EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993R0086

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 86/93 tad-19 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2077/92 dwar l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati u l-ftehim fis-settur tat-tabakk

ĠU L 12, 20.1.1993, p. 13–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008; Imħassar b' 32008R0709

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/86/oj

31993R0086



Official Journal L 012 , 20/01/1993 P. 0013 - 0014
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0011
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0011


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 86/93

tad-19 ta’ Jannar 1993

dwar ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2077/92 dwar l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati u l-ftehim fis-settur tat-tabakk

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2077/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati u l-ftehim fis-settur tat-tabakk [1], u partikolarment l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi, sabiex tkun adegwatament rappreżentattiva tar-reġjun li tkopri, organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat interessati għandha tkopri mill-anqas terz tal-kwantitajiet prodotti, ipproċessati jew mixtrija mill-membri ta’ kull waħda mill-fergħat; billi biex ikunu evitati żbilanċi bejn ir-reġjuni għandha, jekk topera f’numru ta’ reġjuni, tħares din il-kondizzjoni f’kull wieħed minnhom;

Billi għandu jkun speċifikat li l-kummerċ fit-tabakk ikopri, flimkien man-negozju tal-merkanti tat-tabakk, ix-xiri dirett tat-tabakk imballat mill-konsumaturi finali tiegħu;

Billi l-informazzjoni li l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, meta din tkun responsabbli mir-rikonoxximent tagħhom, għandha tkun speċifikata;

Billi l-irtirar tar-rikonoxximent għandu ġeneralment ikun effettiv sa minn meta l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent ma’ jibqgħux jintlaħqu; billi għandu, madankollu, jkun possibbli li dan l-effett retroattiv jkun ristrett kif jitolbu ċ-ċirkostanzi;

Billi għandu jkun speċifikat li l-livell minimu tar-rappreżentanza ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati li joperaw bejn ir-reġjuni għandu jkun l-istess bħal dak stipulat għall-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ bejn il-fergħat interessati;

Billi l-abbonamenti imposti fuq dawk li mhumiex membri taħt l-Artikolu 9(7) jew (10 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 2077/92 għandhom ikunu stabbiliti fuq bażi soda u verifikabbli;

Billi l-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tat-Tabakk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat interessati titqies li tkun rappreżentattiva fuq livell reġjonali għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2077/92 jekk tieħu kont ta’ mill-anqas terz tal-kwantitajiet prodotti, ipproċessati jew mixtrija mill-membri ta’ kull waħda mill-fergħat li tkopri li jkunu involuti fil-produzzjoni jew fl-ipproċessar inizzjali, jew fil-kummerċ tal-gruppi ta’ varjetajiet tat-tabakk koperti mill-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni.

Jekk organizzazzjoni jkollha firxa inter-reġjonali jew mal-Komunità kollha, għandha tħares dawn il-kondizzjonijiet meħtieġa f’kull wieħed mir-reġjuni interessati.

Il-kummerċ fit-tabakk għandu jinkludi l-manifattura tal-prodotti tat-tabakk.

Artikolu 2

Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2077/92 l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fit-territorji kollu ta’ bosta Stati Membri jew f’parti minnu jew fil-Komunità kollha għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni u akkumpanjati minn dokumentazzjoni li turi

- li jkunu qed iwettqu numru mill-attivitajiet mniżżla fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament,

- il-medda ta’ l-attivitajiet tagħhom,

- li kienu mwaqqfa taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew taħt il-liġi tal-Komunità,

- li jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rappreżentanza indikati fl-Artikolu 1.

L-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-dokumentazzjoni l-oħra kollha meħtieġa biex tkun stabbilita l-firxa ta’ l-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 3

L-irtirar tar-rikonoxximent skond l-Artikolu 3(3) jew 4 (3) tar-Regolament (KEE) Nru 2077/92 ikun jgħodd minn meta l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent ma jibqgħux jiġu sodisfatti.

Id-deċiżjoni li jkun irtirat ir-rikonoxximent, madankollu, tista’ ssir b’tali mod li tapplika ristrettivament skond ir-raġunijiet għalfejn ikun ġie irtirat u dak li jkun ġara.

Artikolu 4

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2077/92, fejn estensjoni proposta jkollha effett f’aktar minn reġjun wieħed l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati għandhom jirrappreżentaw, f’kull wieħed mir-reġjuni u għal kull waħda mill-fergħat interessati, mill-anqas żewġ terzi tal-produzzjoni u/jew kummerċ involut.

Artikolu 5

Meta organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat interessati titlob li individwi jew gruppi esterni jkunu meħtieġa taħt l-Artikoli 9(7) jew 10 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 2077/92 li jħallsu abbonamenti, l-organizzazzjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru jew lill-Kummissjoni, skond il-każ, bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tistabbilixxi l-ammont tal-abbonament li għandu jitħallas. L-Istat Membru jew il-Kummissjoni jistgħu jwettqu kull spezzjoni fuq l-organizzazzjoni li jikkunsidraw meħtieġ.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Jannar 1993.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 215, 30.7.1992, p. 80.

--------------------------------------------------

Top