EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0012

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi

ĠU L 74, 27.3.1993, p. 81–83 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/06/2009; Imħassar b' 32009L0030

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/12/oj

31993L0012



Official Journal L 074 , 27/03/1993 P. 0081 - 0083
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0090
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0090


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE

tat-23 ta' Marzu 1993

dwar il-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi sabiex tittejjeb il-kwalità ta' l-arja fir-rigward tad-diossidu tal-kubrit u emissjonijiet oħrajn, il-Komunità għandha tieħu miżuri biex tnaqqas progressivament il-kontenut tal-kubrit taż-żejt tal-gass użat minn vetturi self-propelled, inkluż inġenji ta' l-ajru u bastimenti, u għal skopijiet ta' tisħin, industrijali u marini;

Billi, taħt l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 75/716/KEE [4], id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri jipprovdu żewġ limiti fir-rigward tal-kontenut tal-kubrit ta' karburanti likwidi; billi dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor;

Billi dawn id-differenzi jobbligaw il-kumpanniji taż-żejt tal-Komunità biex jaġġustaw il-kontenut massimu tal-kubrit tal-prodotti tagħhom, skond liema Stat Membru qed ikun fornut; billi dawn id-differenzi għalhekk jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ, b'hekk jaffettwaw direttament it-twaqqif u l-funzjonament tas-suq ewlieni;

Billi, kif ukoll, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 75/716/KEE jipprovdi li fid-dawl ta' kull informazzjoni ġdida disponibbli il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill akkumpanjat minn proposta xierqa biex ikun stabbilit valur waħdieni;

Billi programmi ta' azzjoni suċċessivi tal-Komunitajiet Ewropej fuq l-ambjent [5] jisħqu fuq l-importanza tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-arja;

Billi l-kwalità tal-karburant għandha rwol importanti fit-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-arja mill-emissjonijiet ta' l-exhaust tal-vetturi;

Billi, kif ukoll, bis-saħħa tad-Deċiżjoni 81/462/KEE [6] il-Komunità hija parti kontraenti fil-Konvenzjoni fuq it-tniġġis ta' l-arja f'medda wiesgħa transfruntiera, li tipprovdi partikolarment għall-iżvilupp ta' strateġiji u politiki biex jillimitaw u, kemm jista' jkun possibbli, inaqqsu gradwalment u jipprevjenu t-tniġġis ta' l-arja;

Billi t-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi iservi biex imexxi l-quddiem wieħed mill-oġġettivi tal-Komunità, li huwa biex tkun preservata, protetta u tittejjeb il-kwalità ta' l-ambjent u biex jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta' saħħet il-bniedem, billi titranġa l-ħsara ambjentali f'ras il-għajn;

Billi, skond id-Direttiva 75/716/KEE, diversi Stati Membri diġa iffissaw valur ta' 0,2 % fil-piż;

Billi l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li karburanti diesel ta' kontenut massimu ta' kubrit ta' 0,05 % fil-piż isiru gradwalment disponibbli;

Billi, biex jintlaħqu l-livelli ta' emissjonijiet ta' particulate stabbiliti f'Direttivi speċifiċi tal-Komunità, il-kontenut tal-kubrit ta' karburanti diesel mqiegħda fis-suq ġewwa l-Komunità ma tistax teċċedi 0,2 % fil-piż mill-1 ta' Ottubru 1994 u 0,05 % fil-piż mill-1 ta' Ottubru 1996; billi l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex jintlaħaq dak l-iskop;

Billi ż-żieda fl-użu ta' żejt tal-gass għall-vetturi bil-mutur jimplika sforzi oħra fir-rigward tal-kwalità tal-karburant diesel, biex ikunu limitati l-effetti ħżiena ta' dan l-użu fuq il-kwalità ta' l-arja; billi t-twaqqif ta' kontenut massimu ta' kubrit ta' 0,05 % fil-piż li japplika mill-1 ta' Ottubru 1996 għall-karburant diesel jippermetti l-industriji partikolari biżżejjed żmien biex isiru l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa;

Billi l-użi oħra ta' żjut tal-gas u żjut medji jeħtieġu li jsir sforz biex jitnaqqas it-tniġġis ta' l-arja, fejn għandha titqies il-kontribuzzjoni tagħhom fir-rigward tat-titjib fil-kwalità ta' l-arja u l-ispejjeż u l-benefiċċji ambjentali; billi l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill, li għandu jieħu deċiżjoni fuq hekk mhux aktar tard sal-31 ta' Lulju 1994, proposta li tintroduċi, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 1999, limitu aktar baxx għall-kontenut ta' kubrit u t-twaqqif ta' valuri tal-limitu ġodda għall-keroseni (pitrolju) ta' l-avjazzjoni;

Billi bidla f'daqqa fil-provisti ta' żejt mhux raffinat li jwassal għal żieda fil-kontenut tal-kubrit medju jista', minħabba l-kapaċità ta' desulferizzazzjoni disponibbli, jipperikola provisti lill-konsumaturi fi Stat Membru; billi għalhekk jidher kunsiljabbli li jkun awtorizzat li Stat Membru jidderoga taħt ċerti kondizzjonijiet mil-limiti tal-kontenut ta' kubrit provduti fir-rigward tas-suq tiegħu;

Billi l-introduzzjoni ta' kontenut baxx ta' kubrit fiż-żjut tal-gas marini għal bastimenti tat-tbaħħir tqajjem problemi speċifiċi tekniċi u ekonomiċi għall-Greċja; billi deroga ta' durata limitata favur il-Greċja m'għandiex tiddeprimi l-kummerċ fiż-żjut tal-gas marini billi l-istallazzjonijiet tar-raffinar Griegi bħalissa jkopru mhux iżjed mid-domanda domestika għaż-żjut tal-gas u żjut medji; billi esportazzjonijiet għall-ħruq finali mill-Greċja lejn Stat Membri ieħor għandhom iħarsu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva applikabbli f'dak l-Istat Membru; billi l-Greċja tista' tingħata deroga ta' ħames snin qabel l-introduzzjoni ta' żjut tal-gas marini bil-konenut ta' kubrit meħtieġ; billi dan il-perjodu għandu jispiċċa fit-30 ta' Settembru 1999;

Billi għandhom isiru verifiki fuq il-post biex ikun ivverifikat il-kontenut tal-kubrit taż-żjut tal-gass u żjut medji mpoġġija fis-suq; billi għal dan il-għan għandha ssir dispożizzjoni għal metodu uniformi bbażat fuq l-aħjar teknoloġija disponibbli,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) ‘żejt tal-gass' tfisser kull prodott taż-żejt (petroleum) li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 00 69, jew kull prodott taż-żejt li, minħabba l-limiti tad-distillazzjoni tiegħu, jaqa' f'kategorija tad-distillati medji maħsuba għall-użu bħala karburant u li 85 % minnu ta' lanqas fil-volum, inkluż telf mid-distillazzjoni, jiddistilla f'350º C;

(b) ‘karburanti diesel' tfisser żjut tal-gass użat għall-vetturi self-propelled kif msemmija fid-Direttiva 70/220/KEE [7] u d-Direttiva 88/77/KEE [8].

2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal żjut tal-gass:

- li jkunu jinsabu fit-tankijiet ta' bastimenti, inġenji ta' l-ajru jew vetturi bil-mutur li jaqsmu l-fruntjiera bejn pajjiż terz u Stat Membru;

- maħsubin għall-ipproċessar qabel l-aħħar ħruq.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom, biex jilħqu l-livelli ta' emissjonijiet ta' particulates provduti f'Direttivi speċifiċi tal-Komunità, jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' karburanti diesel fil-Komunità jekk il-kontenut tal-kompost tal-kubrit, espress f'kubrit (minn hawn ‘il quddiem "kontenut tal-kubrit"), jeċċedi:

- 0,2 % fil-piż mill-1 ta' Ottubru 1994,

- 0,05 % fil-piż mill-1 ta' Ottubru 1996.

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li karburanti diesel msemmija fl-ewwel paragrafu b'kontenut ta' kubrit li ma jeċċedix 0,05 % fil-piż isiru gradwalment disponibbli.

2. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tpoġġija fil-Komunità ta' żjut tal-gass li ma jkunx dawk, jew użati għall-għanijiet li ma jkunux dawk msemmija fil-paragrafu 1 bl-eċċezzjoni ta' kerosene (pitrolju) ta' l-avjazzjoni, mill-1 ta' Ottubru 1994, jekk il-kontenut tal-kubrit jeċċedi 0,2 fil-piż.

Qabel l-1 ta' Jannar 1994, il-Kummissjoni għandha tindika, f'rapport lill-Kunsill, x'progress ikun sar fil-kontroll ta' emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit. Fl-istess ħin għandha tissottometti lill-Kunsill proposta, fil-qafas aktar ġenerali tal-politika biex tittejjeb il-kwalità ta' l-arja. għat-transizzjoni għat-tieni fażi, li tippreskrivi limitu aktar baxx sa' mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 1999, u t-twaqqif ta' valuri tal-limitu ġodda għall-kerosene (pitrolju) ta' l-avjazzjoni.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 1994.

3. Jekk, bħala riżultat ta' bidla f'daqqa fil-provista ta' żejt mhux raffinat jew prodotti taż-żejt (petroleum), issir diffiċli għal Stat Membru biex japplika l-limitu fuq il-kontenut massimu ta' kubrit taż-żejt tal-gass, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Il-Kummissjoni għandha tawtorizza limitu ogħla li għandu jkun applikabbli ġewwa t-territorju ta' dak l-Istat Membru għal perjodu li ma jeċċedix sitt xhur, u għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Kunsill. Kull Stat Membru jista' jikkontesta dik id-Deċiżjoni quddiem il-Kunsill fi żmien xahar. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jadotta deċiżjoni differenti fi żmien xahrejn.

Bħala deroga l-Gvern tal-Greċja jista', sat-30 ta' Settembru 1999, jawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żejt tal-gass għall-użu marin b'kontenut tal-kubrit li jeċċedi 0,2 fil-piż.

Artikolu 3

L-ebda Stat Membru ma jista', mid-dati ta' l-applikazzjoni provduti fl-Artikolu 2(1) u (2), jipprojbixxi, jirrestrinġi jew jipprevjeni t-tqegħid fis-suq taż-żjut tal-gass fuq il-bażi tal-kontenut tal-kubrit, jekk dawk iż-żjut tal-gass iħarsu l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex ikun verifikat il-kontenut tal-kubrit taż-żjut tal-gass li jitqiegħdu fis-suq.

2. Il-metodu ta' riferenza adottat għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-kubrit taż-żjut tal-gass li jitpoġġew fis-suq għandu jkun dak definit b'metodu ISO 8754. L-interpretazjoni statistika tar-riżultati tal-verifiki magħmula biex ikun determinat il-kontenut tal-kubrit taż-żjut tal-gass mpoġġija fis-suq għandhom jitpoġġew fis-suq skond l-istandard ISO 4259 (edizzjoni 1979).

Artikolu 5

Sa mill-1 ta' Ottubru 1994, id-Direttiva 75/716/KEE għandha tinbidel b'din id-Direttiva.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva qabel l-1 ta' Ottubru 1994. Għandhom jinfurmaw minnufih il-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Marzu 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

S. Auken

[1] ĠU Ċ 174, 5.7.1991, p. 18 uĠU Ċ 120, 12.5.1992, p. 12.

[2] ĠU Ċ 94, 13.4.1992, p. 209 uĠU Ċ 337, 21.12.1992.

[3] ĠU Ċ 14, 20.1.1992, p. 17.

[4] ĠU L 307, 27.11.1975, p. 22. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 87/219/KEE (ĠU L 91, 3.4.1987, p. 19).

[5] ĠU Ċ 112, 20.12.1973, p. 1,ĠU Ċ 139, 13.6.1977, p. 1 uĠU Ċ 46, 17.2.1983, p. 1.

[6] ĠU L 171, 27.6.1981, p. 11.

[7] ĠU L 76, 6.4.1970, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/441/KEE (ĠU l 242, 30.8.1991, p. 1).

[8] ĠU L 36, 9.2.1988, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/542/KEE (ĠU L 295, 25.10.1991, p. 1).

--------------------------------------------------

Top