Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R1725

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1725/2001 tat-23 ta' Lulju 2001 rigward azzjoni kontra l-isplussivi ta' l-art anti-persunal fil-pajjiżi terzi għajr dawk fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw

    ĠU L 234, 1.9.2001, p. 6–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006R1717

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1725/oj

    32001R1725



    Official Journal L 234 , 01/09/2001 P. 0006 - 0009


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1725/2001

    tat-23 ta' Lulju 2001

    rigward azzjoni kontra l-isplussivi ta' l-art anti-persunal fil-pajjiżi terzi għajr dawk fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1) Il-Komunità Ewropea hija preokkupata bil-preżenza ta' l-isplussivi ta' l-art anti-persunal u mekkaniżmi oħra li għadhom ma splodewx, fi nħawi fejn komunitajiet ċivili qed jippruvaw jissuperaw il-konsegwenzi ta' ġlied bl-armi.

    (2) L-isplussivi ta' l-art anti-persunal jikkaġunaw tbatija u mwiet u jikkaġunaw ukoll ostaklu serju għall-iżvilupp ekonomiku, għar-ritorn tar-refuġjati u persuni spostati, għall-operazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja, u għar-rikostruzzjoni, riabilitazzjoni u restawr tal-kondizzjonijiet soċjali normali.

    (3) Il-Komunità hija ddeterminata li tagħti kontribuzzjoni sħiħa, bil-għan illi jiġu eliminati totalment l-isplussivi ta' l-art anti-persunal fid-dinja kollha, fis-snin li ġejjin.

    (4) Il-Komunità u l-Istati Membri pprovdew l-akbar kontribuzzjoni għall-inizjattivi internazzjonali biex tiġi megħluba t-traġedja ta' l-isplussivi ta' l-art anti-persunal.

    (5) Il-ħidma biex jkunu eleminati totalment l-isplussivi ta' l-art anti-persunal għadha fi stat inizjali u għalhekk il-Komunità tibqa' teżerċita rwol ewlieni sakem jintlaħaq il-għan mixtieq.

    (6) Dan ir-Regolament huwa r-risposta diretta għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħażna u t-Trasferiment ta' l-isplussivi ta' l-Art Anti-Persunal u dwar il-Qerda Tagħhom (Konvenzjoni ta' Ottawa).

    (7) Għalhekk, għajnuna finanzjarja għandha, bħala priorità, tgħin lil dawk il-pajjiżi terzi li huma kommessi għall-ġlieda kontra l-isplussivi ta' l-art anti-persunal u li jagħmlu parti mill-Konvenzjoni ta' Ottawa.

    (8) L-azzjoni Komunitarja kontra l-isplussivi ta' l-art anti-persunal hija, spiss, parti integrali ta' għajnuna umanitarja, ta' reabilitazzjoni, ta' rikostruzzjoni jew ta' attivatijiet għall-iżvilupp, filwaqt illi tibqa' attività diskreta u speċjalizzata bil-priorità ta' esiġenzi operazzjonali u imperattivi politiċi.

    (9) L-interventi preżenti jew futuri li huma diġa‘ mibdija fl-ambitu ta' dawn l-inizjattivi u tal-programmi ta' l-istrutturar għar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija bil-għan illi jinqerdu l-isplussivi, għandhom jibqgħu jitħallsu mill-linji speċifiċi tal-budget, appoġġati u kkordinati skond dan ir-Regolament, meta huwa il-każ.

    (10) Biex il-Komunità tkun tista tagħti kontribut effetiv għall-prevenzjoni kontra l-isplussivi, huwa neċessarju li titħalla l-azzjoni tal-Komunità biex jinqerdu l-ħażniet ta' l-isplussivi ta' l-art anti- persunal f'konġunzjoni ma' l-operazzjonijiet biex jinqerdu l-isplussivi ta' l-art anti-personnell li jinsabu fl-art.

    (11) Biex il-Komunità tkun tista' tagħti kontribut effetiv għall-prevenzjoni kontra l-isplussivi, huwa neċessarju li titħalla l-azzjoni tal-Komunità biex jinqerdu l-ħażniet ta' l-isplussivi ta' l-art anti- persunal f'konġunzjoni ma' l-operazzjonijiet biex jinqerdu l-isplussivi ta' l-art anti-persunal li jinsabu fl-art.

    (12) Huwa essenzali illi l-Komunità tkun f'pożizzjoni li taċċerta l-effiċjenza tal-metodi tat-tneħħija ta' l-isplussivi li hija qed tiffinanzja. Għalhekk għandha tuża l-mezzi tekniċi li huma xierqa u li jinkludu t-teknoloġija militarji fejn jinħass il-bżonn.

    (13) Dan ir-Regolament huwa ddiżinjat biex tkun provduta bażi għall-approċċ koerenti u effiċjenti għall-Komunità għall-prevenzjoni ta' l-isplussivi fil-pajjiżi terzi għajr għall-dawk il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Dan isir permezz ta' strateġija integranti u avvanzata, f'kordinazzjoni sħiħa fl-istadji kollha tal-missjoni tal-prevenzjoni mill-isplussivi, bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Komunità internazzjonali.

    (14) Dan l-approċċ m'għandux itellef il-ħidma ta' emerġenza umanitarja tal-Komunità meta dawn isiru.

    (15) Huwa neċessarju li tkun assigurata li dawn l-azzjonijiet jimxu mal-prinċipji tal-politika barranija ta' l-Unjoni Ewropea fl-intier tiegħu. Dan jinkludi wkoll il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).

    (16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [2].

    (17) Il-problema ta' l-isplussivi ta' l-art tal-anti personnell, hija theddida għall-ħajja tal-bniedem u hija wkoll problema globali. Għalhekk tirrekjedi proċeduri ta' deċiżjonijiet għall-iffinanzjar tal-azzjonijiet tal-Komunità meħudin malajr (f'ċerti każijiet) u li huma flessibli u effiċenti.

    (18) Il-Komunità għandha tassigura trasparenza massima fl-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja u kontrolli stretti fl-użu tal-approprjazzjonijiet.

    (19) Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, kif ukoll il-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet huma parti integrali f'dan ir-Regolament.

    (20) L-operazzjonijiet imsejħa f'dan ir-Regolament jidħlu fil-qafas tal-politika ta' koperazzjoni tal-Komunità fil-pajjiżi terzi għajr għall-dawk il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u huma neċessarji biex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tat-Trattat. Għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, it-Trattat ma jipprovdix għall-poteri oħra ħlief dawk stabbiliti fl-Artikolu 308.

    (21) L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru. 1724/2001 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2001, rigward azzjoni kontra l-isplussivi ta' l-art anti-persunal fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw [3], jipprovdi l-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha tal-Komunità kontra l-isplussivi ta' l-art. Dan huwa nkluż ukoll taħt dan ir-Regolament.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Komunità kontra l-isplussivi ta' l-art anti-persunal fil-qafas tal-politika tal-koperazzjoni tal-Komunità fil-pajjiżi terzi, filwaqt illi tavvanza strateġija umanitarja tat-tneħħija ta' splussivi li hija konsistenti u koerenti bħala riżultat tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' l-isplussivi ta' l-Art anti-persunal u dwar il-Qerda tagħhom (hawnhekk iżjed 'il quddiem msejħa "Il-Konvenzjoni ta' Ottawa").

    2. L-operazzjonijiet imsemmija f'dan ir-Regolament għandhom ikunu implimentati fit-territorju tal-pajjiżi terzi għajr dawk il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, jew ir-Regolament ikun relatat direttament ma' sitwazzjonijiet li jseħħu f'dawn il-pajjiżi, partikolarment f'dawk li qed jissuperaw il-konflitti.

    L-azzjonijiet kontra l-isplussivi għandhom isiru parti integrali mill-istrateġiji kollha tal-pajjiż u koperazzjoni ta' dawn il-pajjiżi terzi li jsoffru mil-konsegwenzi ta' l-isplussivi ta' l-art anti-persunal.

    Artikolu 2

    1. Operazzjonijiet tal-Komunità skond dan ir-Regolament għandhom il-għan illi jgħinu pajjiżi li jbatu mill-konsegwenzi ta' l-isplussivi ta' l-art anti-persunal, biex jinħolqu l-kondizzjonijet meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom. Dan jagħmluh billi:

    (a) jagħtu appoġġ lill-elaborazzjoni, monitoraġġ u implimentazzjoni ta' l-istrateġiji ċivili ta' azzjonijiet ta' kontra l-isplussivi;

    (b) jagħtu għajnuna lil-pajjiżi milquta fl-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni ta' Ottawa;

    (ċ) joħolqu u jsostnu strutturi internazzjonali u kapaċitajiet lokali fil-pajjiżi milquta sabiex jitwettqu l-azzjonijiet kontra l-isplussivi bl-akbar effiċjenza;

    (d) jirreaġixxu għal-emerġenza umanitarja, ma jħallux li jsiru aċċidenti u jgħinu fir-riabilitazzjoni tal-vittmi ta' l-isplussivi;

    (e) jappoġġaw il-ġuri fil-pajjiż u l-introduzzjoni, fil-pjan operazzjonali, ta' tagħmir u metodi ta' teknika tal-azzjonijiet kontra l-isplussivi;

    (f) jippromovu kordinazzjoni bl-utenti finali ta' tagħmir tat-tneħħija ta' l-isplussivi fl-istadji inizjali ta' riċerka jappoġaw l-użu ta' dawn it-teknoloġiji fil-pajjiżi milquta mill-isplussivi;

    (g) jinkoraġġixxu azzjonijiet tat-tneħħija ta' l-isplussivi li huma kompatibbli mal-ambjent lokali u konsistenti ma' l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun milqut;

    (h) jappoġġaw kordinazzjoni bejn l-partijiet internazzjonali tal-azzjonijiet kontra l-isplussivi.

    2. L-operazzjonijiet finanzati taħt dan ir-Regolament jistgħu jikkompromettu l-attivitajiet kollha relatati ma' azzjonijiet kontra l-isplussivi ta' l-art anti-persunal li jappoġġaw għanijiet neċessarji għall-ekonomija u l-iżvilupp soċjali. Dan jinkludi wkoll:

    (a) edukazzjoni dwar il-problema ta' l-isplussivi;

    (b) taħriġ tal-persunal speċjalizat;

    (ċ) stħarriġ u mmarkar taż-żoni suspettati;

    (d) skoperta u identifikazzjoni ta' l-isplussivi ta' l-art anti-persunal;

    (e) it-tneħħija ta' l-isplussivi skond l-istandard umanitarju u l-qerda ta' l-isplussivi ta' l-art anti-persunal misjuba fl-art u parallelment il-qerda tal-ħażna ta' l-isplussivi ta' l-art anti-persunal;

    (f) għajnuna lill-vittmi, riabilitazzjoni u reintegrazzjoni soċjo-ekonomiku tal-vittmi ta' l-isplussivi;

    (g) amministrazzjoni ta' informazzjoni li tinkludi sistemi ta' informazzjoni ġeografiċi;

    (h) attivitajiet oħra li jikkontribwixxu għan-nuqqas ta' impattt fuq il-bniedem, l-ekonomija u l-ambjent ta' l-isplussivi ta' l-art anti-persunal.

    3. Fil-kuntest ta' paragrafu 2, priorità għandha tingħata lill-operazzjonijiet fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-isplussivi, fejn splussivi ta' l-art anti-persunal jew, flimkien ma', artillerija oħra li għadha ma splodietx, jikkaġunaw vittmi ċivili jew fejn il-preżenza jew il-preżenza suspetata ta' dawn l-istrumenti huwa ostaklu kbir għar-restawrazzjoni ta' l-attività ekonomika u soċjali jew għall-iżvilupp u għalhekk jirrekjedi rabta speċifika u fit-tul li l-emerġenza umanitarja u l-għajnuna tar-rikostruzzjoni mhumiex kapaċi li jipprovdu.

    4. Biex tkun assigurata l-koerenza, l-kumplimentarità u s-sinerġija fi ħdan il-programmi ta' ħidma reġjonali, u f'kuntest tal-proġetti ta' għajnuna umanitarja, riabilitazzjoni, rikostruzzjoni u żvilupp, azzjonijiet ta' kontra l-isplussivi li jistgħu jkunu finanzjati fi ħdan il-qafas ta' wieħed minn dawk il-programmi jew proġetti għandhom jibqgħu jkunu finanzjati mill-linja tal-budget mill-liema l-objettiv prinċipali huwa finanzjat. Fejn huwa neċessarju, dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu integrati jew appoġġati minn azzjonijiet kontra l-isplussivi finanzjati taħt dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    L-operazzjonijiet finanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom, bħala prinċipju, jgħinu lil dawk il-pajjiżi li huma marbuta li jiġġieldu l-ġlieda kontra l-isplussivi ta' l-art anti-persunal u li huma partijiet tal-Konvenzjoni ta' Ottawa. Eċċezzjonijiet jistgħu jsiru għal-emerġenzi umanitarji, għal-assitenza lill-vittmi ta' l-isplussivi u għal-azzjonijiet ta' appoġġament ta' komunitajiet ċivili li huma vulnerabli, bħal ma huma refuġjati jew persuni spostati, jew fejn l-amministrazzjoni nazzjonali mhiex qed taħdem.

    Artikolu 4

    1. Partijiet eliġibli għal-appoġġ finanzjarju taħt dan ir-Regolament jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali, organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs), gvernijiet nazzjonali, provinċjali u lokali, d-dipartimenti u l-aġenziji tagħhom, istituzzjonijiet u operaturi pubbliċi u privati li għandhom il-ħila u l-esperjenza xierqa.

    2. Parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti għal xogħol bl-appalt u l-assenjazzjoni ta' l-appalti tkun miftuħa għall-persuni naturali u ġuridiċi ndqas tal-Istati Membri u tal-pajjiż li jkun ser jibbenifika. F'każijiet ta' eċċezzjoni li huma ġġustifikati, il-partiċipazzjoni tista' tkun estiża għall-pajjiżi terzi.

    3. Kumpanniji u organizzazzjonijiet oħra li jkunu qed jipparteċipaw fis-sejħa għal appalti għandhom juru li għandhom politika operativa li ma tpoġġix lill-impjegati f'riskju żejjed, u li din il-politika hija appoġġata minn assigurazzjoni adekwata ta' responsabilità u aċċidenti tal-impjegati.

    Artikolu 5

    1. L-għajnuna Komunitarja taħt dan ir-Regolament tista tintuża biex tiffinanzja assistenza teknika, taħriġ, persunal u servizzi oħra relatati ma' azzjonijiet kontra l-isplussivi; provi ta' tagħmir u ta' metodi ta' teknika; l-appoġġ loġistiku, l-ksib, id-dispożizzjonijiet u l-ħażna ta' kull tagħmir, provisti u xogħlijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet ta' kontra l-isplussivi; studji u konferenzi u miżuri biex tissaħħaħ il-kordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' kontra l-isplussivi; il-missjonijiet ta' evalwazzjoni u monitorraġġ; kif ukoll attivitajiet biex titqajjem il-kuxjenza fil-pubbliku.

    2. Finanzjament tal-Komunità taħt dan ir-Regolament għandu jsir fil-forma ta' stipendji.

    3. Fejn operazzjonijiet huma suġġetti għall-ftehim finanzjarji bejn il-Komunità u pajjiżi soċji, dawn il-ftehim jistipulaw li l-pagament tat-taxxi, dmirijiet jew piżijiet oħra ma jkunux mħallsa mill-Komunità.

    Artikolu 6

    1. Il-Kummissjoni tkun megħjuna mill-kumitat ġeografiku relavanti.

    2. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Il-perijodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

    Artikolu 7

    1. Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi ta' skambju regolari ta' informazzjoni, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni fuq il-post, tiffaċilita l-kordinazzjoni effetiva ta' sforzi ta' assistenza impriżi mill-Komunità u l-Istati Membri individwali, bil-għan illi tiżdied il-koerenza u l-komplimentarità tal-programm tagħhom.

    2. Il-Kummissjoni tista' tfittex opportunitajiet ta' kofinanzjament ma' finanzjarji oħra, speċjalment fl-Istati Membri.

    3. Il-Kummissjoni għandha tippromovi kordinazzjoni u koperazzjoni ma' kontibuturi internazzjonali u partijiet, partikolarment dawk li jifformaw parti mis-sistema tan- Nazzjonijiet Uniti u mal-NGOs, kif wkoll ma ċentri relevanti bħal ma huwa l-Geneva International Centre for Humanitarian Demining.

    4. Il-miżuri neċessarji għandhom jittieħdu biex tingħata viżibiltà lill-kontribut mill-Komunità.

    Artikolu 8

    1. Il-Kummissjoni tivvaluta, tiddeċiedi u tamministra operazzjonijiet mogħtija minn dan ir-Regolament skond il-proċeduri tal-budget u proċeduri oħra fis-seħħ, u partikolarment dawk stabbiliti fl-Artikoli 116 u 118 tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 li japplika għal budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [4].

    2. Deċiżjonijiet finanzjarji li jaqbżu it-3 miljun EUR għandhom jittieħdu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(2).

    3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat relevanti msemmi fl-Artikolu 6(1) ta' kull deċiżjoni finanzjarja b'valur ta' inqas minn 3 miljun EUR. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mhux aktar tard minn ġimgħa qabel l-addozjoni tad- deċiżjoni finanzjarja.

    4. Il-Kummissjoni tista tieħu deċiżjonijiet li jemendaw id-deċiżjonijiet finanzjarji addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(2), imbasta ma jsirux emendi sostanzjali jew rabtiet żejda ta' aktar minn 20 % tar-rabta oriġinali.

    Artikolu 9

    1. Proġetti għandhom jiffurmaw parti mill-qafas akbar ta' rikostruzzjoni tal-pajjiż jew reġjun fil-kwistjoni, u għandhom ikunu kklassifikati fl-ordni ta' priorità u valutati skond l-impatt pożittiv u l-profil ta' ġestjoni u ta' spejjeż.

    2. Fejn huwa possibli, il-proġett għandu jkun integrat f'programm nazzjonali ta' splussivi anti-persunal ikordinat minn gvern benefiċjarju jew minn soċjeta lokali f'koperazzjoni mal-NGOs, jew minn istituzzjoni internazzjonali mibgħut għal dik ir-raġuni. L-għan għandu jkun li l-proġett jitmexxa, fiż- żmien dovut, mill-gvern benefiċjajru jew mis-soċjeta lokali jew mill-NGOs ħalli tisaħħaħ il-kapaċità lokali u s-sostenibbiltà tal-proġett.

    Artikolu 10

    Il-ftehim jew appalti kollha finanzjajri milħuqa taħt dan ir-Regolament għandhom jipprovdu għall-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri biex jikkonduċu kontrolli fuq il-post skond il-proċeduri tas-soltu stabbiliti mill-Kummissjoni taħt dawk ir-regoli fis-seħħ, u partikolarment dawk tar-Regolament Finanzjarju.

    Il-Kummissjoni tista' wkoll tagħmel kontrolli fuq il-post u inspezzjonijiet skond ir-Regolament tal- Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 [5]. Il-miżuri meħudin mill-Komunità għandhom jipprovdu protezzjoni adekwata tal-interessi finanzjarji tal-Komunità skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Eurotom) Nru. 2900/95 [6].

    Artikolu 11

    Biex tkun faċilitata l-kordinazzjoni u l-iprogrammar tal-azzjonijiet multiannwali kontra l-isplussivi, għandu jiġi ppreżentat, fil-laqgħa konġunta tal-Kumitati msemmija fl-Artikolu 6, Dokument Strateġiku dwar l-Isplussivi ta' l-Art anti-persunal (APL) li jinkludi pariri u prijoritajiet orizzontali għall-azzjonijiet kontra l-isplussivi tal-Komunità u punti ta' referenza għall-iskop tagħhom. Dan isir biex id- Dokument ikun ikkunsidrat skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 6(2). Id-Dokument Strateġiku (APL) ikopri kwistjonijiet bħal programmi multiannwali indikattivi u jirreferi għal programmi ta' azzjonijiet kontra l-isplussivi li diġà qedgħin fis-seħħ fil-livelli reġjonali u tal-pajjiż. Jirreferu wkoll għall-kontribuzzjonijiet tad-donaturi, li jinkludu l-Istati Membri, lill-azzjonijiet kontra l-isplussivi tal-Komunità. Dawn il-kontribuzzjonijiet huma finanzjati minn linji oħra tal-budget. Id-Dokument Strateġiku (APL) huwa trassmess għand il-Parlament Ewropew għal informazzjoni.

    Artikolu 12

    Il-Kummissjoni tagħmel stima regolari tal-operazzjonijiet finanzjati mill-Komunità bil-għan illi tistabbilixxi jekk l-għanijiet tal-operazzjonijiet ġew milħuqa u biex tipprovdi pariri biex l-effetività tal-operazzjonijet fil-futur tkun għall-aħjar.

    Artikolu 13

    Kull tlett snin wara id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tagħti stima komplessiva ta' l-azzjonijiet kontra l-isplussivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tagħti wkoll suġġerimenti għall-futur ta' dan ir-Regolament u, fejn hu neċessarju, proposti għall-emendi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 14

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu jgħodd sal-31 ta' Diċembru 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Brussel, nhar it-23 ta' Lulju 2001.

    F'isem il-Kunsill

    Il-President

    A. Neyts-Uyttebroeck

    [1] ĠU C 120 E, 24.04.2001, p. 173.

    [2] ĠU L 184, 17.07.1999, p. 23.

    [3] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    [4] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1. Ir-Regolament hekk kif emendat mir-Regolament (KE, KEFA, Eurotom) Nru. 762/2001 (ĠU L 111, ta' l-20.4.2001, p. 1).

    [5] ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    [6] ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top