Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996D0411

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar it-titjib ta’ l-istatistiċi agrikoli tal-Komunità

    ĠU L 162, 1.7.1996, p. 14–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/05/2004

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1996/411/oj

    31996D0411



    Official Journal L 162 , 01/07/1996 P. 0014 - 0020


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tal-25 ta’ Ġunju 1996

    dwar it-titjib ta’ l-istatistiċi agrikoli tal-Komunità

    (96/411/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/464/KEE tat-22 ta’ l-Lulju 1993 dwar il-programm qafas għall-azzjonijiet prijoritarji fil-qasam ta’ l-informazzjoni statistika 1993 sa 1997 [3], u partikolarment l-Artikolu 4(a) tagħha,

    Billi l-programm qafas maħsub mid-Deċiżjoni 93/464/KEE li jistabbilixxi, fost oħrajn il-bżonn għall-użu aħjar tar-riżorsi mogħtija lill-istatistiċi agrikoli bl-implimentazzjoni tar-riżultati ta’ operazzjoni ta’ screening magħmula taħt il-programm statistiku ta’ qabel maħsub mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ġunju 1989 dwar l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjonijiet prijoritarji fil-qasam ta’ l-informazzjoni statistika: Programm statistiku tal-Komunitajiet Ewropej (1989 to 1992) [4];

    Billi dan l-iscreening identifika l-aspetti ewlenin tat-tibdiliet li għandhom ikunu inkorporati fl-istatistiċi agrikoli tal-Komunità;

    Billi dawn il-bidliet jinkludu ftit mill-oqsma fejn jista’ jsir xi ffrankar u fejn hemm bżonnijiet ġodda jew li qed jiżdiedu; billi dan it-tibdil għandu jħares il-prinċipji ġenerali miftehma;

    Billi għandhom ikunu koordinati adattamenti nazzjonali fil-livell Komunitarju, biex jiżguraw li:

    (a) Id-data jibqgħu affidabbli biżżejjed fil-każ ta’ kull Stat Membru u paragunabbli bejn l-Istati Membri;

    (b) il-bidliet għal-leġislazzjoni li jistgħu jinħtieġu jistgħu jkunu identifikati, preparati u proposti mill-Kummissjoni fi żmien utli kif ukoll li l-Kummissjoni tapprova r-regoli ta’ implimentazzjoni għal-leġislazzjoni tal-Kunsill fi żmien utli;

    (ċ) studji metodoloġiċi minn Stati Membri differenti f’modi effiċjenti kif jintlaħqu l-ħtiġijiet ġodda ta’ informazzjoni huma xierqa;

    (d) l-iskedar ta’ attivitajiet nazzjonali jqis l-interess kollettiv Komunitarju;

    (e) ir-riżorsi finanzjarji tal-Komunità li jiffaċilitaw l-esekuzzjoni ta’ dan il-programm huma użati bħala żieda mar-riżorsi oħra nazzjonali u bl-aktar mod effiċjenti;

    Billi l-aħjar mezzi biex tintlaħaq din il-koordinazzjoni hija ġewwa struttura formali li tippermetti li l-ixkiel tekniku u l-preferenzi ikunu kkunsidrati kollettivament u l-għażliet magħmula li jirrikonċiljaw l-interessi nazzjonali u tal-Komunità;

    Billi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Istati Membri hija meħtieġa, skond il-ħtiġijiet oġġettivi tagħhom, biex ikunu faċilitati l-adattamenti meħtieġa;

    Billi, biex iseħħ l-iffrankar mixtieq, jistgħu jinħtieġu adattamenti għall-implimentazzjoni teknika ta’ ċertu stħarriġ; billi dawn l-adattamenti għandhom ikunu permessi bla ħsara għas-salvagwardji xierqa;

    Billi għandha ssir dispożizzjoni għall-estensjoni possibbli ta’ din id-Deċiżjoni fil-kuntest tal-programm tal-qafas li jmiss għall-azzjonijiet prijoritarji fil-qasam ta’ informazzjoni statistika rigward il-perjodu wara l-1997;

    Billi d-distribuzzjoni ta’ ħidmiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija bis-sħiħ skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Skop

    Biex jittejjeb il-mod kif l-istatistiċi agrikoli tal-Komunità jħarsu l-ħtiġijiet li jirriżultaw mir-riforma tal-Politika Komuni Agrikola, l-Istati Membri għandhom, fil-limiti imposti mir-riżorsi disponibbli, jieħdu miżuri xierqa biex jadattaw is-sistemi nazzjonali tagħhom ta’ statistiċi agrikoli. F’dan sejrin iqisu l-oqsma tax-xogħol imfissra fl-Annessi I u II ma’ din, u l-oġġettivi, il-karatterisitiċi u l-kriterji mogħtija fl-Anness III.

    Artikolu 2

    Rwol tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi flimkien ma’ l-Istati Membri, għandha

    (a) tistabbilixxi pjan komuni għall-koordinazzjoni tax-xogħol u l-qafas ġenerali għad-deskrizzjonijiet meħtieġa metodoloġiċi;

    (b) tivverifika l-kwalità tad-data u l-paragunabbilità;

    (ċ) tidentifika u timplimenta azzjonijiet fil-livell tal-Komunità li huma importanti għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Perjodu ta’ żmien u proċedura

    Il-proċess ta’ l-adattament ta’ l-istatistiċi agrikoli tal-Komunità provduti fl-Artikolu 1 għandu jinbeda matul il-perjodu 1996-1997. Għandu jkun koordinat mill-Kummissjoni permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjonijiet tekniċi kif previst fl-Artikolu 4. Wara dan il-perjodu, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi fuq estensjoni skond il-proposti tal-Kummissjoni previsti fl-Artikolu 11.

    Artikolu 4

    Pjanijiet ta’ azzjonijiet tekniċi għall-istatisitiċi agrikoli

    1. Għandu jkun stabbilit pjan ta’ azzjoni teknika għall-istatistiċi agrikoli mill-Kummissjoni kull sena skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10. Dawn il-pjanijiet għandhom ikopru l-azzjonijiet li għandhom isiru mill-Istati Membri bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1. Għandhom jintużaw riżorsi disponibbli b’tali mod biex ikun hemm l-akbar titjib possibbli fil-konvenjenza finanzjarja ta’ l-istatistiċi agrikoli fit-tħaris tal-ħtiġijiet tal-liġi tal-Komunità, ftehim informali u ħtiġijiet ġodda ta’ informazzjoni.

    2. Kull pjan ta’ azzjoni teknika annwali għandu jinkludi prospett dettaljat ta’ l-attività għas-sena li jmiss u skeda indikattiva għas-sentejn ta’ wara.Meta jkun qed isir il-pjan, għandhom jitqiesu:

    (a) l-obbligi eżistenti għas-snin in kwistjoni, e.g. il-lista u l-frekwenza ta’ l-istħarriġ tal-Komunità li għandhom isiru mill-Istati Membri u data oħra li għandhom ikunu provduti lill-Kummissjoni;

    (b) informazzjoni miktuba mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 5 punti (b) u (ċ);

    (ċ) ir-riżorsi meħtieġa għall-azzjoniiet kollha taħt kunsiderazzjoni u r-riżorsi disponibbli.

    Artikolu 5

    Rapporti ta’ l-Istati Membri

    L-Istati Membri għandhom jibagħtu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu kull sena (sena n):

    (a) rapport fil-qosor dwar l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet miftiehma għas-sena ta’ qabel, (sena n – 1);

    (b) deskrizzjoni fil-qosor ta’ l-azzjonijiet proposti għall-pjan tas-sena ta’ wara (sena n + 1);

    (ċ) notifika ta’ attivitajiet ewlenin pjanati jew proposti għas-sentejn ta’ wara (snin n + 2 u n + 3) li huma relevanti għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    Id-deskrizzjoni għandha tkopri bidliet maħsuba għall-metodoloġija ta’ implimentazzjoni, xogħol li għandu jsir, diffikultajiet imbassra u proposti biex jing]elbu l-implikazzjonijiet għar-riżorsi nazzjonali u tal-Komunità ta’ proposti għat-titjib fil-livell tal-Komunità. Għandhom ikunu identifikati azzjonijiet li jeħtieġu appoġġ finanzjarju tal-Komunità.

    Waqt li ssegwi l-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tfassal formoli standard simplifikati biex jitħaffu s-sottomissjonijiet magħmula.

    Artikolu 6

    Dispożizzjonijiet finanzjarji

    1. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż magħmula mill-Istati Membri fit-tiswir ta’ l-adattamenti għas-sistemi nazzjonali ta’ l-istatistika agrikola jew għal dawn l-ispejjeż għax-xogħol preparatorju rigward il-ħtiġijiet ġodda jew li qed jiżdiedu li huma parti mill-pjan tekniku ta’ azzjoni.

    2. L-ammont tal-kontribuzzjoni għall-Istati Membri għandu jkun deċiż kull sena mill-Kummissjoni flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni teknika u skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10.

    3. Il-kontribuzzjoni għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri kull sena wara s-sottomissjoni u l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport annwali dwar l-implimentazjoni, matul is-sena ta’ qabel, ta’ l-azzjoni maħsuba. Il-Kummissjoni għandha tagħmel kull spezzjoni fuq il-post li tqis xierqa f’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

    Artikolu 7

    Flessibbilità

    Meta jkun meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u matul il-pjan ta’ azzjoni teknika l-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, tista’ tapprova talba ta’ Stat Membru biex jitħalla jadatta wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi li ġejjin ta’ l-istħarriġ ta’ l-istatistika agrikola elenkati fl-Anness IV: reġjuni koperti, subdiviżjonijiet territorjali, tifsiriet, metodoloġija ta’ l-istħarriġ, data ta’ l-isħarriġ, lista tal-karatteristiċi u d-daqs tal-klassijiet.

    Artikolu 8

    Adattament għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu

    Il-Kummissjoni tista’ timmodifika l-Anness I (oqsma statistiċi fejn iffrankar potenzjali ġie identifikat) l-Anness II (oqsma statistiċi fejn hemm ħtiġijiet ġodda jew li qed jiżdiedu) skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10. Għandha tinforma l-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dawn il-modifiki.

    Artikolu 9

    Rwol tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistika Agrikola

    Il-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistiċi Agrikoli stabbilit bid-Deċiżjoni 72/279/KEE [5] għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena biex jiddiskuti li ġej:

    (a) rapporti magħmula mill-Istati Membri dwar l-esekuzzjoni tal-programm fis-sena ta’ qabel;

    (b) azzjonijiet proposti mill-Istati Membri għas-sena ta’ wara u l-prospetti għas-sentejn ta’ wara;

    (ċ) il-pjan ta’ azzjoni teknika għas-sena ta’ wara;

    (d) il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità prevista fl-Artikolu 6;

    (e) tibdiliet possibbli għall-Annessi I u II.

    Artikolu 10

    Miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni

    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implmentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistiċi Agrikoli, minn hawn "il quddiem msejjaħ bħala l-’Kumitat".

    Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu ta’ l-abbozz f’terminu ta’żmien li l-President jista’ jippreskrivi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza preskritta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-Deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri ġewwa l-Kumitat għandhom jitwieżnu bil-mod dikjarat f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk huma skond l-opinjoni tal-Kumitat.

    Jekk il-miżuri maħsuba mhumiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tinghata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

    Jekk fi żmien tliet xhur mid-data ta’ referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

    Artikolu 11

    Rapport

    Qabel l-1 ta’ Novembru 1997 il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat lil Kumitat Permanenti dwar l-Istatistiċi Agrikoli, għandha tagħmel rapport dwar il-progress ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat jekk meħtieġ bi proposti għall-estensjoni tiegħu.

    Artikolu 12

    Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ġunju 1996.

    F’isem il-Kunsill

    Il-President

    M. Pinto

    [1] ĠU C 336, ta’ l-14.12.1995, p. 6.

    [2] Opinjoni mogħtija fl-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU C 166, ta’ l-10.6.1996).

    [3] ĠU L 219, tat-28.8.1993, p. 1.

    [4] ĠU C 161, tat-28.6.1989, p. 1.

    [5] ĠU L 179, tas-7.8.1972, p. 2.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    OQSMA STATISTIĊI FEJN L-IFFRANKAR POTENZJALI ĠIE IDENTIFIKAT [1]

    1. Stħarriġ dwar l-istruttura ta’ l-irziezet: simplifikazzjoni u ristrutturar tal-lista ta’ karatteristiċi, partikolarment għall-istħarriġ intermedju.

    2. Stħarriġ dwar il-qasam bid-dwieli: simplifikazzjoni dwar il-programm tat-tabelli statistiċi.

    3. Stħarriġ dwar siġar tal-frott: tnaqqis fl-obbligi dwar stħarriġ intermedju.

    4. Indiċi tad-dħul agrikolu: tneħħija ta’ l-ewwel estimi disaggregati f’Ottubru u t-tneħħija ta’ kull dettall ta’ importanza sekondarja.

    5. Dħul totali ta’ familji agrikoli: flessibbilità akbar fil-frekwenza u fil-kunċetti ta’ l-oġġettivi.

    6. Stħarriġ dwar l-annimali: applikazzjoni tal-kunċett agriflex, jiġifieri, l-adattament tal-frekwenza fl-istħarriġ għan-numri ta’ l-annimali f’kull pajjiż.

    7. Statistiċi dwar il-ħalib: Tneħħija ta’ statistiċi ta’ kull ġimgħa, tneħħija ta’ statistiċi fuq il-kaseina, tnaqqis ta’ ċerti statistiċi annwali u simplifikazzjoni ta’ statistiċi dwar strutturi tal-ħalib.

    [1] Fl-istħarriġ ta’ l-istatistiċi agrikoli magħmula taħt il-Programm Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej 1989-1992. Xi ftit ta’ l-iffrankar identifikat ġie implimentat diġà minn mindu beda l-eżerċizzju.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    OQSMA STATISTIĊI FEJN HEMM ĦTIĠIJIET ĠODDA JEW LI QED JIŻDIEDU [1]

    Suġġetti

    1. Stħarriġ ta’ l-istruttura tar-razzett:li jadatta l-lista tal-karatterisitiċi biex iqisu l-ħtiġijiet ġodda (attivitajiet ‘il barra mir-razzett, indikaturi agro-ambjentali, tqassim aktar dettaljat ġeografiku, partikolarment għall-istħarriġ bażiku).

    2. Stimi ta’ malajr fuq tbassir taż-żergħa u t-tħawwil fil-bidu tax-xitwa għall-uċuħ prinċipali.

    3. Titjib fi u għoti ta’ malajr ta’ statistiċi ta’ produzzjoni f’ċerti setturi (frott u ħxejjex, inbid, bajd u tjur, fjuri).

    4. Statistiċi imtejba fuq il-konsum u livelli ta’]ażniet u tibdil għall-prodotti ewlenin biex ikun hemm produzzjoni regolari tal-bilanċi tal-provvista fil-livell Ewropew.

    5. Għalf għall-annimali: jingħeleb ċertu dewmien fil-bilanċi ta’ l-għalf.

    6. Żvilupp ta’ l-istatistiċi tas-selvikultura tal-Komunità aktar armonizzati.

    7. Statistiċi dwar il-prezzijiet agrikoli: għażla ġdida tas-serje tal-prezz agrikolu assolut wara li jitqiesu il-progress tekniku u t-tibdiliet ekonomiċi.

    Metodoloġija

    8. Metodi ġodda u mtejba biex jippermettu lill-Istati Membri li jissodisfaw b’mod aktar effiċjenti ħtiġijiet eżistenti u ġodda, e.g stħarriġ rapidu, data amministrattivi, kumitati, rilevament mill-bogħod.

    [1] Identifikat fl-istħarriġ ta’ l-istatistiċi agrikoli magħmula taħt il-Programm Statistiku tal-Komuntajiet Ewropej 1989-1992.N.B.:Kull obbligu statistiku ġdid ikun suġġett għal strument legali separat tal-Kunsill.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS III

    OĠĠETTIVI, KARATTERISITIĊI U KRITERJI TAS-SISTEMA TA’ L-ISTATISTIĊI AGRIKOLI TAL-KOMUNITÀ

    Titjib kostanti

    1. L-istatistiċi agrikoli tal-Komunità sejrin jiżdiedu fil-konvenjenza finanzjarja u fil-kapaċità tagħhom li jilħqu l-bżonnijiet statistiċi tal-Komunità u ta’ pajjiżi terzi.

    Verifika ta’ komparabilità posittiva

    2. L-istatistiċi agrikoli tal-Komunità sejrin jinkorporaw verifika kontinwa tal-kwalità biex ikun żgurat li d-data huma adegwati għall-bżonnijiet li għalihom jintużaw. Partikolarment, l-Istati Membri jistgħu jinħtieġu li jinformaw lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra bil-metodi statistiċi użati u kemm huma xierqa.

    Piż tar-rispons

    3. L-istatistiċi agrikoli tal-Komunità sejrin jimponu l-anqas piż possibbli ta’ rispons konsistenti mat-tħaris tal-ħtiġijiet ta’ l-informazzjoni.

    Integrazzjoni ta’ statistiċi agrikoli ma’ dawk ta’ attivitajiet oħra

    4. It-titjib ta’ l-istatistiċi agrikoli tal-Komunità sejrin jiffaċilitaw:

    (a) it-teħid ta’ statistiċi mnn oqsma oħra;

    (b) il-kontribuzzjoni għas-sistemi ta’ l-istatistika ġenerali;

    (ċ) l-użu ta’ apparat ta’ l-istatistiċi agrikoli biex tinġabar l-informazzjoni statistika meħtieġa f’oqsma oħra.

    Kumplimentarjetà bejn il-Komunità u l-livelli nazzjonali

    5. Sistemi ta’ statistiċi agrikoli nazzjonali jistgħu jiġbru u jibagħtu lill-Kummissjoni data mhux provduta formalment fil-livell tal-Komunità. Bl-istess mod, ċerti applikazzjonijiet żviluppati direttament fil-livell tal-Komunità (per eżempju Eurofarm, SPEL) jistgħu jintużaw biex jipprovdu l-Istati Membri b’informazzjoni li mhix disponibbli fil-livell nazzjonali.

    Konċentrazzjoni fuq l-aspetti l-aktar importanti

    6. L-ammont ta’ informazzjoni li kull Stat Membru jipprovdi jista’ jvarja skond l-importanza tal-fenomenu kopert reġjonalment, nazzjonalment u fil-livell tal-Komunità.

    L-aktar xejra nazzjonali effiċjenti

    7. L-Istati Membri jistgħu jiġbru data bażiċi bil-metodu statistiku li huwa l-aktar effiċjenti, wara li tkun ikkunsidrata t-tifsira, il-limiti ta’ żmien u l-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ (bla ħsara għall-verifika msemmija fil-punt 2).

    Ottimizzazzjoni

    8. Il-ħtiġijiet dettaljati tal-Komunità miġjuba f’diversi strumenti legali tal-Komunità u ftehim informali ma jikkostitwux fihom infushom struttura ottimizzata. Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sistema nazzjonali tiegħu ta’ statistiċi agrikoli hija adattata u tirrispondi b’mod ottimali għall-ħtiġijiet tal-Komunità. Il-ħtiġijiet tal-Komunità m’għandhomx itellfu bla bżonn l-ottimizzazzjoni nazzjonali.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS IV

    REGOLAMENTI U DIRETTIVI EWLENIN TAL-KUNSILL DWAR L-ISTATISTIĊI AGRIKOLI

    Direttiva tal-Kunsill 72/280/KEE tal-31 ta' Lulju 1972 dwar l-istħarriġ statistiku li għandu jsir mill-Istati Membri dwar il-ħalib u prodotti tal-ħalib | (ĠU L 179, tas-7.8.1972, p. 2). |

    Direttiva tal-Kunsill 76/625/KEE tal-20 ta' Lulju 1976 dwar l-istħarriġ statistiku li għandu jsiru mill-Istati Membri biex ikun determinat il-potenzjal ta' pjantaġġuni ta' ċerti speċi ta' siġar tal-frott | (ĠU L 218, tal-11.8.1976, p. 10). |

    Direttiva tal-Kunsill 93/23/KEE ta' l-1 ta' Ġunju 1993 dwar l-istħarriġ statistiku li għandu jsir fuq il-produzzjoni tal-majjali | (ĠU L 149, tal-21.6.1993, p. 1). |

    Direttiva tal-Kunsill 93/24/KEE ta' l-1 ta' Ġunju 1993 dwar l-istħarriġ statistiku li għandu jsir fuq il-produzzjoni ta' l-annimali bovini | (ĠU L 179, tas-7.8.1972, p. 2). |

    Direttiva tal-Kunsill 93/25/KEE ta' l-1 ta' Ġunju 1993 dwar l-istħarriġ statistiku li għandu jsir fuq l-istokkijiet tan-nagħaġ u l-mogħoż | (ĠU L 179, tas-7.8.1972, p. 2). |

    Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2782/75 tad-29 ta' Ottubru dwar il-produzzjoni u l-marketingtal-bajd għat-tfaqqis u tal-flieles tat-tjur ta' l-irziezet | (ĠU L 282, ta' l-1.11.1975, p. 100). |

    Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 357/79 tal-5 ta' Frar 1979 dwar l-istħarriġ statistiku dwar oqsma bid-dwieli | (ĠU L 282, ta' l-1.11.1975, p. 100). |

    Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 571/88 tad-29 a' Frar 1988 dwar l-organizzazzjoni ta' l-istħarriġ fuq l-istruttura ta' azjendi agrikoli bejn 1988 u 1997 | (ĠU L 56, tat-2.3.1988, p. 1). |

    Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 837/90 tas-26 ta' Marzu 1990 dwar l-informazzjoni statistika li għandha tkun provduta mill-Istati Membri dwar il-produzzjoni taċ-ċereali | (ĠU L 88, tat-3.4.1990, p. 1). |

    Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 959/93 tal-5 ta'April 1993 dwar l-informazzjoni statistika li għandha tkun provduta mill-Istati Membri dwar prodotti mill-uċuħ li mhumiex ċereali | (ĠU L 98, ta' l-24.4.1993, p. 1). |

    --------------------------------------------------

    Top