Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999D0051

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar il-promozzjoni ta’ mogħdijiet Ewropej f’taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat

    ĠU L 17, 22.1.1999, p. 45–50 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2004; Imħassar b' 32004D2241

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/51(1)/oj

    31999D0051



    Official Journal L 017 , 22/01/1999 P. 0045 - 0050


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar il-promozzjoni ta’ mogħdijiet Ewropej f’taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat

    (1999/51/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment Artikolu 127 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

    Filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

    (1) Billi t-Trattat jagħti lill-Komunità x-xogħol li timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali li tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri waqt li tirrispetta fis-sħiħ ir-responsabbilità tagħhom, partikolarment billi tipromovi l-mobilità ta’ persuni fit-taħriġ, imma teskludi kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti ta’ l-Istati Membri;

    (2) Billi l-Kunsill, fid-Deċiżjoni tiegħu 63/266/KEE [4], adotta l-prinċipji ġenerali u ffissa numru ta’ għanijiet fondamentali għall-implimentazzjoni ta’ politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali, billi bid-Deċiżjoni 94/819/KE [5] adotta l-programm Leonardo da Vinci għall-implimentazzjoni ta’ politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali tal-Komunità Ewropea;

    (3) Billi l-Kunsill Ewropew ta’ Firenze talab lill-Kummissjoni biex tħejji studju fuq ir-rwol ta’ l-apprendistat fil-ħolqien ta’ l-impjiegi; billi l-Kummissjoni saħqet fuq l-importanza ta’ l-apprendistat fil-komunikazzjoni tagħha ‘Nħeġġu t-taħriġ ta’ l-apprendistat fl-Ewropa’;

    (4) Billi r-resoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 1979 fuq xogħol relatat u t-taħriġ ta’ zgħażagħ [6] tipproponi li l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet effettivi bejn it-taħriġ u l-esperjenza tax-xogħol;

    (5) Billi r-resoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 1996 [7] issejjaħ lill-Istati Membri li jmexxu ‘l quddiem it-trasparenza taċ-ċertifikati ta’ taħriġ vokazzjonali;

    (6) Billi l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fis-6 ta’ Mejju 1996 fuq il-White Paper tal-Kummissjoni fuq it-‘Tagħlim u t-Taħriġ: għall-soċjetà ta’ għerf [8] tisħaq fuq il-bżonn ta’ kooperazzjoni bejn l-iskejjel u s-settur tan-negożju, billi l-linji ta’ gwida ta’ impjieg ta’ l-1998 [9], u l-linji ta’ gwida ta’ impjieg ta’ l-1999, jitolbu l-Istati Membri li jtejbu l-prospetti ta’ impjieg għaż-żgħażagħ billi jarmawhom b’ħiliet rilevanti għall-bżonnijiet tas-suq; billi f’dak il-kuntest il-Kunsill stieden l-Istati Membri biex iwaqqfu jew jiżviluppaw taħriġ għall-apprendistat fejn xieraq;

    (7) Billi stabbilimenti tat-taħriġ fuq naħa u s-settur tan-negozju fuq l-oħra jistgħu jkunu fora għall-ksib tal-għerf u l-ħiliet ġenerali, tekniċi, soċjali u personali; billi f’dan il-qasam, taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat, jagħmel kontribut sinifikanti għall-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali fil-ħajja tax-xogħol u s-suq tax-xogħol; billi jista’ jibbenefika gruppi varji fil-mira u d-diversi livelli ta’ tagħlim u taħriġ, inkluż edukazzjoni għolja;

    (8) Billi r-resoluzzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 1994 [10] fuq il-kwalità u l-attrattiva ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jisħqu l-importanza ta’ taħriġ relatat max-xogħol u l-bżonn li jitħeġġu perjodi ta’ taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri l-oħra u biex jkunu integrati dawk il-perjodi fil-programmi nazzjonali ta’ taħriġ vokazzjonali;

    (9) Billi, biex titmexxa ‘l quddiem din il-mobilità, huwa mixtieq li jiġi stabbilit dokument magħruf bħala dokument ‘Taħriġ EUROPASS’ biex jirreġistra fil-livell tal-Komunità l-perjodu jew perjodi ta’ taħriġ fi Stat Membri ieħor;

    (10) Billi huwa importanti li tkun żgurata l-kwalità ta’ dawn il-perjodi ta’ mobilità trasnazzjonali; billi l-Istati Membri għandhom responsabbilità partikolari f’dan il-qasam; billi l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, għandhom jistabbilixxu proċedura għall-iskambju ta’ l-informazzjoni u l-attivitajiet ta’ koordinament u arranġamenti żviluppati mill-Istati Membri biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

    (11) Billi l-Kunsill Ewropew Straordinarju fuq l-Impjiegi miżmum fil-Lussimburgu rrikonoxxa r-rwol deċiżiv li għandhom l-impriżi zgħar u medji (SMEs) fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli;

    (12) Billi taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat, f’mikro-impriżi, SMEs u s-settur ta’ l-artiġġanat huwa għajnuna importanti għall-impjiegabbilità; billi l-ħtiġijiet speċifiċi f’dak il-qasam għandhom ikunu kunsidrati;

    (13) Billi min qed jitħarreġ għandu jkun mgħarraf sewwa dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ fl-Istat Membru li jospita;

    (14) Billi l-Karta tal-Komunità tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema tirrikonoxxi l-importanza li tkun missielta kull forma ta’ diskriminazzjoni, speċjalment dik bażata fuq is-sess, il-kulur, ir-razza, il-fehmiet u t-twemmin;

    (15) Billi l-Kunsill, fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-30 ta’ Ġunju 1993 fuq l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali li jkompli [11], jħeġġeġ aċċess għal, u parteċipazzjoni effettiva minn, nisa f’li jkomplu t-taħriġ vokazzjonali; billi huwa għalhekk importanti li jkun żgurat li jkunu konsidrati sew l-opportunitajiet indaqs fil-parteċipazzjoni fil-mogħdijiet Ewropej u l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu għal dak il-għan;

    (16) Billi l-Kummissjoni teħtieġ b’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, li jiżguraw konsistenza komplessiva bejn l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-programmi tal-Komunità u l-inizjattivi fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ;

    (17) Billi huwa meħtieġ biex tkun żgurata il-verifika kontinwa ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni; billi l-Kummissjoni hija b’hekk mistiedna li tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fuq hekk u biex tmexxi ‘l quddiem kull proposta meħtieġa għall-ġejjieni;

    (18) Billi tliet snin wara li tkun adottata din id-Deċiżjoni trid issir stima ta’ l-impatt tagħha u l-esperjenza miksuba, biex tkun tista’ tiitieħed kull miżura korrettiva meħtieġa;

    (19) Billi ammont ta’ referenza finanzjarja fit-tifsir tal-punt 2 tad-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta’ Marzu 1995 hu inkluż f’din id-Deċiżjoni biex tiffaċilita l-introduzzjoni tal-miżura EUROPASS mingħajr preġudizzju għall-poteri ta’ l-awtorità ta’ l-estimi kif mfissra mit-Trattat; billi l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità hu limitat għall-istadju tal-bidu bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2004;

    (20) Billi skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif provduti f’Artikolu 3b tat-Trattat, l-għanijiet ta’ l-azzjoni maħsuba għall-istabbiliment tad-dokument ‘Taħriġ Ewropass’ jeħtieġu azzjoni koordinata fil-livell tal-Komunità, minħabba d-diversità tas-sistemi u l-istrutturi tat-taħriġ fl-Istati Membri; billi din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għanijiet

    1. Din id-Deċiżjoni stabbiliet dokument magħruf bħala ‘Taħriġ EUROPASS’ fuq il-bażi ta’ prinċipji komuni mfissra f’Artikolu 3. Huwa intiż bħala reġistru fil-livell Komunitarju fuq il-perjodu jew perjodi ta’ taħriġ li persuna li tagħmel taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat, tkun segwiet fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn ikun bażat it-taħriġ tiegħu/tagħha (magħruf bħala mogħdija (mogħdijiet) Ewropea (Ewropej)’).

    2. L-użu ta’ dan ir-reġistru u l-parteċipazzjoni fil-‘mogħdija Ewropea’ hija volontarja u ma timponix xi obbligu jew tikkonferixxi xi drittijiet li ma jkunux dawk mfissra hawn taħt.

    Artikolu 2

    Tifsiriet

    Għall-għanijiet tad-Deċiżjoni, u tenut kont tad-differenzi fis-sistemi u l-arranġamenti għat-taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat, fl-Istati Membri, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    1. "Mogħdija Ewropea" tfisser, fejn ikun miftiehem li jintuża t-Taħriġ EUROPASS, kull perjodu ta’ taħriġ vokazzjonali, li jkun mitmum minn persuna fi Stat Membru (Stat Membru li jospita) li ma jkunx dak (Stat Membru ta’ provenjenza) fejn ix-xogħol tiegħu/tagħha relatat max-xogħol huwa bażat, li jifforma parti ta’ dak it-taħriġ relatat max-xogħol;

    2. "persuna f’taħriġ relatat max-xogħol" tfisser kull persuna, ta’ kull età, f’taħriġ vokazzjonali f’kull livell inkluż l-edukazzjoni għolja. Dan it-taħriġ, rikonoxxut jew iċċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru ta’ provenjenza skond il-leġislazzjoni tiegħu stess, proċeduri jew prattiċi, jinvolvi perjodi strutturati ta’ taħriġ f’impriża u, fejn xieraq, fi stabbiliment jew ċentru ta’ taħriġ, ikun xi jkun l-istat tal-persuna (kuntratt ta’ impjieg, kuntratt ta’ apprendistat, alljev jew student);

    3. "kunsillier" tfisser kull persuna ma min iħaddem privat jew pubbliku jew stabbiliment ta’ taħriġ jew ċentru fi Stat Membru li jospita li għandu x-xogħol li jassisti, jinforma, jiggwida u jissorvelja lil min qed jitħarreġ matul il-‘mogħdija Ewropea’;

    4. "Taħriġ EUROPASS" ifisser dokument li jistabbilixxi li d-detentur ikun temm perjodu wieħed jew aktar ta’ taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat, fi Stat Membru ieħor taħt il-kondizzjonijiet mfissra f’din id-Deċiżjoni;

    5. "sieħeb li jospita" tfisser kull korp fl-Istat Membru li jospita (fost oħrajn min iħaddem privat jew pubbliku, stabbiliment jew ċentru) li titwaqqaf flimkien ma sħubija mal-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tat-taħriġ fl-Istat Membru ta’ provenjenza, għat-tlestija ta’ mogħdija Ewropea.’

    Artikolu 3

    Kontenut u prinċipji komuni

    Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għat-taħriġ EUROPASS:

    1. Kull mogħdija Ewropea għandha tifforma parti mit-taħriġ segwit fl-Istat Membru tal-provenjenza, skond il-leġislazzjoni tiegħu, proċeduri jew prattiċi;

    2. il-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tat-taħriġ fl-Istat Membru ta’ provenjenza u s-sieħeb li jospita għandhom jiftehmu fil-kuntest tas-sħubija fuq il-kontenut, l-għanijiet, it-tul u d-dettalji tal-prattika tal-mogħdija Ewropea;

    3. il-mogħdijiet Ewropej għandhom ikunu eżaminati u sorveljati minn kunsillier.

    Artikolu 4

    Taħriġ EUROPASS

    1. Dokument ta’ informazzjoni tal-Komunità magħruf bħala it-‘Taħriġ EUROPASS’, li l-kontenuti u l-preżentazzjoni tiegħu huma mfissra fl-Anness, għandu jinħareġ mill-Korp responsabbli għall-organizzazzjoni tat-taħriġ fl-Istat Membru ta’ provenjenza lill-persuni kollha li jlestu mogħdija Ewropea.

    2. Id-dokument Taħriġ EUROPASS għandu:

    (a) jispeċifika it-taħriġ vokazzjonali segwit li matulu l-mogħdija Ewropea kienet mitmuma u l-kwalifika, id-diploma, it-titlu jew ċertifikat ieħor li jwassal għalihom it-taħriġ.

    (b) jispeċifika li l-mogħdija Ewropea tagħmel sehem mit-taħriġ segwit fl-Istat Membru ta’ provenjenza, skond il-leġislazzjoni tiegħu, proċeduri jew prattiċi;

    (ċ) jidentifika l-kontenut tal-mogħdija Ewropea, ikunu provduti dettalji rilevanti ta’ kull esperjenza tax-xogħol jew taħriġ segwit matul il-mogħdija u, fejn xieraq, il-ħiliet miksuba u l-metodu ta’ valutazzjoni użat;

    (d) jindika d-durata tal-mogħdija Ewropea organizzata mis-sieħeb li jospita matul l-esperjenza tax-xogħol jew taħriġ;

    (e) jidentifika s-sieħeb li jospita;

    (f) jidentifika il-funzjoni tal-kunsillier;

    (ġ) jinħareġ mill-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tat-taħriġ fl-Istat Membru ta’ provenjenza. Għandu jkollu fih, għal kull mogħdija Ewropea, nota li għandha tifforma parti integrali tat-Taħriġ EUROPASS, mlestija mis-sieħeb li jospita u ffirmata minnu/minnha u mid-detentur.

    Artikolu 5

    Konsistenza u komplimentarjetà

    B’rispett lejn il-proċeduri u r-riżorsi speċifiċi għall-programmi Komunitarji u l-inizjattivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura konsistenza komplessiva bejn l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u dawk il-programmi u l-inizjattivi.

    Artikolu 6

    Miżuri ta’ appoġġ u miżuri ta’ sostenn

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-produzzjoni u t-tixrid xieraq u s-sorveljanza tat-Taħriġ EUROPASS f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri. Għal dak l-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew iżjed responsabbli biex jiżguraw l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-imsieħba soċjali u, fejn xieraq, ma’ l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi għall-taħriġ relatat max-xogħol.

    2. Għal dak l-għan, kull Stat Membru għandu jieħu passi biex:

    (a) jiffaċilita l-aċċess għat-Taħriġ EUROPASS billi jxerred tagħrif xieraq;

    (b) jippermetti valutazzjoni ta’ l-azzjonijiet implimentati, u

    (ċ) jiffaċilita opportunitajiet indaqs, partikolarment billi jitqajjem għarfien fost l-atturi kollha rilevanti.

    3. F’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ koordinament u informazzjoni reċiproka.

    4. Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-importanza ta’ l-SMEs u l-artiġġanat u tal-bżonnijiet partikolari tagħhom.

    Artikolu 7

    Finanzjar

    L-ammont finanzjarju ta’ riferenza għall-implimentazzjoni ta’ Artikolu 6(1), (3) u (4) għall-perjodu ta’ l-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2004 għandu jkun ta’ ECU 7,3 miljun.

    Il-voti ta’ kull sena għandhom jkunu awtorizzati mill-awtorità ta’ l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2000.

    Artikolu 9

    Valutazzjoni

    Tliet snin wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport fuq l-implimentazzjoni tagħha, tivvaluta l-impatt tad-Deċiżjoni fuq il-promozzjoni tal-mobilità f’taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat, tipproponi miżuri korrettivi oħra maħsuba biex tagħmilha aktar effettiva u tagħmel proposti li jidhrilha xierqa, inkluż proposti għall-estimi.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1998.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Bartenstein

    [1] ĠU Ċ 67, tat- 3.3.1998, p. 7.

    [2] Opinjoni mogħtija fid-29 ta’ April 1998 (ĠU C 214, ta’ l-10.7.1998, p. 63).

    [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ April 1998 (ĠU Ċ 152, tat- 18.5.1998, p. 48), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Ċ 262, tad- 19.8.1998, p. 41) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Novembru 1998 (ĠU Ċ 359, tat- 23.11.1998).

    [4] ĠU Ċ 63, ta’ l- 20.4.1963, p. 1338/63.

    [5] ĠU L 340, tad-29.12.1994, p. 8.

    [6] ĠU Ċ 1, tat- 3.1.1980, p. 1.

    [7] ĠU Ċ 224, ta’ l- 1.8.1996, p. 7.

    [8] ĠU Ċ 195, tas- 6.7.1996, p. 1.

    [9] ĠU Ċ 30, tat- 28.1.1998, p. 1.

    [10] ĠU Ċ 374, tat- 30.12.1994, p. 1.

    [11] ĠU L 181, tat-23.7.1993, p. 37.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    "TAĦRIĠ EUROPASS"

    Deskrizzjoni tad-dokument

    Dan id-dokument huwa f’forma ta’ ktejjeb ta’ daqs A5.

    Jikkonsisti fi 12-il paġna barra l-qoxra.

    Il-qoxra ta’ barra għandha jkollha fuqha:

    - il-kliem "Taħriġ EUROPASS",

    - il-logo tal-Komunità Ewropea.

    Fuq ġewwa tal-qoxra ta’ quddiem:

    Deskrizzjoni ġenerali tat-

    "Taħriġ EUROPASS"

    (fl-ilsien li fih sar it-taħriġ fl-Istat Membru ta’ provenjenza).

    "Dan id-dokument tal-Komunità, magħruf bħala "Taħriġ EUROPASS" huwa stabbilita skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/51/KE għall-implimentazzjoni ta’ mogħdijiet Ewropej fit-taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat (ĠU L 17, tat-22.1.1999, p. 45). L-għan tiegħu (skond Artikolu 1 tad-Deċiżjoni) huwa li jiċċertifika fuq il-livell Komunitarju l-perjodu(i) tat-taħriġ li persuna f’taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat, tkun għamlet fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn kien ibbażat it-taħriġ tiegħu/tagħha.

    Maħruġ minn… (korp responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kors tat-taħriġ fl-Istat Membru ta’ provenjenza).

    (Data u firma)"

    Paġna 1 (fl-ilsien ta’ l-istabbiliment ta’ provenjenza)

    Dettalji tad-detentur:

    - isem,

    - l-ewwel isem,

    - firma.

    L-intestaturi kollha għandhom jingħataw fl-ilsna uffiċjali l-oħra ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fuq ġewwa tal-qoxra ta’ wara.

    Paġna 2 (fl-ilsien tas-sieħeb li jospita):

    Mogħdija Ewropea 1

    (a) taħriġ vokazzjonali segwit;

    (b) din il-mogħdija Ewropea tifforma parti mit-taħriġ segwit fl-Istat ta’ provenjenza ta’ Stat Membru;

    (ċ) kontenut tal-mogħdija Ewropea, ikunu provduti dettalji rilevanti ta’ l-esperjenza tax-xogħol miksuba jew it-taħriġ segwit matul il-mogħdija u, fejn xieraq, il-ħiliet miksuba u l-metodu ta’ valutazzjoni;

    (d) tul tal-mogħdija Ewropea;

    (e) dettalji tas-sieħeb li jospita;

    (f) isem u funzjoni tal-kunsillier;

    (ġ) firem tas-sieħeb li jospita u tad-detentur.

    Paġna 3 (fl-ilsien ta’ l-istabbiliment ta’ provenjenza):

    Mogħdija Ewropea 1

    Dettalji mogħtija fuq paġna 2 mtennija fl-ilsien ta’ l-istabbiliment ta’ provenjenza.

    Paġna 4 (fl-ilsien tad-detentur):

    Mogħdija Ewropea 1

    Dettalji mogħtija fuq paġna 2 mtennija fl-ilsien tad-detentur jekk hu differenti minn dak użat fuq paġni 1 u 2 u sakemm hu wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Paġni 5, 6 u 7:

    Mogħdija Ewropea 2 (jekk huwa xieraq)

    Paġni 8, 9 u 10:

    Mogħdija Ewropea 3 (jekk huwa xieraq)

    --------------------------------------------------

    Top