Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000D0801

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000 dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-lindane fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva (notifikata taħt id-dokument numru Ċ(2000) 4014)Test b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 324, 21.12.2000, p. 42–43 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/801/oj

    32000D0801



    Official Journal L 324 , 21/12/2000 P. 0042 - 0043


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000

    dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-lindane fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva

    (notifikata taħt id-dokument numru Ċ(2000) 4014)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (2000/801/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti [1], kif ġiet l-aħħar emendata bit-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/80/KE [2], u partikolarment ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programmm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar it-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti [3], kif ġiet l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 [4], u partikolarment l-Artikolu 7(3a)(b) tagħha,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprovdi biex il-Kummissjoni twettaq programmm ta’ xogħol biex jiġu eżaminati s-sustanzi attivi li jintużaw fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu diġà jinsabu fis-suq fil-15 ta’ Lulju 1993. Regoli dettaljati biex jitwettaq dan il-programm ġew stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 3600/92.

    (2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 t’April 1994 jistabbilixxi lista tas-sustanzi attivi ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti u jaħtar l-Istati Membri relaturi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 [5] kif ġie l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 [6] innomina s-sustanzi attivi li għandhom jiġu stmati fil-qafas tar-Regolament (KEE) 3600/92, innomina Stat Membru biex jagħmilha ta’ relatur rigward l-istima ta’ kull sustanza u identifika l-produtturi ta’ kull sustanza attiva li ressqu notifika fiż-żmien stipulat b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

    (3) Il-lindane huwa wieħed mid-90 sustanza attiva nominati fir-Regolament (KE) Nru 933/94.

    (4) B’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92, billi l-Awstrija, kienet nominata Stat Membru relatur, din ressqet lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Diċembru 1998 ir-rapport ta’ l-istima ta’ l-informazzjoni mressqa min-notifikaturi skond id-diżpożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

    (5) Malli rċeviet ir-rapport ta’ l-Istat Membru relatur il-Kummissjoni daħlet għal konsultazzjonijiet ma’ esperti ta’ Stati Membri kif ukoll man-notifikatur ewlieni (CIEL) skond kif previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

    (6) Ir-rapport ta’ stima mħejji mill-Awstrija ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjonmi fil-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. Din ir-reviżjoni ġiet iffinalizzata fit-13 ta’ Lulju 2000 fil-format tar-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni għal-lindane, skond l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

    (7) Stimi magħmula fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija ma wrewx b’mod ċar li wieħed jista jistenna li, taħt il-kondizzjonijiet ta’ l-użu propost, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-lindane jissodisfaw b’mod ġenerali l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, u partikolarment rigward il-ħarsien tal-ħaddiema li jistgħu jkunu esposti għal-lindane u rigward fejn dan jispiċċa u r-reazzjoni tas-sustanza fl-ambjent u l-impatt li jista’ jkollha fuq organiżmi li kontrihom ma tkunx diretta.

    (8) Għaldaqstant m’huwiex possibbli li din is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (9) Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja għat-tneħħija, il-magażżinaġġ, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-lindane mogħti mill-Istati Membri b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE għandhom ikunu limitati għal perjodu ta’ mhux aktar minn 18-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jintużaw għal mhux aktar minn staġun ieħor ta’ tkabbir.

    (10) Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax xi azzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu fi stadju ulterjuri rigward din is-sustanza attiva fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE [7].

    (11) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-lindane mhuwiex inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    1. awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-lindane għandhom jiġu rtirati fi żmien 6 xhur mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni;

    2. mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-lindane ma tista’ tinħareġ jew tiġi estiża taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Artikolu 3

    Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u ma jkunx itwal min 18 il-xahar mill-ġurnata ta’ l-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

    Meħuda fi Brussel, fl-20 ta’ Diċembru 2000.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

    [2] ĠU L 309, tad-9.12.2000, p. 14.

    [3] ĠU L 366, tal-15.12.1992, p. 10.

    [4] ĠU L 259, tat-13.10.2000, p. 27.

    [5] ĠU L 107, tat-28.4.1994, p. 8.

    [6] ĠU L 225, tat-22.9.1995, p. 1.

    [7] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 36.

    --------------------------------------------------

    Top