Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R1253

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1253/2002 ta’ l-11 ta’ Lulju 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 800/1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq prodotti agrikoli

ĠU L 183, 12.7.2002, p. 12–21 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/08/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1253/oj

32002R1253



Official Journal L 183 , 12/07/2002 P. 0012 - 0021


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1253/2002

ta’ l-11 ta’ Lulju 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 800/1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq prodotti agrikoli

IL-KUMMISJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1666/2000 [2], u partikolarment l-Artikoli 13 u 21 tiegħu, u d-disposizzjonijiet relattivi tar-regolamenti l-oħrajn dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq f’prodotti agrikoli,

Billi:

(1) Fil-preżent, il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni u l-kontroll ta’ aġenziji internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsemmija bħala AS) mill-Istati Membri huma stabbiliti f’dokument tal-ħidma tal-Kummissjoni li ma jorbotx legalment. Fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 7/2001 dwar ir-rifużjoni ta’ l-esportazzjoni [3], il-Qorti ta’ l-Awdituri nnotat xi defiċjenzi fis-sistema ta’ evidenza tal-wasla għal rifużjoni ta’ l-esportazzjoni differenzjati fuq prodotti agrikoli, li fiha l-AS għandhom rwol kruċjali. Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ta’ dak ir-Rapport Speċjali, huwa xieraq li l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-approvazzjoni u l-kontroll ta’ l-AS jorbtu legalment billi jiġu integrati fir- Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jippreskrivi regoli komuni dettaljati li japplikaw għas-sistema ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli [4], kif l-aħħar emendati bir-Regolament (KE) Nru 2299/2001 [5]. Dawn il-kondizzjonijiet jikkonċernaw il-proċeduri għall-għotja, sospensjoni u rtirar ta’ l-approvazzjoni, it-tipi u l-mudelli taċ-ċertifikati li għandhom jinħarġu mill-AS kif ukoll rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni.

(2) Barra minn dan, huwa meqjus neċessarju li tiġi prevista sistema effettiva ta’ sanzjonijiet li għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri, f’każijiet li l-AS jippreżentaw provi irregolari tal-wasla.

(3) Preżentement m’hemmx regoli komuni għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ ħatt minn aġenziji uffiċjali ta’ l-Istati Membri stabbiliti f’pajjiżi terzi. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu osservati minn dawn l-aġenziji meta joħorġu provi tal-wasla sekondarji.

(4) Bi skop li jiġi semplifikat il-piż amministrattiv involut fis-sottomissjoni ta’ provi tal-wasla, l-ammonti ta’ rifużjonijiet ta’ l-esport li għalihom m’hix meħtieġa l-ebda prova ta’ importazzjoni għandhom jiżdiedu.

(5) Il-piż fuq l-awtoritajiet kompetenti li jiġġestixxu ammonti żgħar ta’ rifużjonijiet huwa kbir. Huwa għalhekk meqjus xieraq, fl-interess tas-semplifikazzjoni, li jiġi stabbilit limitu ta’ EUR 100 li taħtu s-servizzi kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jirrifjutaw il-ħlas ta’ dawn ir-rifużjonijiet.

(6) Fl-istess ħin l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 għandu jiġi adattat għall-Artikolu 912ċ(2) emendat tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jesiġi d-disposizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali tal-Komunità [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2002 [7].

(7) Ir-Regolament (KE) Nru 800/1999 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(8) Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjonijiet tal-Kumitati ta’ Ġestjoni konċernati kollha,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 800/1999 huwa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 9(1)(ċ) jiġi sostitwit mis-segwenti:

"(ċ) Bħala alternattiva għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b), l-Istati Membri destinatarji tal-kopja ta’ kontroll T5 jew l-Istati Membri fejn jintuża dokument nazzjonali bħala prova jistgħu jeħtieġu li l-kopja ta’ kontroll T5 jew id-dokument nazzjonali li jipprova li l-prodotti telqu mit-territorju doganali tal-Komunità għandu jiġi ffirmat biss meta jiġi ppreżentat dokument tat-trasport li jispeċifika destinazzjoni finali barra mit-territorju doganali tal-Komunità.

F’dawn il-każijiet, entrata minn dawn li ġejjin għandha tiżdied mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru destinatarju tal-kopja tal-kontroll T5 jew l-Istati Membru fejn jintuża dokument nazzjonali bħala prova taħt l-Intestatura ‘Rimarki’ fit-taqsima intestata ‘Kontroll fuq użu u/jew destinazzjoni’ fuq il-kopja tal-kontroll T5 jew taħt l-Intestatura korrispondenti tad-dokument nazzjonali:

- Documento de trasporte con destino fuera de la CE presentado,

- Transportdokument med destination uden for EF forelagt,

- Beförderungspapier mit Bestimmung außerhalb der EG wurde vorgelegt,

- Υποβαλλόμενο έγγραφο μεταφοράς με προορισμό εκτός ΕΚ,

- Transport document indicating a destination outside the customs territory of the Community has been presented,

- Document de trasport avec destination hors CE présenté,

- Documento di trasporto con destinazione fuori CE presentato,

- Vervoerdocument voor bestemming buiten EG voorgelegd,

- Documento de trasporte com destino fora da CE apresentado,

- Kuljetusasiakirja, jossa ilmoitetaan yhteisön tullialueen ulkopuolinen määräpaikka, on esitetty,

- Transportdokument med slutlig destination, utanför gemenskapens tullområde har lagts fram.

Konformità ma’ dan il-punt għandu jiġi vverifikat b’testijiet fuq il-post imwettqa mill-aġenzija li tħallas."

2. L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(b) ċertifikat ta’ ħatt u importazzjoni maħruġ minn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsemmija bħala AS) skond ir-regoli stabbiliti fl-Anness VI, Kapitolu III, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness VII. Id-data u n-numru ta’ dokumenti tad-dwana ta’ l-importazzjoni għandhom jidhru fuq iċ-ċertifikat ikkonċernat."

(b) fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza u l-punti (b) u (ċ) jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"Fejn l-esportatur ma jistax jikseb id-dokument magħżul skond il-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1, ukoll wara li jkun ħa l-passi xierqa, jew fejn hemm dubju dwar l-awtentiċità tad-dokument provvist, jew il-preċiżjoni tiegħu f’kull rigward, il-prova tat-twettiq tal-formalitajiet tad-dwana għall-importazzjoni tista’ tiġi fornita b’wieħed mid-dokumenti li ġejjin:"

"(b) ċertifikat ta’ ħatt maħruġ minn aġenzija uffiċjali ta’ Stat Membru stabbilità fil- jew kompetenti għall-pajjiż destinatarju, skond ir-rekwiżiti u b’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness VIII, li jiċċertifika wkoll li l-prodott telaq mill-post tal-ħatt jew għall-inqas li, sa fejn taf hi, il-prodott ma ġiex mgħobbi wara għar-riesportazzjoni;

(ċ) ċertifikat ta’ ħatt maħruġ minn AS approvata skond ir-regoli stabbiliti fl-Anness VI, Kapitolu III, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness IX, li jattesta wkoll li l-prodott telaq mill-post tal-ħatt jew għall-inqas li, sa fejn taf hi, il-prodott ma ġiex mgħobbi wara għar-riesportazzjoni;".

(ċ) il-paragrafu 5 huwa mħassar.

3. L-Artikoli li ġejjin 16a sa 6f huma mdaħħla:

"L-Artikolu 16a

1. AS li tixtieq toħroġ ċertifikati kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)(b) u (2)(ċ) għandha tiġi approvata mill-awtorità lokali kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

2. L-AS għandha tiġi approvata fuq talba tagħha għal terminu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded, jekk taderixxi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VI, Kapitolu I. L-approvazzjoni għandha tkun valida għall-Istati Membri kollha.

3. L-approvazzjoni għandha tispeċifika jekk l-awtorizzazzjoni li toħroġ iċ-ċertifikati kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)(b) u (2)(ċ) hijiex fuq bażi dinjija jew limitata għal numru ta’ pajjiżi terzi.

L-Artikolu 16b

1. L-AS għandha taġixxi skond ir-regoli stabbiliti fl-Anness VI, Kapitolu II, punt 1.

Jekk waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawk ir-regoli ma jiġux imħarsa, l-Istat Membru li approva lill-AS għandu jissospendi l-approvazzjoni għall-perjodu meħtieġ biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

2. L-Istat Membru li approva lill-AS għandu jikkontrolla l-ħidma u l-komportament ta’ l-AS skond ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VI, Kapitolu II, punt 2.

L-Artikolu 16c

L-Istati Membri li approvaw AS għandhom jipprovdu għal sistema effettiva ta’ sanzjonijiet għal każijiet fejn AS approvata tkun ħarġet ċertifikat falz.

L-Artikolu 16d

1. L-Istat Membru li approva lill-AS għandu jirtira l-approvazzjoni minnufih:

- jekk l-AS m’għadux iħares il-kondizzjonijiet ta’ approvazzjoni stabbiliti fl-Anness VI, Kapitolu I, jew

- jekk l-AS kemm-il darba u sistematikament ħarġet ċertifikati foloz. F’dan il-każ is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(ċ) ma jgħoddux.

2. L-irtirar għandu jkun totali jew limitat għal xi partijiet jew attivitajiet ta’ l-AS skond in-natura tan-nuqqasijiet skoperti.

3. Kull fejn tiġi rtirata approvazzjoni minn Stat Membru lil AS li tappartjeni għal grupp ta’ soċjetajiet, l-Istati Membri li approvaw AS li jappartjenu għall-istess grupp, għandhom jisspospendu l-approvazzjonijiet għal dawn l-AS għal perjodu mhux itwal minn tliet xhur sabiex jitwettqu l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk l-AS għandhomx tort ukoll fin-nuqqasijiet skoperti dwar l-AS li l-approvazzjoni tagħha ġiet irtirata.

Għall-applikazzjoni tas-subparagrafu ta’ qabel, grupp ta’ soċjetajiet tinkludi l-kumpaniji kollha li l-kapital tagħhom huwa l-proprjetà, direttament jew indirettament, minn aktar minn 50 % minn kumpanija ewlenija waħda, kif ukoll il-kumpanija ewlenija stess.

L-Artikolu 16e

1. L-Istati Membri għandhom javżaw dwar l-approvazzjoni ta’ l-AS lill-Kummissjoni.

2. L-Istati Membri li jirtiraw jew jissospendu approvazzjoni għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fejn jindikawlhom in-nuqqasijiet li kkawżaw l-irtira jew is-sospensjoni.

L-avviż lill-Istati Membri għandu jintbagħat lill-korpijiet ċentrali ta’ l-Istati Membri elenkati fl-Anness X.

3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika perjodikament għall-informazzjoni, lista aġġornata ta’ AS approvati mill-Istati Membri.

L-Artikolu 16f

1. Iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 16(1)(b) u (2)(ċ) maħruġa wara d-data ta’ l-irtirar jew sospensjoni ta’ l-approvazzjoni m’għandhiex tkun valida.

2. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jaċċettaw ċertifikati msemmija fl-Artikolu 16(1)(b) u (2)(ċ) jekk jiskopru irregolaritajiet jew defiċjenzi fiċ-ċertifikati. Meta dawn iċ-ċertifikati jinħarġu minn AS approvata minn Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li jiskopri l-irregolarijtajiet għandu javża dwar dawn iċ-ċirkostanzi lill-Istat Membru li ta l-approvazzjoni."

4. L-Artikolu 17 jiġi sostitwit mis-segwenti:

"L-Artikolu 17

L-Istati Membri jistgħu jeżentw lill-esportaturi milli jipprovdu l-provi meħtieġa skond l-Artikolu 16 minbarra d-dokument tat-trasport, f’każ ta’ dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni li tintitola għal rifużjoni, li l-parti differenzjata tagħha hija inqas minn jew daqs:

(a) EUR 2400 fejn il-pajjiż terz jew it-territorju destinatarju huwa elenkat fl-Anness IV;

(b) EUR 12000 fejn il-pajjiż terz jew it-territorju destinatarju mhux elenkat fl-Anness IV;

Jekk l-esportatur jaqsam artifiċjalment l-operazzjoni ta’ l-esportazzjoni bl-iskop li jevita l-obbligazzjoni li jagħti provi ta’ wasla fid-destinazzjoni, l-intitolament għar-rifużjoni ta’ l- esportazzjoni ma jibqax jeżisti u r-rifużjoni tintradd, ħlief fejn l-esportatur jagħti l-provi mitluba skond l-Artikolu 16 għall-prodotti kkonċernati."

5. Fl-Artikolu 49, il-paragrafu 9 jiġi sostitwit mis-segwenti:

"9. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux rifużjonijiet fejn l-ammont huwa inqas jew daqs EUR 100 għal kull dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni."

6. L-Annessi VI sa X, kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, huma miżjuda.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jgħodd mill-1 ta’ Jannar 2003, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(a) L-Artikolu 1 punt (1) għandu jgħodd mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(b) L-Artikolu 1 punti (4) u (5) għandhom jgħoddu għal dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni aċċettati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(ċ) Rigward AS li ġew awtorizzati għal mhux aktar minn tliet snin wara l-1 ta’ Jannar 2003, id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16a u l-Anness VI, Kapitolu I, għandhom jgħoddu għall-ewwel darba meta tiġġedded din l-awtorizzazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta’ Lulju 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 181, ta’ l-1.07.1992, p. 21..

[2] ĠU L 193, tad-29.07.2000, p. 1.

[3] ĠU C 314, tat-8.11.2001, p. 1.

[4] ĠU L 102, tas-17.04.1999, p. 11.

[5] ĠU L 308, tas-27.11.2001, p. 19.

[6] ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1.

[7] ĠU L 68, tat-12.03.2002, p. 11.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANNESS VI

Rekwiżiti għall-approvazzjoni u kontroll fuq AS mill-Istati Membri

Il-Kapitolu I

Rekwiżiti għall-approvazzjoni

(a) L-AS għandha tkun entità b’kapaċità legali u għandha tkun reġistrata fir-Reġistru tal-kumpaniji ta’ l-Istat Membru responsabbli.

(b) L-artikoli kostitwenti ta’ l-AS għandhom jistipulaw li wieħed mill-għanijiet iddikjarati tagħha huwa l-kontroll u s-sorveljanza ta’ prodotti agrikoli fuq livell internazzjonali.

(ċ) L-AS għandu jkollha kopertura internazzjonali sabiex tkun tista’ twettaq iċ-ċertifikazzjoni fuq bażi dinjija, jew permezz ta’ preżenza bis-sussidjarji f’numru ta’ pajjiżi terzi u/jew permezz ta’ attendenza għall-operazzjonijiet ta’ skariku mill-ispetturi mpjegati tagħha mill-eqreb uffiċċju reġjonali jew mill-uffiċċju nazzjonali fil-Komunità jew b’aġenti lokali li huma soġġetti għal sorveljanza sew mill-AS.

Is-sussidjarji msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom ikunu l-proprjetà f’aktar min-nofs tal-kapital, mill-AS. Iżda, jekk il-leġislazzjoni nazzjonali fil-pajjiż terz ikkonċernat jillimità proprjetà barranija tal-kapital għal 50 % jew inqas, il-kontroll effettiv tas-sussidjarju huwa suffiċjenti għall-għanijiet tas-subparagrafu preċedenti. Dan il-kontroll għandu jiġi approvat b’mezzi xierqa, partikolarment bħall-eżistenza ta’ ftehim dwar l-amministrazzjoni, kompożizzjoni tal-bord tad-direttturi jew amministrazzjoni għolja jew arranġementi simili.

(d) L-AS għandu jkollha esperjenza provata fil-kontroll u s-sorveljanza ta’ ikel u prodotti agrikoli. Din l-esperjenza għandha tiġi stabbilita billi tingħata prova dwar l-ispezzjonijiet imwettqa fit-tliet snin preċedenti, jew preżentement qed jitwettqu. Dawn ir-referenzi għandhom jinkludu informazzjoni dwar it-tip ta’ verifiki mwettqa (natura, kwantità ta’ prodotti, post ta’ spezzjoni, eċċ) u ismijiet u indirizzi ta’ korpijiet jew entitajiet li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar l-applikant.

(e) L-AS għandha taderixxi għar-rekwiżiti stabbiliti fin-norma standard EN 45011, punti 4.1.1, 4.1.2, 4.1.4, 4.2a) sa p), 4.4, 4.5, 4.7, 4.8.1b) sa f), 4.8.2, 4.9.1, 4.10, 5, 7, 9.4.

(f) Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-AS (kapital, fatturat, eċċ.) għandha tkun soda. Provi tas-sodezza finanzjarja, kif ukoll rendikonti annwali għall-aħħar tliet snin, li għandhom il-karta tal-bilanċ, il-kont ta’ qliegħ u telf, u, jekk meħtieġ mil-liġi, ir-rapport ta’ l-awdituri w ir-rapport tad-diretturi, għandhom jiġu ppreżentati.

(g) L-organizzazzjoni amministrattiva ta’ l-AS għandu jkollha "sistema nterna tal-verifika", li tkun responsabbli li tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali fl-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li jobbligaw ruħhom li jagħmlu fuq l-AS approvati.

Il-Kapitolu II

1. Obbligazzjonijiet dwar il-ħidma ta’ l-AS

L-AS approvati għandhom jużaw f’kull ħin ir-responsabbiltà u kompetenza professjonali tagħhom meta jagħtu ċ-ċertifikati tal-wasla.

L-AS approvati għandhom jikkonformaw fl-attivitajiet tagħhom mal-kriterji li ġejjin:

(a) għandhom jesegwixxu l-kontrolli kollha possibbli biex jistabbilixxu l-identità u l-piż tal-prodotti koperti miċ-ċertifikati;

(b) l-amministrazzjoni ta’ l-AS għandha tissorvelja sew il-kontrolli magħmula mill-impjegati tal-kumpanija fil-pajjiżi terzi destinatarji;

(ċ) l-AS għandhom iżommu nkartament fuq kull ċertifikat imwassal, li fih hija reġistrata prova tax-xogħol ta’ stħarriġ imwettaq sabiex isostni l-konklużjonijiet iddikjarati fiċ-ċertifikat (kontrolli kwantitattivi u verifiki dokumentarji effettwati, eċċ.). Inkartamenti fuq iċ-ċertifikati maħruġa għandhom jinżammu għal 5 snin.

(d) l-AS approvati għandhom jivverifikaw l-operazzjonijiet tal-ħatt bl-impjegati permanenti proprji kwalifikati kif xieraq jew b’aġenti lokali bażati jew attivi fil-pajjiż destinatarju, jew billi jibagħtu l-impjegati tagħhom mill-uffiċċji reġjonali jew uffiċċju nazzjonali fil-Komunità. L-intervent ta’ aġenti lokali għandu jiġi sorveljat regolarment minn impjegati permanenti kwalifikati kif xieraq ta’ l-AS.

2. Kontroll tal-ħidma ta’ l-AS

2.1. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jivverifikaw is-sodezza u n-natura xierqa tal-funzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni imwettqa mill-AS.

Qabel il-perjodu mġedded ta’ tliet snin, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu żjara ta’ ispezzjoni fl-uffiċċju rreġistrat ta’ l-AS.

Kull meta hemm dubji raġonevoli dwar il-kwalità u l-preċiżjoni taċ-ċertifikati maħruġa minn AS partikolari, l-awtorità lokali kompetenti għandha tagħmel ispezzjoni fil-post lill-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija sabiex jivverifika li r-regoli li hemm f’dan l-Anness jiġu applikati b’mod korrett.

L-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti waqt li jispezzjonaw lill-AS, għall-metodi u l-proċeduri operazzjonali ta’ l-AS meta twettaq il-funzjonijiet tagħha, u jeżaminaw ukoll b’għażla każwali, inkartamenti li jikkonċernaw ċertifikati preżentati lill-aġenzija li tħallas fil-proċeduri għall-ħlas tar-rifużjonijiet.

L-Istati Membri jistgħu jqabbdu awdituri esterni u independenti biex iwettqu l-funzjoni li jikkontrollaw lill-AS fil-qafas tal-proċedura mwaqqfa f’dan l-Anness.

L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri oħra li jikkunsidraw meħtieġa għall-kontroll xieraq fuq l-AS.

2.2. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti, meta jivverifikaw il-pretensjonijiet għar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni sostnuti b’ċertifikati mill-AS, għall-aspetti segwenti taċ-ċertifikazzjoni:

(a) jitolbu li x-xogħol li jsir huwa deskritt fiċ-ċertifikati u jissoddisfaw ruħhom li x-xogħol kif deskritt kien suffiċjenti biex isostni l-konklużjonijiet li hemm fiċ-ċertifikat;

(b) jindagaw sewwa d-diskrepanzi kollha fiċ-ċertifikati sottomessi;

(ċ) jesiġu li ċ-ċertifikati jinħarġu fi żmien xieraq, skond il-każ in kwistjoni.

Il-Kapitolu III

1. Ċertifikazzjoni maħruġa minn AS approvati għanda tinkludi mhux biss l-informazzjoni xierqa meħtieġa biex jiġu identifikati l-merkanzija u l-kunsinna in kwistjoni kif ukoll id-dettalji tal-mezz tat-trasport, dati tal-wasla u ħatt, kif ukoll deskrizzjoni tal-kontrolli u l-metodu applikati biex jiġu verifikati l-identità u l-piż tal-prodotti ċertifikati.

Il-kontrolli u l-verifiki li jsiru mill-AS għandhom jitwettqu fil-ħin tal-ħatt, li tista’ ssir waqt it-twettiq tal-formalitajiet tad-dwana għall-importazzjoni jew wara. Iżda, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, il-kontrolli u l-verifiki għall-ħruġ ta’ ċertifikati tista’ ssir fi żmien sitt xhur wara d-data li fiha l-merkanzija nħattet u ċ-ċertifikazzjoni għandha tiddeskrivi l-passi meħuda għall-verifika tal-fatti.

2. F’każ ta’ ċertifikati ta’ ħatt u importazzjoni (L-Artikolu 16(1)(b)), iċ-ċertifikazzjoni għandha tinkludi wkoll verifika li l-merkanzija għaddiet mid-dwana għall-importazzjoni definittiva. Din il-verifika għandha tistabbilixxi rabta ċara bejn id-dokument rilevanti ta’ l-importazzjoni tad-dwana jew il-proċedura tal-mogħdija mid-dwana u l-operazzjoni kkonċernata.

3. L-AS approvati għandhom ikunu indipendenti mill-partijiet involuti fl-operazzjoni li qed jiġu mistħarrġa. Partikolarment, la l-AS li twettaq il-kontrolli għal tranżazzjoni partikolari, la ebda kumpanija sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp, ma tista’ tipparteċipa fl-operazzjoni bħala esportatur, aġent tad-dwana, gwardjan tal-maħżen jew fi kwalunkwe kapaċità oħra li x’aktarx twassal għal kunflitt ta’ interess.

L-ANNESS VII

Ċertifikat ta’ ħatt u importazzjoni msemmi fl-Artikolu 16(1)(b)

+++++ TIFF +++++

L-ANNESS VIII

Rekwiżiti li għandhom jiġu osservati minn aġenziji uffiċjali ta’ l-Istati Membri stabbiliti f’pajjiżi terzi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 16(2)(b)

1. L-aġenzija uffiċjali tiddeċiedi li toħroġ iċ-ċertifikat tal-ħatt a bażi ta’ wieħed jew aktar mid-dokumenti li ġejjin:

- dokumenti ta’ l-importazzjoni tad-dwana, inklużi stampati tal-kompjuter jekk dawn huma approvati hekk,

- dokumenti nazzjonali tal-port u dokumenti oħrajn maħruġa minn entità uffiċjali,

- dikjarazzjoni mill-kaptan jew il-kumpanija tat-trasport,

- forom oħrajn ta’ rċevuta provduti mill-importatur,

2. L-aġenziji uffiċjali ta’ l-Istati Membri ħarġu ċertifikati tal-ħatt skond il-kliem li ġej:

Huwa hawnhekk attestat illi… (deskrizzjoni tal-merkanzija, kwantità u identifikazzjoni tal-pakkett) inħattu… (post tal-ħatt/isem tal-belt) f’… (data tal-ħatt)

Huwa attestat ukoll li l-prodott telaq mill-post tal-ħatt jew għall-inqas li, sa fejn taf hi, il-prodott ma ġiex mgħobbi wara għar-riesportazzjoni.

Iċ-ċertifikat tal-ħatt huwa maħruġ a bażi ta’ wieħed jew aktar mid-dokumenti li ġejjin:

(lista tad-dokumenti ppreżentati li servew ta’ bażi għall-aġenzija li ħarġet iċ-ċertifikat)

Id-data u l-post tal-firma, il-firma u t-timbru ta’ l-aġenzija uffiċjali:

3. L-aġenzija uffiċjali li toħroġ iċ-ċertifikati tal-ħatt għandha żżomm reġistru u inkartamenti fuq iċ-ċertifikati kollha maħruġa, li fihom għandu jiġi rreġistrat a bażi tal-provi dokumentarji li ċ-ċertifikati twasslu.

L-ANNESS IX

Ċertifikat ta’ ħatt imsemmi fl-Artikolu 16(2)(ċ)

+++++ TIFF +++++

L-ANNESS X

Lista ta' korpijiet ċentrali fl-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 16d

Stat Membru | Korp ċentrali |

Il-Belġju | Bureau d'Intervention et de Restitution Belge (BIRB) Belgisch Interventie- en Restitutiebureau (BIRB) |

Franza | Commission interministérielle d'agrément (CIA) des sociétés de contrôle et de surveillance — Direction générale des douanes et droits indirects (DGDDI) |

Il-Lussemburgu | Ministère de l'Agriculture, de la Viticulture et du Développement rural |

Il-Greċja | Ministère de l'Agriculture — OPEKEPE |

Spanja | Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación — Fondo Español de Garantía Agraria (FEGA) |

Il-Portugall: | Ministério da Agricultura, do Desenvolvimento Rurali e das Pescas |

L-Italja | Agenzia delle Dogane — Servizio Autonomo Interventi Settore Agricolo (SAISA) |

Id-Danimarka | Ministeriet for Fødevarer, Landbrug og Fiskeri — Direktoratet for FødevareErhverv |

L-Irlanda | Department of Agriculture and Food |

Ir-Renju Unit | Rural Payments Agency (RPA) |

Il-Ġermanja | Bundesministerium der Finanzen — Hauptzollamt Hamburg-Jonas |

L-Olanda | Ministerie van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij |

L-Awstrija | Bundesministerium für Finanzen |

Il-Finlandja | Ministry of Agriculture and Forestry |

Zvezja | Swedish Board of Agriculture |

"

--------------------------------------------------

Top