Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991R1184

    Regolament tal-kummissjoni (KEE) Nru 1184/91 tas-6 ta’ Mejju 1991 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna għal produtturi Portugiżi ta’ ċereali

    ĠU L 115, 8.5.1991, p. 15–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1991/1184/oj

    31991R1184



    Official Journal L 115 , 08/05/1991 P. 0015 - 0016
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 37 P. 0125
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 37 P. 0125


    Ir-Regolament tal-kummissjoni (KEE) Nru 1184/91

    tas-6 ta’ Mejju 1991

    li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna għal produtturi Portugiżi ta’ ċereali

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3653/90 tal-11 ta’ Diċembru, 1990, li jintroduċi miżuri transitorji li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ ċereali u ross fil-Portugall [1], u partikolarment l-Artikolu 10 tiegħu,

    Billi r-Regolament (KEE) Nru 3653/90 jintroduċi għajnuna għal produtturi ta’ ċerti ċereali mqiegħda fis-suq jew mibjugħa mill-produttur lil aġenzija ta’ intervent; billi għandu jkun hemm definizzjoni tat-tifsira ta’ bejgħ fis-suq;

    Billi, biex l-iskema ta’ għajnuna titħaddem b’mod sodisfaċenti, Stati Membri għandhom jagħmlu kontrolli biex jassiguraw li l-għajnuna tingħata skond il-kondizzjonijiet stabbiliti; billi applikazzjonijiet għal għajnuna għandhom għalhekk jagħtu ammont minimu ta’ tagħrif għall-iskop tal-kontrolli li jkollhom jittieħdu;

    Billi, biex tkun assigurata applikazzjoni effiċjenti, għandu jkun stabbilit kif isiru kontrolli saltwarji fil-post dwar kemm l-applikazzjonijiet mibgħuta jkunu tajbin; billi dawn il-kontrolli għandhom isiru skond numru rappreżentattiv biżżejjed ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna;

    Billi għandu jkun stabbilit kif għandha tittieħed lura għajnuna fil-każ ta’ pagament indebitu u li jkun hemm pieni xierqa għal dikjarazzjonijiet foloz;

    Billi, biex l-iskema ta’ għajnuna titħaddem b’mod sodisfaċenti, għandu jkun stabbilit li t-tagħrif mogħti fl-applikazzjonijiet għal għajnuna jkun kompjuterizzat;

    Billi l-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Amministrazzjoni ta’ ċereali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 3653/90 għandha tingħata lill-produtturi Potugiżi ta’ ċereali skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 2

    1. L-għajnuna għandha titħallas lill-produtturi jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom għal kwantitajiet ta’ ċereali msemmijin fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2727/75 [2], li jkunu tkabbru fir-raba’ tal-produttur u li dwarhom tinġieb prova li jkunu nbiegħu fis-suq.

    2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, "bejgħ fis-suq" tfisser il-bejgħ minn produtturi ta’ ċereali f’għamla ta’ qamħ lil intrapriżi ta’ ġbir, kummerċ u pproċessar, produtturi oħra jew aġenzija ta’ intervent.

    L-Artikolu 3

    1. L-għajnuna għandha titħallas mill-awtoritajiet Portugiżi lill-produtturi jew lill-aġenti awtorizzati tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2 meta dawn jitolbuha.

    2. Applikazzjonijiet għal għajnuna għandhom jintbagħtu lill-INGA flimkien ma’ lista kronoloġika tal-bejgħ ta’ kull ċereali li turi l-kwantità mibjugħa.

    Għal bejgħ ta’ kwantitajiet ta’ inqas minn 40 tunnellata metrika, produtturi għandhom jibagħtu applikazzjoni waħda għal kull sena ta’ bejgħ fis-suq.

    3. L-applikazzjoni finali għal sena ta’ bejgħ fis-suq għandha tintbagħat mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara ta’ bejgħ fis-suq.

    4. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom iħallsu l-għajnuna mhux aktar tard minn tmiem ix-xahar wara dak li fih tkun waslitilhom l-applikazzjoni.

    L-Artikolu 4

    1. Sabiex jikkwalifikaw taħt l-iskema ta’ għajnuna msemmija f’dan ir-Regolament, produtturi ta’ ċereali, minbarra qamħirrum jew sorgu tal-qamħ, għandhom jibagħtu lill-awtorità kompetenti kull sena, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April, dikjarazzjoni dwar prodotti tar-raba’ l turi l-oqsma kollha miżrugħa b’kull xorta ta’ ċereali, il-lok fejn ikunu jinsabu skond tagħrif katastali jew minn fonti ta’ informazzjoni meqjusa bħala ekwivalenti mill-korp responsabbli biex jeżamina l-oqsma’, bħalma huma mappa jew ritratt mill-ajru jew minn satellita li jippermettu lill-awtoritajiet ta’ spezzjoni biex jidentifikaw b’mod ċar il-lok fejn ikunu l-oqsma.

    Iżda, dikjarazzjonijiet dwar il-ħsad taċ-ċereali fl-1991 għandhom jintbagħtu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju, 1991. Fil-każ ta’ qamħirrum u sorgu tal-qamħ, iż-żmien li fih għandha tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-prodotti tar-raba’ għandu jkun mhux inqas tard mit-30 ta’ gunju.

    2. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra d-dikjarazzjoni tal-produttur u tatiha numru ta’ reġistrazzjoni.

    L-Artikolu 5

    Prova li ċ-ċereali jkunu nbiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 2 għandha tingħata billi tkun ippreżentata, relattivament għal kull bejgħ, fattura datata li turi l-isem tal-bejjiegħ, l-isem tal-produttur u n-numru ta’ reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, il-kwantità ta’ kull ċereali mibjugħa u d-data tal-konsenja taċ-ċereali.

    L-Artikolu 6

    Il-bejjiegħa msemmija fl-Artikolu 5 għandhom iżommu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kontijiet li jkun fihom b’mod partikolari:

    (a) l-ismijiet u indirizzi tal-produtturi jew l-operaturi li tawhom il-qmuħ taċ-ċereali;

    (b) il-kwantitajiet ta’ kull tip ta’ ċereali konsenjati kif imsemmi hawn fuq u d-data ta’ dawn il-konsenji.

    L-Artikolu 7

    1. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jistabbilixxu sistema ta’ kontrolli amministrattivi fil-post li jassiguraw li l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna jkunu sodisfatti.

    Huma għandhom jagħmlu kontrolli saltwarji fuq il-post dwar l-eżattezza ta’ l-applikazzjonijiet mibgħuta u dwar id-dikjarazzjonijiet tal-prodotti tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 4.

    2. Il-kontrolli fil-post dwar id-dikjarazzjonijiet tal-prodotti tar-raba’ għandhom isiru għall-inqas fuq:

    - 5 % tad-dikjarazzjonijiet tal-prodotti tar-raba’ ta’ inqas minn 25 ett,

    - 20 % tad-dikjarazzjonijiet tal-prodotti tar-raba’ ta’ izjed minn 25ett iżda inqas minn 250 ett

    u fuq id-dikjarazzjonijiet kollha tal-prodotti tar-raba’ ta’ aktar minn 250 ett.

    L-Artikolu 8

    1. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jagħmlu kontrolli fil-post fuq ix-xerrejja msemmija fl-applikazzjonijiet għal għajnuna. Il-kontrolli għandhom isiru fuq il-kontijiet imsemmija fl-Artikolu l6 u għandhom ikopru għall-inqas 20 % tal-kwantità ta’ ċereali li għalihom tkun intalbet l-għajnuna u 10 % tax-xerrejja interessati.

    Kull kontroll fil-post għandu jkun reġistrat f’rapport.

    2. Fit-tmiem tas-sena tal-bejgħ fis-suq l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jerġgħu jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha għal għajnuna u d-dikjarazzjonijiet tal-prodotti tar-raba’ li jkollhom x’jaqsmu magħhom. Jekk dak l-eżami juri nuqqas ta’ qbil bejn applikazzjoni ta’ produttur għal għajnuna u l-kapaċità tiegħu fil-produzzjoni, l-Istat Membru għandu jagħmel eżami bir-reqqa ta’ l-applikazzjonijiet kollha mibgħuta minn dak il-produttur.

    L-Artikolu 9

    1. Jekk il-kontroll li jsir fuq l-applikazzjonijiet għal ħlas ta’ l-għajnuna juri nuqqas ta’ qbil, il-produttur għandu jiġi diskwalifikat mill-iskema ta’ għajnuna għas-sena relattiva għall-bejgħ fis-suq.

    2. Fil-każ ta’ ħlas indebitu ta’ għajnuna, l-ammonti in kwistjoni għandhom jinġabru, flimkien ma’ imgħaxijiet ta’ 15 %, ikkalkolati fuq it-tul ta’ żmien li jkun għadda bejn il-ħlas ta’ l-għajnuna u l-ħlas lura mill-benefiċjarju. L-ammonti miġbura għandhom jitħallsu lill-aġenzija li tkun ħarġithom u għandhom jitnaqqsu mill-infieq magħmul mill-EAGGF, Sezzjoni tal-Garanzija.

    3. Fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet dwar prodotti tar-raba’, il-Portugall għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jimponi pieni għal dikjarazzjonijiet foloz. Huwa għandu jinnotifka lill-Kummissjoni b’kull miżura meħuda.

    L-Artikolu 10

    Meta l-applikazzjonijiet għal għajnuna jkollhom tagħrif mhux korrett intenzjonalment jew bħala riżultat ta’ negliġenza kbira, l-applikant għandu jitlef id-dritt għal għajnuna għas-sena ta’ wara ta’ bejgħ fis-suq.

    L-Artikolu 11

    Il-Portugall għandu jieħu kull miżura oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari biex jassigura li l-miżuri ta’ kontroll ikunu ta’ min joqgħod fuqhom. Għal dan l-iskop huwa għandu jikkompjuterizza t-tagħrif mogħti fl-applikazzjonijiet għal għajnuna.

    L-Artikolu 12

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, Fis- 6 ta’ Mejju, 1991.

    Għall-Kummissjoni

    Ray Mac Sharry

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 362, tas-27.12.1990, p. 28.

    [2] ĠU L 281, ta’ l-1.11.1975, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top