tagħmir, postijiet ta’ ħruġ u ħaddiema għall-apparat ta’ proċessar u l-biċċerija: u

(ii) il-prodotti ta’ l-annimali li għandhom jiġu pproċessati joriġinaw fl-istess bini.

Persuni mhux awtorizzati u annimali m’għandux ikollhom aċċess għall-apparat ta’ proċessar."

(b) Fil-Kapitolu III, l-paragrafu 4 tal-Metodu 2 hu mibdul ma’ dan li ġej:

"4. Il-prodotti ta’ l-annimali jistgħu jissajru b’tali mod li l-kondizzjonijiet tal-ħin-temperatura jinkisbu fl-istess ħin."

6. L-Anness VI hu emendat kif ġej:

(a) Il-Kapitolu I hu emendat kif ġej:

(i) Il-paragrafu 7(a)(i) tal-Kapitolu I hu mibdul b’dan li ġej:

"(i) Il-materjal tal-Kategorija 2 (minbarra demel, kontenut ta’ l-istonku separat mill-istonku, ħalib u kolostru), destinat għall-apparat ta’ biogass jew kompost jew maħsub biex jintuża bħala fertilizzant organiku jew materjal li jtejjeb il-ħamrija, u"

(ii) Fil-paragrafu 7(b), it-tieni subparagrafu hu mħassar.

(b) Il-Kapitolu II hu emendat kif ġej:

(i) Il-paragrafi 1 u 2 huma mibdula b’dan li ġej:

"1. Jekk l-apparat tal-biogass jinsab f’post fejn huma miżmuma l-annimali tar-razzett, l-apparat għandu jitqiegħed f’distanza adegwata miż-żona fejn jinżammu l-annimali u għandu jkun hemm separazzjoni fiżika bejn l-apparat u l-annimali u l-għalf u fejn jorqdu, bi ċnut jekk hemm bżonn. L-apparat tal-biogass għandu jkun mgħammar b’:

(a) makkinarju ta’ pasturizzazzjoni/iġjenizzazzjoni, li għandu jkollu:

(i) apparat biex tiġi kkontrollata t-temperatura f’ħin reali;

(ii) apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa tar-riżultati ta’ qisien tali; u

(iii) sistema ta’ sigurta’ adegwata li ma tħallix li t-temperatura tinżel aktar milli suppost: u

(b) faċilitajiet adegwati għat-tindif u d-diżinfettar tal-vetturi u l-kontenituri li jkunu se jħallu l-apparat tal-biogass.

Madankollu, makkinarju ta’ pasturizzazzjoni/iġjenizzazzjoni m’hux obbligatorju għal apparati tal-biogass li jbiddlu l-prodotti ta’ l-annimali li jkunu għaddew mill-Metodu ta’ proċessar 1.

Barra minn hekk, makkinarju ta’ pasturizzazzjoni/iġjenizzazzjoni m’hux obbligatorju għal apparati tal-biogass li jbiddlu biss materjal tal-Kategorija 3 li jkun għadda minn pasturizzazzjoni/iġjenizzazzjoni x’imkien ieħor.

2. Jekk l-apparat tal-kompost jinsab fiż-żona fejn jinżammu annimali tar-razzett, l-apparat għandu jinżamm f’distanza adegwata miż-żona fejn jinżammu l-annimali u għandu jkun hemm f’kull każ separazzjoni totali bejn dak l-apparat u l-annimali u l-għalf u l-post fejn jorqdu, biċ-ċnut jekk hemm bżonn. L-apparat ta’ kompost għandu jkun mgħammar b’:

(a) reattur ta’ kompost magħluq, li għandu jkollu:

(i) apparat biex tiġi kkontrollata t-temperatura f’ħin reali;

(ii) apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa tar-riżultati ta’ qisien tali; u

(iii) sistema ta’ sigurta’ adegwata li ma tħallix li t-temperatura tinżel aktar milli suppost; u

(b) faċilitajiet adegwati għat-tindif u d-diżinfettar tal-vetturi u l-kontenituri li fihom jinġarru prodotti mhux trattati ta’ l-annimali.

Madankollu, tipi oħra ta’ sistemi ta’ kompost jistgħu jintużaw, dejjem jekk:

(i) jiġi żgurat li ma jidħlux dud:

(ii) ikunu mmaniġġjati b’tali mod li l-materjal kollu fis-sistema jilħaq il-ħin mitlub u l-parametri tat-temperatura, inkluż, fejn jgħodd, monitoraġġ kontinwu tal-parametri;

(iii) jaderixxi mal-kondizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament"

(ii) Il-paragrafu (4)(b) hu mibdul b’dan li ġej:

"(b) demel u kontenut ta’ l-istonku separat mill-istonku, minn ħalib u kolostru, u"

(iii) Il-paragrafu 14 hu mibdul b’dan li ġej:

"14. Madankollu, sakemm jiġu adottati r-regoli skond l-Artikolu 6(2)(ġ), l-awtorita’ kompetenti tista’ tawtorizza, meta l-iskart tal-kċina hu l-uniku prodott ta’ l-annimali wżat bħala materja prima fl-apparat tal-biogass jew tal-kompost, l-użu ta’ kondizzjonijiet speċifiċi minbarra dawk stabbiliti f’dan il-Kapitolu, dejjem jekk jiggarantixxu effett ekwivalenti rigward it-tnaqqis tal-patoġeni. Dawn il-kondizzjonijiet speċifiċi jistgħu japplikaw ukoll għal skart tal-kċina meta jkun imħallat mad-demel, kontenut ta’ l-istonku separat mill-istonku, ħalib u kolostru iżda l-materjal li jirriżulta hu meqjus daqs li kieku kien skart tal-kċina.

fejn demel, kontenut ta’ l-istonku separat mill-istonku, ħalib u kolostru huma l-uniku materjal ta’ oriġini ta’ l-annimali li jkun trattat mill-apparat tal-biogass jew kompost, l-awtorita’ kompetenti tista’ tawtorizza l-użu ta’ kondizzjonijiet speċifiċi minn barra dawk speċifikati f’dan il-Kapitolu dejjem jekk hi:

(a) ma tqisx li dak il-materjal joħloq riskju ta’ tixrid ta’ xi marda trasmissibli serja:

(b) tikkunsidra li r-residwi jew il-kompost huma materjal mhux trattat."

7. L-Anness VII hu emendat kif ġej:

(a) Il-Kapitolu I hu emendat kif ġej:

(i) Il-paragrafu 4 hu mibdul b’dan li ġej:

"4. Il-materjal tal-Kategorija 3 biss,imniżżel fil-punti minn (a) sa (j) ta’ l-Artikolu 6(1). li kien immaniġġjat, maħżun u trasportat skond l-Artikoli 7,8 u 9 jista’ jintuża għall-produzzjoni ta’ proteini proċessati ta’ l-annimali u għal materjal ieħor ta’ għalf."

(ii) Il-paragrafu 11 li ġej hu miżjud:

"11. Prodotti proċessati mhux użati jew żejda jistgħu, wara li jkun ġew immarkati b’mod li ma jitħassarx:

(a) jinqerdu bħala skart permezz ta’ inċinerazzjoni jew ko-inċinerazzjoni f’apparat ta’ inċinerazzjoni jew ko-inċinerazzjoni approvat skond l-Artikolu 12;

(b) jintremew f’terraferma artifiċjali skond id-Direttiva 1999/31/KE; jew

(ċ) jiġu trasformati f’apparat ta’ biogass jew ta’ kompost approvati skond l-Artikolu 15."

(b) Fil-Kapitolu II, l-paragrafu 1 hu mibdul b’dan li ġej:

"1. Il-proteini ta’ l-annimali proċessati li ġejjin minn mammiferi għandhom jgħaddu mill-Metodu ta’ trasformazzjoni 1.

Madankollu, sakemm il-projbizzjoni dwar l-għalf tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE tibqa’ fis-seħħ, il-proteini ta’ l-annimali proċessati li ġejjin minn mammiferi jistgħu jgħaddu mill-Metodi ta’ proċessar minn 1 sa 5 jew mill-Metodu 7, u għandhom jibqgħu immarkati b’tebgħa li ma titħassarx jew b’mod ieħor immedjatament wara dak l-iproċessar, qabel ma jintremew bħala skart skond il-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli.

Barra minn hekk, sakemm il-projbizzjoni dwar l-għalf tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE tibqa’ fis-seħħ, proteini ta’ l-annimali proċessati li ġejjin minn mammiferi destinati esklusivament għall-użu fl-ikel ta’ l-annimali, li huma trasportati f’kontenituri apposta li mhumiex użati għall-ġarr ta’ prodotti ta’ l-annimali jew għalf għall-annimali ta’ fuq l-irziezet, u li huma mgħoddija direttament minn apparat ta’ proċessar tal-Kategorija 3 għal apparat ta’ l-għalf ta’ l-annimali, jistgħu jkunu għaddew minn wieħed mill-Metodi ta’ proċessar minn 1 sa 5 jew 7."

(ċ) Fil-Kapitolu IV, l-paragrafu 1 hu mibdul b’dan li ġej:

"1. Dejjem jekk ix-xaħmijiet maħlula ma jkunux ġew prodotti skond il-Kapitolu II ta’ l-Anness Ċ tad-Direttiva tal-Kunsill 77/99/KEE [*] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 85., jew il-Kapitolu 9 ta’ l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE [**] ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 49., ix-xaħmijiet maħlula għandhom ikunu prodotti bl-użu tal-Metodi minn1 sa 5 jew 7, u żjut tal-ħut jistgħu jkunu prodotti bl-użu tal-Metodu 6, kif imsemmi fl-Anness V, Kapitolu III.

Żjut maħlula derivati mill-annimali li jixtarru għandhom ikunu purifikati b’tali mod li l-livelli massimi ta’ impuritajiet totali li ma jinħallux ma jaqbżux iz-0,15 % tal-piż."

(e) Fil-Kapitolu VI, il-paragrafu 3 hu mibdul b’dan li ġej:

"3. Proteina idrolizzata għandha tkun prodotta bl-użu ta’ proċess ta’ produzzjoni li jinvolvi l-miżuri xierqa biex titnaqqas il-kontaminazzjoni ta’ materja prima tal-Kategorija 3. Proteina idrolizzata għandu jkollha piż molekulari ta’ inqas minn 10000 Dalton.

Barra minn hekk, proteini idrolizzati derivati totalment jew parti minnhom minn ġlud ħoxnin u ġlud ta’ annimali gerriema għandhom ikunu prodotti f’apparat ta’ proċessar li jintuża biss għall-produzzjoni ta’ proteina idrolizzata, bl-użu ta’ proċess li jinvolvi l-preparazzjoni ta’ materja prima tal-Kategorija 3 permezz ta’ tqegħid fl-ilma bil-melħ, trattament bil-ġir u ħasil intensiv segwiti minn:

(a) esposizzjoni tal-materjal għal pH ta’ aktar minn 11 għal aktar minn tliet sigħat f’temperatura ta’ aktar minn 80 °Ċ u wara bi trattament ta’ sħana f’aktar minn 140 °Ċ għal tletin minuta f’aktar minn 3,6 bar;

(b) esposizzjoni tal-materjal għal pH ta’ 1 sa 2, segwit minn pH ta’ aktar minn 11, segwit minn trattament ta’ sħana f’140 °Ċ għal 30 minuta fi 3 bar; jew

(ċ) proċess ekwivalenti ta’ produzzjoni approvat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33(2)."

(f) Fil-Kapitolu VI, l-paragrafu 4 hu mibdul b’dan li ġej:

"4. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ ġelatina u proteini idrolizzati jekk huma:

(a) jiġu minn terzi pajjiżi li jidhru fil-lista f’Parti XI ta’ l-Anness XI;

(b) jiġu minn apparat ta’ proċessar li jidher fil-lista msemmija fl-Artikolu 29(4);

(ċ) kienu prodotti skond dan ir-Regolament: u

(d) flimkien magħhom jinstab iċ-ċertifikat tas-saħħa kif previst fl-Artikolu 29(6)."

(g) Il-Kapitolu VII hu mibdul b’dan li ġej:

"Kapitolu VII Kondizzjonijiet speċifiċi għall-fosfat tad-dikalċju

Il-kondizzjonijiet li ġejjin japplikaw flimkien mal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fil-Kapitolu I.

A. Livelli ta’ proċessar

1. Il-fosfat tad-dikalċju għandu jkun prodott minn proċess li:

(a) jiżgura li l-materjal ta’ l-għadam tal-Kategorija 3 hu mitħun sew u minnu jitneħħa x-xaħam permezz ta’ ilma jaħraq u jkun trattat b’aċtu idrokloriku mħallat (b’konċentrazzjoni minima ta’ 4 % u b’pH ta’ inqas minn 1,5) matul perjodu ta’ mill-anqas jumejn;

(b) skond il-proċedura f’(a), jiġi applikat trattament tas-sustanza fosforika miksuba bl-ixkomp, li jirriżulta f’materja solida ta’ fosfat tad-dikalċju ta’ pH minn 4 sa’ 7: u

(ċ) fl-aħħar, l-arja tnixxef il-materja solida tal-fosfat tad-dikalċju b’temperatura tal-bidu bejn 65 °Ċ sa 325 °Ċ u b’temperatura finali bejn 30 °Ċ u 65 °Ċ, jew

permezz ta’ proċess ekwivalenti approvat skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 33(2).

2. Fejn il-fosfat tad-dikalċju jkun derivat minn għadam li minnhom jitneħħa x-xaħam, dawn għandhom ikunu tajbin għall-konsum tal-bniedem, skond ispezzjoni li ssir qabel u wara l-mewt.

B. Importazzjoni

3. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-fosfat tad-dikalċju jekk hu:

(a) jiġi minn terzi pajjiżi li jidhru fil-lista f’Parti XI ta’ l-Anness XI;

(b) jiġi minn apparat ta’ proċessar li jidher fil-lista msemmija fl-Artikolu 29(4);

(ċ) kien prodott skond dan ir-Regolament: u

(d) flimkien miegħu jinstab iċ-ċertifikat tas-saħħa kif previst fl-Artikolu 29(6)."

(h) Il-Kapitolu VIII li ġej hu miżjud:

"Kapitolu VIII Kondizzjonijiet speċifiċi għall-fosfat tat-trikalċju

Il-kondizzjonijiet li ġejjin japplikaw flimkien mal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fil-Kapitolu I.

A. Livelli ta’ proċessar

1. Il-fosfat tat-trikalċju għandu jkun prodott minn proċess li jiżgura:

(a) li l-materjal ta’ l-għadam tal-Kategorija 3 hu mitħun sew u minnu jitneħħa x-xaħam permezz ta’ fluss ta’ ilma jaħraq li joħroġ bil-kontra (frak ta’ l-għadam iżgħar minn 14 mm):

(b) li l-frak jintaħnu sa qies iżgħar minn 1 mm qabel ma jissajru u jkun hemm sajran kontinwu bil-fwar f’145 °Ċ għal 30 minuta b’4 bars;

(ċ) li jkun hemm separazzjoni tat-taħlita tal-proteini mill-hydroxyapatite (fosfat tat-trikalċju) permezz ta’ ċentrifugazzjoni; u

(d) li l-fosfat tat-trikalċju jiġi kristallizzat wara li jitnixxef fuq terren apposta bl-arja f’temperatura ta’ 200 °Ċ; jew

permezz ta’ proċess ta’ produzzjoni ekwivalenti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33(2).

B. Importazzjoni

2. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-fosfat tat-trikalċju jekk hu:

(a) jiġi minn terzi pajjiżi li jidhru fil-lista f’Parti XI ta’ l-Anness XI;

(b) jiġi minn apparat ta’ proċessar li jidher fil-lista msemmija fl-Artikolu 29(4);

(ċ) kien prodott skond dan ir-Regolament; u

(d) flimkien miegħu jinstab iċ-ċertifikat tas-saħħa kif previst fl-Artikolu 29(6)."

8. L-Anness VIII hu emendat kif ġej:

(a) Fil-Kapitolu II, l-paragrafu 6 hu mibdul b’dan li ġej:

"6. Għandhom jittieħdu kampjuni għall-għarrieda matul il-produzzjoni u/jew il-ħażna (qabel jintbagħtu) sabiex jiġi żgurat qbil mal-livelli li ġejjin:

Salmonella: assenża f’25 g, n = 5, c = 0, m = 0, M = 0.

Enterobacteriaceae: n = 5, c = 2, m = 10, M = 300 in 1 g

Fejn:

n = numru ta’ kampjuni ttestjati;

m = valur ta’ limitu tan-numru tal-bakterja: r-riżultat hu meqjus bħala sodisfaċenti jekk in-numru ta’ bakterja fil-kampjuni kollha ma jeċċedix m:

M = il-valur massimu tan-numru ta’ bakterja; r-riżultat mhux ikkunsidrat bħala sodisfaċenti jekk f’kampjun jew aktar M hu akbar; u

c =

numru ta’ kampjuni li l-ammont ta’ bakterja tagħhom jista’ jkun bejn m u M, u l-kampjun jibqa’ jitqies bħala aċċettabli jekk l-ammont ta’ bakterja fil-kampjuni l-oħra hu m jew inqas..

Madankollu, għal ikel ta’ l-annimali domestiċi fil-bottijiet li jkun għadda minn trattament tas-sħana kif imsemmi fil-paragrafu 2, it-teħid tal-kampjuni u l-ittestjar għas-Salmonella u l-Enterobacteriaceae jista’ ma jkunx neċessarju."

(b) Fil-Kapitolu IV, it-tieni inċiż tal-paragrafu (3)(e)(i) hu mibdul b’dan li ġej:

"— f’biċċeriji approvati u sorveljati mill-awtorita’ kompetenti tal-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu mgħarrfa bl-indirizz u n-numru ta’ approvazzjoni ta’ biċċeriji tali jew ċertifikat għandu jkun indikat lilhom; jew"

(ċ) Fil-Kapitolu VIII, l-paragrafu 1 hu mibdul b’dan li ġej:

"1. (a) Suf mhux proċessat, xagħar mhux proċessat, lanżit tal-majjal mhux proċessat u rix u partijiet tar-rix mhux proċessati għandhom ikunu nkisbu mill-annimali msemmija fl-Artikolu 6(1)(ċ) jew (k). Għandhom jingħalqu sew fil-pakketti u jkunu nexfin. Madankollu, fil-każ ta’ rix jew partijiet tar-rix mhux proċessati mibgħuta direttament minn biċċeriji għal apparat ta’ l-iproċessar, l-awtorita’ kompetenti tista’ tippermetti deroga mill-kondizzjoni li għandhom ikunu niexfa, dejjem jekk:

(i) il-miżuri kollha neċessarji huma meħuda biex jiġi evitat it-tixrid possibli tal-mard;

(ii) il-vjaġġ isir f’kontenituri li minnhom ma jintilef xejn u/jew vetturi li għandhom jitnaddfu u jkunu disinfettati immedjatament wara kull użu; u

(iii) l-Istat Membru jgħarraf lill-Kummissjoni meta tingħata tali deroga.

(b) Ċaqliq ta’ lanżit tal-majjali minn reġjuni fejn id-deni Afrikan tal-ħnieżer hu endemiku mhumiex permessi ħlief għal lanżit tal-majjali li:

(i) jkunu tgħallew, inżebġħu jew ġew ibbliċjati; jew

(ii) ikunu għaddew minn taħt xi forma oħra ta’ trattament li joqtol fiż-żgur aġenti patoġeniċi, dejjem jekk l-evidenza ta’ dan tkun mogħtija taħt forma ta’ ċertifikat minn veterinarju responsabbli għall-post ta’ oriġini. Ħasil fil-fabbrika ma jistax jitqies bħala forma ta’ trattament għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni."

(d) Fil-Kapitolu IX, il-paragrafu 1 hu mibdul b’dan li ġej:

"1. Prodotti derivati mit-trobbija tan-naħal maħsuba biss għal użu fit-trobbija tan-naħal:

(a) m’għandhomx jiġu minn żona suġġetta għal ordni ta’ projbizzjoni assoċjata mas-sejba ta’:

(i) Marda Amerikana fatali tal-batteriji tal-larvi tan-naħal, minbarra fejn l-awtorita’ kompetenti tkun qieset ir-riskju bħala żgħir wisq, tkun tat awtorizzazzjoni speċifika għall-użu biss f’dak l-Istat Membru, u tkun ħadet il-miżuri kollha neċessarji biex tiżgura li l-marda ma tinfirixx; jew

(ii) acariosis, minbarra fejn iz-zona ta’ destinazzjoni tkun kisbet garanziji oħra skond l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 92/65/KEE [*] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistipula l-kondizzjonijiet dwar is-saħħa ta’ l-annimali li jreġu l-kummerċ u l-importazzjonijiet fil-Komunità’ ta’ annimali, sperma, bajd u embrijuni li m’humiex suġġetti għall-kondizzjonijiet ta’ saħħa stabbiliti fir-regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, ta’ l-14.9.1992, p. 54). Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/298/KE (ĠU L 102, tat-12.4.2001, p. 63): u

(b) għandhom jaderixxu mal-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(a) tad-Direttiva 92/65/KEE."

9. Fl-Anness IX, il-paragrafu 2a li ġej hu miżjud:

"2a. Iġsma sħaħ ta’ annimali mejta għandhom ikunu mmaniġġjati bħala materjal tal-Kategorija 2 matul il-ġbir u t-trasport, mingħajr ma tiġi affettwata l-kondizzjoni li jitneħħa l-materjal ta’ riskju speċifiku għal rimi li jsir wara, qabel ma l-bqija tal-ġisem ikun jista’ jintuża għall-għalf hekk kif previst fl-Artikolu 23."

--------------------------------------------------

Top