EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R2560

Ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 dwar pagamenti transkonfini f'euro

ĠU L 344, 28.12.2001, p. 13–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2009; Imħassar b' 32009R0924

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/2560/oj

32001R2560



Official Journal L 344 , 28/12/2001 P. 0013 - 0016


Ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill

tad-19 ta' Diċembru 2001

dwar pagamenti transkonfini f'euro

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew [3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Id-Direttiva 97/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 fuq trasferimenti ta' kreditu transkonfini [5] fittxet li ttejjeb is-servizzi ta' trasferiment ta' kreditu transkonfini u senjatament l-effiċjenzja tagħhom. L-għan kien biex jippermetti partikolarment lil konsumaturi u impriżi żgħar u medji biex jagħmlu trasferimenti ta' kreditu malajr, b'mod affidabbli u bl-irħis minn parti waħda tal-Komunità għall-oħra. Dawn it-trasferimenti ta' kreditu u ħlasijiet transkonfini b'mod ġenerali għadhom għaljin ħafna pparagunati mal-ħlasijiet fuq livell nazzjonali. Joħroġ mir-riżultati ta' studju magħmul mill-Kummissjoni u irrilaxxat fl-20 ta' Settembru 2001 li l-konsumaturi jingħataw tagħrif insuffiċjenti jew xejn fuq il-prezz tat-trasferimenti, u li l-ispiża medja tat-trasferimenti ta' krediti transkonfini tista' tgħid ma nbidlet xejn mill-1993 meta twettaq studju paragunabbli.

(2) Il-Komunika tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-31 ta' Jannar 2000 fuq Ħlasijiet bl-Imnut fis-Suq Intern, flimkien mar-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2000 fuq il-Komunika tal-Kummissjoni u ta' l-4 ta' Lulju 2001 fuq mezzi biex atturi ekonomiċi jkunu assistiti fil-qlib għall-euro, u r-rapporti tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Settembru 1999 u Settembru 2000 fuq it-titjib tas-servizzi ta' ħlas transkonfini enfasizzaw il-bżonn urġenti għal titjib effettiv f'dan il-qasam.

(3) Il-Komunika tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' April 2001 fuq il-preparazzjonijiet għall-introduzzjoni tal-muniti u l-karti ta' l-euro mħabbra li l-Kummissjoni tkun qiegħda tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha u tieħu l-passi kollha biex ikun żgurat li l-ispejjeż tat-tranzazzjonijiet transkonfini jinġabu fil-qrib ma' l-ispejjeż ta' tranzazzjonijiet domestiċi, b'hekk jagħmlu l-kunċett taż-żona ta' l-euro bħala "żona ta' ħlas domestiku" tanġibbli u ċara b'mod trasparenti għaċ-ċittadini.

(4) Ipparagunat ma' l-għan li kien imseddaq meta l-ktieb tal-flus ta' l-euro kien introdott, biex tintlaħaq, jekk mhux uniformi, għall-anqas struttura simili għall-euro, ma kienx hemm riżultati sinifikanti fir-rigward tat-tnaqqis ta' l-ispiża tal-ħlasijiet transkonfini pparagunati mal-pagamenti interni.

(5) Il-volum ta' ħlasijiet bejn il-fruntieri qiegħed jikber sew kif tkun qed isseħħ it-tlestija tas-suq intern. F'din iż-żona mingħajr fruntieri, ħlasijiet saru aktar ħfief bl-introduzzjoni ta' l-euro.

(6) Il-fatt li l-livell ta' drittijiet għall-ħlasijiet transkonfini qed jibqgħu ogħla mil-livell ta' drittijiet għall-ħlasijiet interni qed itellef il-kummerċ transkonfini u għalhekk jikkostitwixxi ostakolu għat-tħaddim xieraq tas-suq intern. Dan x'aktarx jaffettwa l-kunfidenza fl-euro. Għalhekk, biex jitħaffef it-tħaddim tas-suq intern, jeħtieġ li jkun żgurat li drittijiet għall-ħlasijiet transkonfini f'euro huma l-istess bħal drittijiet għall-ħlasijiet magħmula f'euro ġewwa Stat Membru, li jseddaq il-kunfidenza fl-euro.

(7) Għal tranżazzjonijiet ta' ħlas elettroniku transkonfini fl-euro, il-prinċipju ta' ħlasijiet ugwali għandu japplika, wara li jkunu kkunsidrati l-perjodi ta' aġġustament u x-xogħol miżjud dwar it-transizzjoni għall-euro, mill-1 ta' Lulju 2002. Biex titħalla l-implimentazzjoni ta' l-infrastruttura meħtieġa u l-kundizzjonijiet, perjodu transitorju għat-trasferimenti ta' kreditu transkonfini għandu japplika sa l-1 ta' Lulju 2003.

(8) Fil-preżent, mhux ta' min japplika drittijiet uniformi għaċ-ċekkijiet tal-karta billi min-natura tagħhom ma jistgħux ikunu pproċessati b'mod effiċjenti daqs kull mezz ieħor ta' ħlas, partikolarment ħlasijiet elettroniċi. Iżda, il-prinċipju ta' drittijiet trasparenti għandu japplika ukoll għaċ-ċekkijiet.

(9) Biex klijent jitħalla jivvaluta l-ispiża ta' ħlas transkonfini, jeħtieġ li jkun infurmat bid-drittijiet applikati u l-modifiki tagħhom. L-istess jgħodd għall-każ li valuta li ma tkunx l-euro tkun involuta fit-transazzjoni transkonfini tal-ħlas ta' l-euro.

(10) Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbilità għall-istituzzjonijiet li joffru dritt li jkun jinkludi kollox għas-servizzi differenti ta' ħlas, iżda dan m'għandux jiddiskrimina bejn il-ħlasijiet transkonfini u nazzjonali.

(11) Huwa importanti ukoll li jkun ipprovdut titjib biex titħaffef l-eżekuzzjoni ta' ħlasijiet transkonfini mill-istituzzjonijiet ta' ħlas. F'dan ir-rigward, l-istandardizzazzjoni għandha tkun imħeġġa fir-rigward, partikolarment, ta' l-użu ta' Numru ta' Kont Bankarju Internazzjonali (IBAN) [6] u Kowds ta' Identifikazzjoni tal-Bank (BIC) [7] meħtieġ għall-ipproċessar awtonomu għat-trasferimenti ta' kreditu transkonfini. L-użu l-aktar wiesa' ta' dawn il-kowds huwa kkunsidrat bħala essenzjali. Barra dan, miżuri oħra li jfissru iżjed spejjeż għandhom jitneħħew biex jitnaqqsu l-imposti għall-klijenti għall-ħlasijiet transkonfini.

(12) Biex it-toqol ikun eħfef fuq l-istituzzjonijiet li jagħmlu ħlasijiet transkonfini, jeħtieġ li b'mod gradwali jitneħħew l-obbligi dwar id-dikjarazzjonijiet nazzjonali regolari għall-għanijiet ta' statistiki tal-bilanċ tal-pagamenti.

(13) Biex ikun żgurat li dan ir-Regolament ikun osservat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm proċeduri adegwati u effettivi biex isiru ilmenti jew appelli sabiex jissolvew il-vertenzi bejn min joriġina u l-istituzzjoni tiegħu jew bejn il-benefiċjarju u l-istituzzjoni tiegħu, fejn applikabbli fl-użu ta' proċeduri eżistenti.

(14) Huwa mixtieq li mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2004 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport fuq l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(15) Għandhom isiru dispożizzjonijiet għall-proċedura li biha dan ir-Regolament jista' jkun applikat ukoll għall-ħlasijiet transkonfini magħmula f'valuta ta' Stat Membru ieħor meta l-Istat Membru jiddeċiedi hekk,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Materja u l-għan

Dan ir-Regolament jipprovdi regoli għall-ħlasijiet transkonfini f'euro biex jiżgura li dawn il-pagamenti huma l-istess bħal dawk il-ħlasijiet f'euro fi ħdan Stat Membru.

Għandu jgħodd għall-ħlasijiet transkonfini f'euro sa EUR 50000 ġewwa l-Komunità.

Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-ħlasijiet transkonfini magħmula bejn l-istituzzjonijiet għall-kont tagħhom stess.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) "ħlasijiet transkonfini" tfisser:

(i) "trasferimenti ta' kreditu transkonfini" li huma transazzjonijiet magħmula fuq l-inizjattiva ta' min joriġina permezz ta' istituzzjoni jew fergħa tagħha f'wieħed mill-Istati Membri, biex ammont ta' flus disponibbli lill-benefiċjarju f'istituzzjoni jew il-fergħa tagħha fi Stat Membru ieħor; min joriġina u l-benefiċjarju jistgħu ikunu l-istess persuna,

(ii) "transazzjonijiet ta' ħlas elettroniku transkonfini" tkun:

- it-trasferimenti ta' fondi transkonfini effettwati permezz ta' strument ta' ħlas elettroniku, li ma jkunux dawk ordnati u esegwiti mill-istituzzjonijiet,

- ġbid ta' kontanti transkonfini permezz ta' strument ta' ħlas elettroniku u l-ikkargar (u l-iskargar) ta' strument tal-flus elettroniku minn magni li jagħtu l-kontanti jew magni ta' kaxxiera awtomatiċi fil-fond ta' min joħroġhom jew ta' istituzzjoni taħt kuntratt biex jaċċetta il-ħlas ta' strument,

(iii) "ċekkijiet ta' bejn il-fruntieri" jkunu dawk iċ-ċekkijiet imfissra fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra li tipprovdi għal liġijiet uniformi għaċ-ċekkijiet tad-19 ta' Marzu 1931 maħruġa fuq istituzzjoni li tinsab ġewwa l-Komunità u użata għal transazzjonijiet ġewwa l-Komunità;

(b) "strument ta' ħlas elettroniku" ifisser ħlas minn aċċess imbiegħed u strument ta' flus elettroniċi li jippermetti id-detentur tiegħu li jagħmel transazzjoni waħda jew iżjed ta' ħlas elettroniku;

(ċ) "strument ta' ħlas b'aċċess remot" ifisser strument li jħalli d-detentur li jaċċedi għall-fondi miżmuma fil-kont tiegħu jew tagħha f'istituzzjoni, li bih jista' jsir ħlas lill-pagatur u normalment jeħtieġ kowd ta' identifikazzjoni personali u/jew prova oħra simili ta' identità. L-istrument ta' ħlas b'aċċess imbiegħed jinkludi partikolarment karti ta' ħlas (kemm jekk karti ta' kreditu, debitu, debitu differit jew ta' imposta) u karti li għandhom applikazzjoni għat-telefon jew servizzi bankarji mid-dar. Din it-tifsira ma tinkludix trasferimenti ta' kreditu transkonfini;

(d) "strument ta' flus elettroniku" ifisser strument ta' ħlas rikarigabbli, kemm jekk karta ta' valur-maħżun jew jekk memorja tal-kompjuter, li fuqha huma maħżuna elettronikament unità ta' valur;

(e) "istituzzjoni" tfisser kull persuna naturali jew legali li, bħala negożju, tesegwixxi ħlasijiet transkonfini;

(f) "imposti miġbura" ifisser kull imposta miġbura minn istituzzjoni u marbuta direttament ma' transazzjoni ta' ħlas f'euro transkonfini.

L-Artikolu 3

Imposti għall-transazzjonijiet ta' ħlas elettroniku transkonfini u trasferimenti ta' kreditu

1. B'effett mill-1 ta' Lulju 2002, imposti miġbura minn istituzzjoni rigward transazzjonijiet ta' ħlas elettroniku transkonfini f'euro sa EUR 12500 għandhom ikunu l-istess bħall-imposti miġbura mill-istess istituzzjoni rigward ħlasijiet korrispondenti f'euro magħmula ġewwa l-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment ta' dik l-istituzzjoni li tesegwixxi t-trasazzjoni tal-ħlas elettroniku transkonfini.

2. B'effett mill-1 ta' Lulju 2003 l-iktar tard, imposti miġbura minn istituzzjoni rigward trasferimenti ta' kreditu transkonfini f'euro sa EUR 12500 għandhom ikunu l-istess bħal imposti miġbura mill-istess istituzzjoni rigward trasferimenti ta' kreditu korrispondenti f'euro magħmula ġewwa l-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment ta' dik l-istituzzjoni li tesegwixxi t-trasferiment transkonfini.

3. B'effett mill-1 ta' Jannar 2006 l-ammont ta EUR 12500 għandu jsir EUR 50000.

L-Artikolu 4

Trasparenza ta' imposti

1. Istituzzjoni għandha tagħmel disponibbli għall-klijenti tagħha f'forma li tiftiehem malajr, bil-miktub, inkluża, fejn xieraq, skond ir-regoli nazzjonali, b'mezzi elettroniċi, informazzjoni minn qabel fuq l-imposti miġbura għall-ħlasijiet transkonfini u għall-ħlasijiet effettwati ġewwa l-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li stqarrija li twissi l-konsumaturi dwar l-imposti relatati ma' l-użu ta' ċekkijiet transkonfini għandhom jidhru fuq il-kotba taċ-ċekkijiet.

2. Kull modifika għall-imposti għandha tkun ikkomunikata bl-istess mod kif indikat fil-paragrafu 1 bil-quddiem mid-data ta' l-applikazzjoni.

3. Fejn istituzzjonijiet jiġbru imposti għal bdil tal-valuti fi jew mill-euro, l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu l-klijenti tagħhom b':

(a) informazzjoni minn qabel fuq l-imposti kollha tal-kambju li jipproponu li japplikaw; u

(b) informazzjoni speċifika fuq l-imposti differenti tal-kambju li kienu applikati.

L-Artikolu 5

Miżuri li jiffaċilitaw it-trasferimenti transkonfini

1. Istituzzjoni għandha, fejn applikabbli, tikkomunika lil kull klijent fuq talba in-Numru ta' Kont Bankarju Internazzjonali (IBAN) tagħha u l-Kowds ta' Identifikazzjoni tal-Bank (BIC) ta' dik l-istituzzjoni.

2. Il-klijent għandu, meta jintalab, jikkomunika lill-istituzzjoni li tagħmel it-trasferiment l-IBAN tal-benefiċjarju u l-BIC ta' l-istituzzjoni tal-benefiċjarju. Jekk il-klijent ma jikkomunikax l-informazzjoni ta' fuq, imposti addizzjonali jistgħu jinġabru mingħandu mill-istituzzjoni. F'dan il-każ, l-istituzzjoni għandha tipprovdi lill-klijenti b'informazzjoni fuq imposti addizzjonali skond l-Artikolu 4.

3. Bis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2003, l-istituzzjonijiet għandhom jindikaw fuq rendikonti tal-kontijiet ta' kull klijent, jew f'anness magħhom, l-IBAN tiegħu u l-BIC ta' l-istituzzjoni.

4. Għall-għamla ta' fatturi għal merkanziji u servizzi transkonfini fil-Komunità, fornitur li jaċċetta l-ħlas bi trasferiment għandu jikkomunika l-IBAN u l-BIC ta' l-istituzzjoni tiegħu lill-klijenti tiegħu.

L-Artikolu 6

Obbligi ta' l-Istati Membri

1. L-Istati Membri għandhom ineħħu b'effett mill-1 ta' Lulju 2002 l-aktar tard kull obbligu nazzjonali ta' rappurtaġġ tal-ħlasijiet transkonfini sa EUR 12500 għall-istatistiki tal-bilanċ ta' pagamenti.

2. L-Istati Membri għandhom ineħħu b'effett mill-1 ta' Lulju 2002 l-aktar tard kull obbligu nazzjonali dwar it-tagħrif minimu li għandu jingħata fir-rigward tal-benfiċjarji li jimpedixxu l-awtomazzjoni ta' l-eżekuzzjoni tal-ħlas.

L-Artikolu 7

Konformità ma' dan ir-Regolament

Il-konformità ma' dan ir-Regolament għandha tkun garantita b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u ta' skoraġġiment.

L-Artikolu 8

Klawżola ta' reviżjoni

Mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, partikolarment dwar:

- bdil fis-sistemi ta' l-infrastrutturi fi ħlas transkonfini,

- l-opportunità sabiex jittejbu s-servizzi għal-konsumatur billi jitqawwew il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-għoti ta' servizzi ta' ħlas transkonfini,

- l-impatt ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fuq imposti miġbura għall-ħlasijiet magħmula ġewwa Stat Membru,

- l-opportunità taż-żjieda ta' l-ammont provdut fl-Artikolu 6(1) sa EUR 50000 mill-1 ta' Jannar 2006, wara li tkun ikkunsidrata kull konsegwenza għall-impriżi.

Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti għall-emendi.

L-Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-ħlasijiet transkonfini magħmula f'valuta ta' Stat Membru ieħor meta dan jinnotifika l-Kummissjoni bid-deċiżjoni li jestendi l-applikazzjoni tar-Regolament għall-valuta tiegħu. Din in-notifika għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali mill-Kummissjoni. Din l-estenzjoni għandha jkollha effett 14-il jum wara l-pubblikazzjoni msemmija.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Diċembru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Neyts-uyttebroeck

[1] ĠU C 270 E, tal-25.9.2001, p. 270

[2] Opinjoni moghtija fl-10 ta' Diċembru 2001 (ghadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

[3] ĠU C 308, ta' l-1.11.2001, p. 17

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2001 (ĠU C 363, tad-19.12.2001, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2001.

[5] ĠU L 43, ta' l-14.2.1997, p. 25.

[6] ISO Standard Nru 13613.

[7] ISO Standard Nru 9362.

--------------------------------------------------

Top