Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002D0300

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2002 li tistabbilixxi l-lista taż-żoni li għandhom l-approvazzjoni rigward il-Bonamia ostreae u/jew il-Marteilia refringens (innotifikata taħt in-numru K(2002) 1426)Test b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 103, 19.4.2002, p. 24–26 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/08/2009; Imħassar b' 32009D0177

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/300/oj

    32002D0300



    Official Journal L 103 , 19/04/2002 P. 0024 - 0026


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tat-18 ta’ April 2002

    li tistabbilixxi l-lista taż-żoni li għandhom l-approvazzjoni rigward il-Bonamia ostreae u/jew il-Marteilia refringens

    (innotifikata taħt in-numru K(2002) 1426)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (2002/300KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 li tikkonċerna l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li tikkontrolla l-marketing fis-suq ta’ l-annimali u l-prodott ta’ l-akkwakultura [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/45/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

    Billi:

    (1) Sabiex jinkiseb l-istatus ta’ żona approvata għal wieħed jew iżjed tat-tipi ta’ mard tal-molluski magħrufa bl-isem ta’ bonamiosis u marteiliosis, peress li huma ġejjin mill-Bonamia ostreae (B. ostreae) u l-Marteilia refringens (M. refringens), l-Istati Membri għandhom jissottomettu d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni approprjati kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw l-implimentazzjoni mal-kondizzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 91/67/KEE.

    (2) Id-Deċiżjoni 93/55/KEE tal-Kummissjoni [3], emendata mid-Deċiżjoni 93/169/KEE [4], temenda l-garanziji għall-introduzzjoni ta’ molluski fiż-żoni li għalihom ġie approvat programm rigward B. ostreae u M. refringens.

    (3) Il-programm li jikkonċerna l-bonamiosis u l- marteiliosis fl-Irlanda ġie approvat mid-Deċiżjoni 93/56/KEE tal-Kummissjoni [5].

    (4) Ir-Regolament (KEE) nru 706/73 tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 1973 li jikkonċerna r-regolamentazzjoni komunitarja applikabbli għall-Gżejjer Channel u għall-Isle of Man rigward in-negozju ta’ prodotti agrikoli, [6], emendat bir-Regolament (KEE) nru 1174/86 [7], jistabbilixxi li leġislazzjoni veterinarja għandha tiġi applikata għal dawn il-gżejjer bl-istess mod bħar-Renju Unit rigward il-prodotti li huma importati f’dawn il-gżejjer jew li huma esportati minn dawn il-gżejjer u huma ddestinati għall-Komunità.

    (5) Il-programmi li jikkonċernaw il-bonamiosis u l- marteiliosis sottomessi mir-Renju Unit ġew approvati mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 92/528/KEE [8] (Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq), 93/57/KEE [9] (Jersey), 93/58/KEE [10] (Guernesey) u 93/59/KEE [11] (Isle of Man) rispettivament.

    (6) L-Irlanda ssottomettiet id-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni neċessarji sabiex jinkiseb l-istatus ta’ żona approvata rigward B. ostreae u M. refringens għal uħud mir-reġjuni tagħha, kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti li jiggarantixxu t-tħaris tar-rekwiżiti għaż-żamma ta’ l-istatus approvat taż-żona.

    (7) Ir-Renju Unit issottometta d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni neċessarji sabiex jinkiseb l-istatus ta’ żona approvata rigward B. ostreae u M. refringens għal uħud miż-żoni tiegħu, kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti li jiggarantixxu t-tħaris tar-rekwiżiti għaż-żamma ta’ l-istatus approvat taż-żona.

    (8) Id-dokumenti forniti mill-Irlanda u mir-Renju Unit għaż-żoni kkonċernati juru li dawn jaqblu ma’ l-esiġenzi ta’ l-Artiklu 5 tad-Direttiva 91/67/KEE. Għaldaqstant, huma jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ żona approvata.

    (9) Bl-għan li kollox ikun ċaru sempliċi, jaqbel li tiġi stabbilita lista unika taż-żoni kollha li għandhom l-approvazzjoni rigward il- B. ostreae u M. refringens u li jiġu eliminati dispożizzjonijiet li japprovaw deċiżjonijiet imwettqa qabel fiż-żoni li wara kisbu l-istatus ta’ żona approvata.

    (10) Għaldaqstant id-Deċiżjonijiet 92/528/KEE, 93/56/KEE, 93/57/KEE, 93/58/KEE u 93/59/KEE jiġu revokati u sostitwiti minn din id-Deċiżjoni.

    (11) Il-miżuri maħsuba f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Iż-żoni rrikonoxxuti bħala żoni approvati rigward B. ostreae u M. refringens huma mniżżla fl-Anness.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjonijiet 92/528/KEE, 93/56/KEE, 93/57/KEE, 93/58/KEE u 93/59/KEE huma b’dan revokati.

    Ir-riferenzi għad-Deċiżjonijiet revokati għandhom jitqiesu bħala magħmula għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, fit-18 ta’ April 2002.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 46 tad-19.2.1991, p. 1.

    [2] ĠU L 189 tat-3.7.1998, p. 12.

    [3] ĠU L 14 tat-22.1.1993, p. 24.

    [4] ĠU L 71 ta’ l-24.3.1993, p. 16.

    [5] ĠU L 14 tat-22.1.1993, p. 25.

    [6] ĠU L 68 tal-15.3.1973, p. 1.

    [7] ĠU L 107 ta’ l-24.4.1986, p. 1.

    [8] ĠU L 332 tat-18.11.1992, p. 25.

    [9] ĠU L 14 tat-22.1.1993, p. 26.

    [10] ĠU L 14 tat-22.1.1993, p. 27.

    [11] ĠU L 14 tat-22.1.1993, p. 28.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    ŻONI APPROVATI GĦALL-MARD TAL-MOLLUSKI B. OSTREAE (BONAMIOSE) U M. REFRINGENS (MARTEILIOSE)

    1.A. Iż-żoni fl-Irlanda li għandhom l-approvazzjoni rigward B. ostreae

    - Il-kosti kollha ta’ l-Irlanda, minbarra l-erba’ żoni indikati kif ġej:

    - il-Port ta’ Cork

    - il-Bajja ta’ Galway

    - il-Port ta’ Ballinakill

    - il-Bajja ta’ Clew

    1.B. Iż-żoni fl-Irlanda li għandhom l-approvazzjoni rigward M. refringens

    - Il-kosti kollha ta’ l-Irlanda

    2.A. Iż-żoni tar-Renju Unit, il-Gżejjer Channel u ta’ l-Isle of Man li għandhom l-approvazzjoni rigward B. ostreae

    - Il-kosti kollha tal-Gran Brittanja, minbarra ż-żoni indikati kif ġej:

    - il-kosta tan-nofsinhar ta’ Cornouailles minn Lizard sa Start Point

    - iż-żona madwar l-estwarju (il-post fejn fomm ix-xmara jiltaqa’ mal-baħar)ta’ Solent minn Portland Bill sa Selsey Bill

    - iż-żona li tinsab mal-kosta ta’ Essex minn Shoeburyness sa Landguard Point

    - Il-kosti kollha ta’ l-Irlanda ta’ Fuq

    - Il-kosti kollha ta’ Guernesey u Herm

    - Iż-żona ta’ l-Istati ta’ Jersey: din iż-żona tikkorrispondi għaż-zona ta’ tifrigħ tal-baħar u l-kosta bejn il-linja average ta’ ilma għoli fuq il-Gżira ta’ Jersey u linja immaġinarja mpinġija tliet mili nawtiċi ’l bogħod mil-linja average ta’ ilma baxx fuq il-Gżira ta’ Jersey. Iż-żona tinsab fil-Golf Normann-Brittaniku, fin-naħa t’isfel tal-Kanal Ingliż.

    - Il-kosti kollha ta’ l-Isle of Man

    2.B. Iż-żoni fir-Renju Unit, il-Gżejjer Channel u l-Isle of Man li għandhom l-approvazzjoni rigward M. refringens

    - Il-kosti kollha tal-Gran Brittanja.

    - Il-kosti kollha ta’ l-Irlanda ta’ Fuq

    - Il-kosti kollha ta’ Guernesey u Herm

    - Iż-żona ta’ l-Istati ta’ Jersey: din iż-żona tikkorrispondi għaż-żona ta’ tifrigħ tal-baħar u l-kosta bejn il-linja average ta’ ilma għoli fuq il-Gżira ta’ Jersey u linja immaġinarja mpinġija tliet mili nawtiċi ’l bogħod mil-linja average ta’ ilma baxx fuq il-Gżira ta’ Jersey. Iż-żona tinsab fil-Golf Normann-Brittaniku, fin-naħa t’isfel tal-Kanal Ingliż.

    - Il-kosti kollha ta’ l-Isle of Man.

    --------------------------------------------------

    Top