Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999D0280

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 1999 dwar proċedura tal-Komunità għal informazzjoni u konsultazzjoni fuq il-kost għal provvisti ta’ żejt mhux maħdum u l-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur

    ĠU L 110, 28.4.1999, p. 8–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/280/oj

    31999D0280



    Official Journal L 110 , 28/04/1999 P. 0008 - 0011


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tat-22 ta’ April 1999

    dwar proċedura tal-Komunità għal informazzjoni u konsultazzjoni fuq il-kost għal provvisti ta’ żejt mhux maħdum u l-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur

    (1999/280/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 213 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    (1) Billi t-trasparenza fil-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur u l-informazzjoni dwar il-kost għall-provvisti ta’ żejt mhux maħdum huma meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, u b’mod partikolari għall-moviment liberu ta’ oġġetti fi ħdan il-Komunità;

    (2) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 76/491/KEE ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar proċedura tal-Komunità għal informazzjoni u konsultazzjoni fuq il-prezzijiet ta’ żejt mhux maħdum u prodotti tal-karburant fil-Komunità [4] titlob lill-Istati Membri biex jgħaddu lill-Kummissjoni informazzjoni li ma tirriflettix aktar il-kondizzjonijiet li jkun hemm f’dak iż-żmien fis-swieq taż-żejt; billi d-Direttiva 76/491/KEE għandha għalhekk tiġi revokata u tinbidel bi proċedura ġdida ta’ informazzjoni komunitarja;

    (3) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2964/95 tal-20 ta’ Diċembru 1995 li jintroduċi reġistrazzjoni għall-importazzjoni u t-twassil ta’ l-importi ta’ żejt mhux maħdum fil-Komunità [5] jgħin lill-Kummissjoni biex din tkun infurmata, fuq kull Stat Membru, dwar il-kost tal-provvista ta’ kull xahar skond it-tip ta’ żejt mhux maħdum fejn għandhom x’jaqsmu importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jew it-twassil ta’ l-importi minn Stat Membru ieħor, iżda din ma tkunx tista’ tistabbilixxi n-nefqa ġenerali tal-provvista ta’ żejt mhux maħdum fil-Komunità;

    (4) Billi huwa għalhekk mixtieq li tiġi stabbilita proċedura tal-Komunità għal informazzjoni u konsultazzjoni fuq il-kost tal-provvista ta’ żejt mhux maħdum u fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur;

    (5) Billi din il-proċedura teħtieġ l-kisba, f’intervalli regolari, ta’ ċerta informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-kost tal-provvista ta’ żejt mhux maħdum u l-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur f’ġabra waħda;

    (6) Billi, f’konformità mal-prattika kurrenti tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikomplu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur kull nhar ta’ Tnejn, hekk kif għamlu fil-passat fuq bażi volontarja; billi l-Istati Membri jistgħu jżommu s-sistema kurrenti tagħhom jew joħolqu proċeduri ġodda biex jinġabar dan it-tagħrif;

    (7) Billi l-informazzjoni miġbura għandha tagħmilha possibbli li jkun jista’ jsir paragun tax-xejriet fil-kost u l-prezzijiet taż-żejt addebitati fil-Komunità;

    (8) Billi t-taxxi li jitħallsu fuq il-prodotti tal-karburant huma komponent tal-prezz tal-bejgħ, u għalhekk huwa meħtieġ, biex tiġi żgurata t-trasparenza fil-prezzjijiet ta’ dawk il-prodotti u jkun jista’ jsir paragun tal-prezzjijiet li jitħallsu fil-Komunità, li jiġu indikati l-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur, kemm dawk netti kif ukoll dawk li jinkludu d-dazji u t-taxxi kollha;

    (9) Billi l-informazzjoni miġbura u r-riżultati ta’ l-analiżi li jkunu saru mill-Kummissjoni għandhom ikunu pubblikati fuq livell komunitarju biex tiġi żgurata trasparenza fis-suq u għandha tkun is-suġġett ta’ konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

    (10) Billi, jekk il-Kummissjoni ssib xi anomaliji jew inkonsistenzi fil-figuri li jkunu ingħatawlha, hi għandha tkun f’pożizzjoni li tikseb aktar informazzjoni mill-Istat Membru konċernat;

    (11) Billi l-arranġamenti preċiżi li jikkonċernaw il-mod ta’ kif tingħadda l-informazzjoni jeħtieġ li jkunu speċifikati f’aktar dettal,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri għandhom jgħaddu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-kost cif tal-provvista taż-żejt mhux maħdum u l-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur, fil-mod stabbilit fl-Artikolu 3. Il-lista tal-prodotti tal-karburant tidher fl-Anness.

    L-informazzjoni għandha tinkiseb billi jinġabar flimkien it-tagħrif li jkun wasal u tkun ippreżentata b’tali mod li tagħti stampa kemm jista’ jkun rappreżentattiva tas-suq taż-żejt ta’ kull Stat Membru.

    Artikolu 2

    Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

    1. "il-kost tal-provvista" tfisser il-kost ta’ l-importazzjonijiet u t-twassil ta’ l-importi kollha ta’ żejt krud, kif ukoll żejt mhux maħdum prodott fi Stat Membru;

    2. "importazzjonijiet ta’ żejt krud" tfisser il-kwantitajiet kollha ta’ żejt mhux maħdum li jidħlu fil-Komunità għall-għanijiet, għajr it-transitu, li huma maħsuba biex ikopru l-ħtiġiet ta’ Stat Membru;

    3. "twassil ta’ l-importi ta’ żejt krud" tfisser il-kwantitajiet kollha ta’ żejt mhux maħdum li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru minn Stat Membru ieħor għall-għanijiet, għajr it-transitu, li huma maħsuba biex ikopru l-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru l-ewwel imsemmi;

    4. "żejt mhux maħdum prodott fi Stat Membru" tfisser iż-żejt mhux maħdum kollu prodott u raffinat fi Stat Membru, fejn din il-produzzjoni tkun tirrappreżenta aktar minn 15 % fuq bażi annwali tal-provvista totali ta’ żejt mhux maħdum ta’ dak l-Istat Membru;

    5. "prezzijiet għall-konsumatur" tfisser l-aktar livelli ta’ prezzijiet rappreżentattivi li jiġu attwalment addebitati lill-konsumaturi f’ċertu kategorija.

    Artikolu 3

    1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:

    (a) il-kost cif fuq bażi ta’ xahar tal-provvista ta’ żejt mhux maħdum matul ix-xahar ta’ wara t-tmiem tax-xahar in kwistjoni;

    (b) il-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur, kemm dawk netti kif ukoll dawk li jinkludu t-taxxi kollha, li jkunu fis-seħħ fil-15-il jum ta’ kull xahar, fit-tletin ġurnata wara il-15-il jum tax-xahar in kwistjoni.

    2. Fuq il-bażi tas-sistema ta’ ġbir kurrenti, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-prezzijiet netti tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur li jkunu fis-seħħ kull nhar ta’ Tnejn, sa mhux aktar tard min-nofsinnhar il-jum ta’ wara.

    Artikolu 4

    Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni miġbura skond din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika f’forma xierqa:

    (a) kull xahar, il-kost cif tal-provvista ta’ żejt mhux maħdum u l-prezzijiet tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur, kemm dawk netti kif ukoll dawk li jinkludu t-taxxi, fil-15-il jum ta’ kull xahar;

    (b) kull ġimgħa, il-prezzijiet netti tal-prodotti tal-karburant għall-konsumatur li jkunu ġew addebitati t-Tnejn.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar materji marbuta ma’ din id-Deċiżjoni, bħalma hija l-informazzjoni miġbura li għandha x’taqsam magħha.

    Artikolu 6

    L-informazzjoni kollha komunikata skond din id-Deċiżjoni għandha tkun kunfidenzjali. Din id-dispożizzjoni, madankollu, m’għandhiex twaqqaf id-distribuzzjoni ta’ informazzjoni ġenerali jew sommarja f’termini li ma jiġux svelati dettalji dwar impriżi individwali, i.e. f’termini li jirreferu għal ta’ lanqas tliet impriżi. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jagħtu l-ebda dettalji dwar impriżi individwali bħal dawn.

    Artikolu 7

    Jekk il-Kummissjoni ssib li hemm xi anomaliji jew inkonsistenzi fl-informazzjoni li tkun waslitilha mingħand l-Istati Membri, hija tista’ titlob lill-Istati Membri biex iħalluha ssir midħla mal-proċeduri ta’ kalkoli u stima użati biex iwasslu għall-ġabra ta’ l-informazzjoni.

    Artikolu 8

    Fi ħdan il-limiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar il-forma, il-kontenut u l-aspetti l-oħra kollha tal-komunikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 1.

    Artikolu 9

    Id-Direttiva 76/491/KEE għandha tiġi revokata.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 1999.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. Müller

    [1] ĠU C 232, ta’ l-24.7.1998, p. 10.

    [2] ĠU C 313, tat-12.10.1998, p. 68.

    [3] ĠU C 407, tat-28.12.1998, p. 182.

    [4] ĠU L 140, tat-28.5.1976, p. 4.

    [5] ĠU L 310, tat-22.12.1995, p. 5.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    Lista tal-prodotti tal-karburant

    1. karburanti tal-magni:

    —fil-pompa: | petrol biċ-ċomb primjumprimjum mingħajr ċomb Euro 95 (Euro super 95)dieselLPG |

    2. karburanti użati għas-sħana fid-djar:

    —għal konsumaturi żgħar: | —gas oil għas-sħana |

    3. karburanti industrijali:

    —għat-twassil bl-ingrossa fis-suq: | karburant (kontenut ta' sulphur jeċċedi l-1 %)karburant (kontenut ta' sulphur ma jeċċedix il-1%) |

    --------------------------------------------------

    Top