EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0796

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2003 dwar it-twaqqif tal-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 296, 14.11.2003, p. 34–35 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2011; Imħassar b' 32011D0280

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/796/oj

32003D0796



Official Journal L 296 , 14/11/2003 P. 0034 - 0035


Deċiżjoni tal-kummissjoni

tal-11 ta’ Novembru 2003

dwar it-twaqqif tal-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2003/796/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

BILLI:

(1) Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku u li tabbroga id-Direttiva 96/92/KE [1], id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gas naturali u li tabbroga Direttiva 98/30/KE [2] u r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerks għall-iskambji trans-konfini ta’ elettriku [3] li jistabbilixxi qafas regolatorju ġdid għas-suq intern ta’ l-elettriku u l-gass.

(2) Id-Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE jeħtieġu li l-Istati Membri jinnominaw korp wieħed kompetenti (jew aktar minn wieħed) bil-funzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji, sabiex iwettaq/iwettqu d-dmirijiet regolatorji speċifikati f’dawn id-Direttivi. Dawn l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu kompletament indipendenti mill-interessi ta’ l-industrija ta’ l-elettriku u l-gass.

(3) Ir-responsabbilitajiet dettaljati u d-dmirijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali x’aktarx ikunu differenti minn Stat Membru għal ieħor, iżda l-Istati Membri għandhom jagħżlu minn ta’ l-anqas aġenzija regolatorja waħda sabiex tapplika l-qafas regolatorju ġdid ladarba jkun mehmuż fil-liġi nazzjonali, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-superviżjoni ta’ kuljum tas-suq.

(4) Id-Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE jistabbilixxu għanijiet li għandhom jintlaħqu u jipprovdu qafas ta’ azzjoni fuq livell nazzjonali, iżda jagħtu flessibilità f’oqsma partikolari sabiex ikunu applikati r-regolamenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali. L-applikazzjoni konsistenti tar-regoli relevanti fl-Istati Membri kollha hija essenzjali għall-iżvilupp b’suċċess ta’ suq Ewropew waħdieni ta’ l-enerġija.

(5) Fir-rigward ta’ approċċi komuni għal kwistjonijiet relevanti għall-operazzjonijiet trans-konfini il-Forum Regolatorju Ewropew dwar l-Elettriku u l-Forum Regolatorju Ewropew dwar il-Gass għamlu kontribuzzjonijiet importanti. Minkejja li ż-żewġ fora ser jibqgħu importanti bħala pjattaformi li jinvolvu lil kull min għandu sehem mill-gvern, regulaturi u industrija, huwa issa neċessarju li tingħata koperazzjoni u kordinazzjoni regolatorja li tkun aktar formali, sabiex ikun komplut is-suq intern ta’ l-enerġija u fid-dawl tad-dħul ta’ Stati Membri ġodda.

(6) F’dawk iċ-ċirkostanzi, għandu jitwaqqaf "Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass" sabiex tkun iffaċilitata l-konsultazzjoni, kordinazzjoni u koperazzjoni bejn korpi regolatorji u Stati Membri, u bejn dawn il-korpi u l-Kummissjoni, b’viżjoni li jkun ikkonsolidat is-suq intern u li jkun hemm applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha ta’ Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE u Regolament (KE) Nru 1228/2003.

(7) Il-membri tal-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass għandhom jikkonsistu mill-kapijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tar-regolazzjoni ta’ l-elettriku u l-gass fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tkun rappreżentata f’livell għoli.

(8) Il-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass għandu jżomm koperazzjoni mill-qrib mal-Kumitati mwaqqfa taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/55/KE u l-Artikolu 13 tar- Regolament (KE) Nru 1228/2003. Ix-xogħol tiegħu m’għandux ifixkel ix-xogħol ta’ dawk il-Kumitati.

(9) Huwa xieraq li jkunu abrogati d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 95/539/KE [4] u 92/167/KEE [5] ladarba dawn id-Deċiżjonijiet waqqfu Kumitati fil-kuntest tad-Direttivi 91/296/KEE [6] u 90/547/KEE [7] dwar it-transitu ta’ gas naturali u elettriku, rispettivament, li kienu abrogati mid-Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE,

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett materja u attivitajiet

1. Grupp konsultattiv indipendenti dwar l-elettriku u l-gass, imsejjaħ "il-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass" (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa bħala "il-Grupp"), huwa hawnhekk imwaqqaf mill-Kummissjoni.

2. Il-Grupp, fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, għandu jagħtu pariri jew jassisti lill-Kummissjoni fis-suq intern ta’ l-enerġija, b’mod partikolari fejn tidħol il-preparazzjoni ta’ abbozz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni fil-qasam ta’ l-elettriku u l-gass, u dwar kull materja li għandha x’taqsam mas-suq intern tal-gass u l-elettriku. Il-Grupp għandu jiffaċilita l-konsultazzjoni, kordinazzjoni u koperazzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jikkontribwixxu lejn applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-disposizzjonijiet speċifikati f’Direttiva 2003/54/KE, Direttiva 2003/55/KE u Regolament (KE) Nru 1228/2003, kif ukoll ta’ leġislazzjoni possibli futura tal-Komunità fil-qasam ta’ l-elettriku u l-gass.

Artikolu 2

Sħubija fil-Grupp

1. Il-Grupp għandu jkun iffurmat mill-kapijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew ir-rappreżentanti tagħhom.

2. Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni "awtorità regolatorja nazzjonali" tfisser awtorità pubblika mwaqqfa fi Stat Membru skond Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE, li skond dawn l-Istati Membri għandhom jinnominaw korp jew aktar kompetenti bil-funzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji, sabiex tiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni, li jkun hemm kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effettiv tas-suq ta’ l-elettriku u l-gass u sabiex, b’mod partikolari tħares l-applikazzjoni minn jum għal jum tad-disposizzjonijiet ta’ Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE u Regolament (KE) Nru 1228/2003 f’dak is-sens.

3. Sa l-1 ta’ Lulju 2004, jekk Stat Membru ma jkunx għażel korp jew aktar kompetenti bil-funzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji, dak l-Istat Membru għandu jkun rappreżentat fil-Grupp minn rappreżentant ta’ awtorità pubblika kompetenti oħra.

4. Il-Kummissjoni għandha tkun preżenti fil-laqgħat tal-Grupp u għandha tinnomina rappreżentant għoli fid-diskussjonijiet kollha.

Artikolu 3

Organizzazzjoni tal-Grupp

1. Il-Grupp għandu jagħżel President minn fost il-membri tiegħu.

2. Il-Grupp jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma sabiex jistudjaw suġġetti speċifiċi, fuq il-bażi ta’ mandat u skond ma jitqies xieraq.

3. Il-Kummissjoni tista’ tattendi l-laqgħat kollha ta’ dawn il-gruppi ta’ esperti.

4. Esperti mill-Istati ta’ l-EEE u Stati li huma kandidati għad-dħul fl-Unjoni Ewropea jistgħu jattendu għal-laqgħa ta’ Grupp ta’ osservaturi. Il-Grupp u l-Kummissjoni jistgħu jistiednu esperti oħra u osservaturi sabiex jattendu għal dawn il-laqgħat.

5. Il-Grupp għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu b’konsensus jew, fin-nuqqas ta’ qbil, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti, b’vot għal kull Stat Membru, suġġett għal approvazzjoni tal-Kummissjoni.

6. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Grupp.

7. Spejjeż ta’ l-ivvjaġġar u sostenn li jintefqu minn membri, osservaturi u esperti, konnessi ma l-attivitajiet tal-Grupp, għandhom ikunu mħallsa mill-Kummissjoni skond id-disposizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

8. Il-Grupp għandu jissottometti rapport annwali ta’ l-attivitajiet tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti r-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, meta jkun hemm bżonn, bil-kummenti.

Artikolu 4

Konsultazzjoni

Il-Grupp għandu jikkonsulta b’mod estensiv u fi stadju kmieni mal-parteċipanti fis-suq, konsumaturi u utenti ta’ l-aħħar f’manjiera miftuħa u trasparenti.

Artikolu 5

Kunfidenzjalità

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 287 tat-Trattat, fejn il-Kummissjoni tinforma lill-Grupp li l-parir mitlub jew il-kwistjoni mqajma huma ta’ natura kunfidenzjali, membri ta’ Grupp kif ukoll osservaturi u kwalunkwe persuna oħra għandha tkun taħt obligu sabiex ma joħorġux informazzjoni li jkunu jafu biha permezz tax-xogħol tal-Grupp jew tal-gruppi ta’ ħidma. Il-Kummissjoni f’dawn il-każijiet tista’ tiddeċiedi li membri biss tal-grupp jistgħu jkunu preżenti għal-laqgħat.

Artikolu 6

Abrogati

Id-Deċiżjonijiet Nru 95/539/KE u 92/167/KEE huma abrogati.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2. Il-Grupp għandu jibda jwettaq dmirijietu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, fil-11 ta’ Novembru 2003.

Għall-Kummissjoni

Loyola De Palacio

Viċi-President

[1] ĠU L 176, tal-15.7.2003, pġ. 37.

[2] ĠU L 176, tal-15.7.2003, pġ. 57.

[3] ĠU L 176, tal-15.7.2003, pġ. 1.

[4] ĠU L 304, tas-16.12.1995, pġ. 57.

[5] ĠU L 74, ta’ l-20.3.1992, pġ. 43.

[6] ĠU L 147, tat-12.6.1991, pġ. 37.

[7] ĠU L 313, tat-13.11.1990, pġ. 30.

--------------------------------------------------

Top