Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31988D0591

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1988 li tistabblixxi l-Qorti ta' Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU L 319, 25.11.1988, p. 1–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/01/2003; Tmiem parzjali tal-validità Imħassar b' 12001C010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1988/591/oj

    31988D0591



    Official Journal L 319 , 25/11/1988 P. 0001 - 0008
    Finnish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0089
    Swedish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0089


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    ta' l-24 ta' Ottubru 1988

    li tistabblixxi l-Qorti ta' Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej

    (88/591/ECSC, KEE, Euratom)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, u partikolarment l-Artikolu 32d tagħha,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 168a tagħha,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 140a tagħha,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll fuq l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, iffirmat f'Pariġi fit-18 ta' April 1951,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll fuq l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ekonomika Ewropea, iffirmat fi Brussel fis-17 ta' April 1957,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll fuq l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, iffirmat fi Brussel fis-17 ta' April 1957,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fi Brussel fit-8 ta' April 1965,

    Wara li kkunsidra t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

    Billi, l-Artikolu 32d tat-trattat tal-ECSC, l-Artikolu 168a tat-trattat tal-KEE u l-Artikolu 140a tat-trattat tal-EAEC jagħti s-setgħa lill-Kunsill biex jassenja lill-Qorti ta' Prima Istanza msejjħa biex teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji importanti u li l-membri tagħha huma indipendenti mingħajr ebda dubju u għandhom l-abilità meħtiega biex jagħmlu dawn il-funzjonijiet;

    Billi d-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija jagħtu s-setgħa lill-Kunsill biex, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istatut, jagħti lill-Qorti ta' Prim' Istanza il-ġurisdizzjoni li tisma' u tistabbilixxi fil-Prim' Istanza, ċertu tipi ta' azzjonijiet u proċeduri miġjuba minn persuni kemm naturali kif ukoll legali, bla ħsara għad-dritt ta' l-appell lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti ta' liġi biss;

    Billi l-Kunsill għandu jistabbilixxi, konformi mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, il-Kompożizzjoni ta' dik il-Qorti u jaddotta l-modifiki neċessarji u d-dispożizzjonijiet supplimentarji tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    Billi, fir-rigward ta' kawżi li jeħtieġu eżaminazzjoni komplessa tal-fatti li jkunu diffiċli, it-twaqqif ta' qorti oħra jkun ta' progress għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' l-individwu;

    Billi huwa neċessarju li l-Qorti tkun tista' tikkonċentra l-attivitajiet tagħha fuq ix-xogħol fundamentali li jkun hemm interpretazzjoni uniformi tal-ligi tal-Komunità, biex b'hekk tiġi miżmuma l-kwalità u l-effettività tar-reviżjoni ġudizzjali fl-ordni legali tal-Komunità,

    Billi huwa għalhekk neċessarju li jsir użu mill-awtorità mogħtija mill-Artikolu 32d tat-trattat tal-ECSC, l-Artikolu 168a tat-trattat tal-KEE u l-Artikolu 140a tat-trattat ta' l-EAEC u li tiġi trasferita lill-Qorti ta' Prim' Istanza l-ġurisdizzjoni li tisma' u tistabbilixxi fil-Prim' Istanza ċertu tipi ta' azzjonijiet u proċeduri li frekwentament ikollhom bżonn eżaminazzjoni tal-fatti li jkunu kumplessi, jiġifieri kawżi jew proċeduri miġjuba mill-impjegati tal-Kummissjoni kif ukoll, fejn għandu x'jaqsam it-trattat tal-ECSC, minn impriżi u assoċjazzjonijiet fuq fatti li jirrigwardaw it-taxxi, l-produzzjoni, l-prezzijiet, ftehim restrittiv, deċiżjonijiet jew prattiki u konċentrazzjonijiet, kif ukoll fejn għandu x'jaqsam it-trattat tal-KEE, minn persuni kemm naturali kif ukoll legali fil-kamp tal-kompetizzjoni.

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Qorti, li għandha tiġi msejħa l-Qorti ta' Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, għandha tiġi annessa mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Is-sede tagħha sa tkun fil-Qorti tal-Ġustizzja.

    Artikolu 2

    1. Il-Qorti ta' Prim' Istanza tikkonsisti minn 12-il membru.

    2. Il-membri jtellgħu minn fosthom lill-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Huwa jista' jiġi ri-elett.

    3. Il-membri tal-Qorti ta' Prim' Istanza jisgħtu jiġu msejħa biex jizvolġu l-funzjoni ta' Avukat Ġenerali.

    Huwa l-obbligu ta' l-Avukat Ġenerali, li jagħmel, bl-imparzjalità u l-indipendenza kompleta, apertament fil-qorti, sottomissjonijiet raġonevoli fuq ċertu tipi ta' każijiet quddiem il Qorti ta' Prim' Istanza fil-prestazzjoni tax-xogħol tagħha.

    Il-kriterju li bih jintagħżlu dawn il-każijiet, kif ukoll il-proċedura biex jintagħżel l-Avukat Generali, għandhom ikunu stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Membru li jissejjaħ biex gewwa każ jizvolġi x-xogħol ta' Avukat-Ġenerali m'għandhux jieħu parti fil-ġudizzju tal-każ.

    4. Il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tkun bażata fi kmamar ta' tlieta jew ħamsa. Il-kompożizzjoni tal-kmamar u l-assenjazzjoni tal-każijiet tagħhom għandhom jiġu regolati mir-Regoli tal-Proċedura. F'ċertu każijiet li huma regolati mir-Regoli tal-Proċedura, l-Qorti ta' Prim' Istanza tista' tiltaqa' f'seduta plenarja.

    5. L-Artikolu 21 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 6 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni Waħda għandhom japplikaw għall-membri tal-Qorti ta' Prim' Istanza u għar-Registratur tagħha.

    Artikolu 3

    1. Il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha teżerċita fil-Prim'Istanza, l-ġuridizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet u mill-atti adottati fl-implimentazzjoni tagħhom:

    (a) f'kontroversji bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom msejħa fl-Artikolu 179 tat-trattat tal-KEE u fl-Artikolu 152 tat-trattat tal-EAEC;

    (b) f'kawżi kontra l-Kummissjoni magħmulha skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 33 u Artiklu 35 tat-trattat tal-ECSC, miġjuba minn impriżi jew assoċjazzjoni msejħa fl-Artikolu 48 ta' dak it-trattat, u li jirigwardaw atti individwali li jirrigwardaw l-applikabilità ta' l-Artikolu 50 u l-Artikolu 57 sa 66 ta' l-imsemmi trattat;

    (ċ) f'kawżi kontra l-istituzzjoni tal-Komunitajiet, miġjuba kemm minn persuna naturali kif ukoll legali, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 173 u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 175 tat-trattat ta' l-KEE li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni li japplikaw għall-impriża.

    2. Fejn l-istess persuna naturali jew legali iġġib azzjoni, li l-Qorti ta' Prim' Istanza jkollha ġurisdizzjoni li tisma', skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u azzjoni li hija msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 40 tat-trattat ta' l-ECSC, l-Artikolu 178 tat-trattat ta' l-KEE, jew l-Artikolu 151 tat-trattat ta' l-EAEC għal kumpens minħabba ħsara kaġunata mill-istituzzjonijiet tal-Komunità li tikkonsisti f'att jew fin-nuqqas ta' aġir li huwa suġġett għall-ewwel azzjoni, l-Qorti ta' Prim' Istanza għandha wkoll ġuridizzjoni li tisma' u tistabbilixxi l-azzjoni għal kumpens ta' dan id-dannu.

    3. Abbażi ta' l-esperjenza akkwistata, u fuq kollox abbażi ta' l-iżvilupp tal-ġurisprudenża, u wara sentejn ta' attività tat-Tribunal, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina l-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-Qorti ta' Prim' Istanza l-kompetenza biex teżerċita ġurisdizzjoni f'kawżi kontra l-Kummissjoni skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 33 u l-Artikolu 35 tat-trattat tal-ECSC, minn impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi msemmija fl-Artikolu 48 tat-Trattat, u li jirrigwarda rikorsi relattivi ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 74 ta' l-imsemmi Trattat kif ukoll rikorsi kontra l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet ippreżentati minn persuni naturali kif ukoll legali skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 173 u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 175 tat-trattat ta' l-KEE u li jikkonċerna l-mizuri relattati biex tiġi protetta s-sengħa skond id-definizzjoni ta' l-Artikolu 113 tat-Trattat fil-każ ta' rifjuti u u sussidji.

    Artikolu 4

    Salv kif hawnhekk iżjed 'il quddiem previst, l-Artikoli 34, 36, 39, 44 u 92 tat-trattat tal-ECSC, l-Artikoli 172, 174, 176, 184 sa 187 u 192 tat-trattat ta' l-KEE, u l-Artikoli 147, 149, 156 sa 159 u164 tat-Trattat tal-EAEC għandhom jgħoddu għall-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Artikolu 5

    "'TITOLU IV:

    IL-QORTI TA' PRIM ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Regoli dwar il-membri tal-Qorti ta' Prim' Istanza u dwar l-organizzazzjonijiet tagħha

    Artikolu 44

    L-Artikoli 2, 3, 4, 6 to 9, 13 (1), 17, 18 (2) u 19 ta' l-Istatut għandhom jgħoddu għall-Qorti ta' Prim' Istanza u l-membri tagħha. Il-ġurament imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jittieħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-deċiżjonijiet imsejħa fl-Artikoli 3, 4 u 7 għandhom jiġu adottati mill-Qorti wara s-seduta tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Ir-Registrar u l-istaff

    Artikolu 45

    Il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha taħtar ir-Registratur tagħha u tisabbilixxi r-regoli ghax-xogħol tiegħu. L-Artikolu 9 u 14 ta' l-Istatut għandhom jgħoddu għar-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza mutatis mutandis.

    Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom jistabbilixxu, bi qbil komuni, l-kondizzjonijiet li għalihom l-uffiċjali u impjegati l-oħra li għandhom x'jaqsmu mal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Qorti ta' Prim' Istanza biex jassiguraw il-funzjonament tagħha. Ċertu uffiċjali jew impjegati oħra għandhom ikunu responsabbli lejn ir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Il-Proċedura quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza

    Artikolu 46

    Il-proċedura quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tiġi regolata mill-Istatut taħt Titolu III, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 41 u 42.

    Tali dispożizzjoni hi preċiżata u dettaljata, skond dak li jirrikjedi r-regolament tal-proċedura stabbilit mir-Regoli tal-Proċedura skond l-Artikolu 32d (4) tat-Trattat.

    Minkejja r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 21, l-Avukat Ġenerali jista' jagħmel is-sottomissjonijiet raġonevoli bil-miktub.

    Artikolu 47

    Jekk ir-rikors jew att proċesswali ieħor li jkun indirizzat lill-Qorti ta' Prim' Istanza jiġi depożitat bi żball mar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jiġi trażmess immedjatament mir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza; anki jekk ir-rikors jew att proċesswali ieħor li jkun indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi depożitat bi żball mar-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza, dan għandu jiġi trażmess immedjatament mir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Jekk il-Qorti ta' Prim' Istanza ssib li ma għandhiex kompetenza biex tisma' u tistabbilixxi l-kawża li taqa' taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; u bl-istess mod, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-kawża taqa' taħt il-kompetenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza, din għandha tirriferiha lill-Qorti ta' Prim' Istanza, u din il-Qorti ma tkunx tista' ticħad il-kompetenza tagħha.

    Fejn il-Qorti tal-Ġustizzja u Qorti ta' Prim' Istanza jkunu msejħa biex jistabblixxu każijiet li jirrigwardaw l-istess talba, l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni li tkun sollevata jew li jirrigwardaw kwistjoni tal-validità ta' l-stess att, il-Qorti ta' Prim' Istanza, wara li tisma' liż-żewg partijiet, tista' tissospendi l-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat il-ġudizzju tagħha. Fejn ir-rikorsi jkunu magħmulha għall-istess att biex ikun iddikjarat null, il-Qorti ta' Prim' Istanza tista' wkoll tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha biex tħalli lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq dawn ir-rikorsi. Fil-każijiet msejħa f'dan is-sub-paragrafu, l-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri quddiemha, u f'dan il-każ, il-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom ikomplu.

    Artikolu 48

    Id-deċiżjonijiet finali tal-Qorti ta' Prim' Istanza, id-deċiżjonijiet fejn il-Qorti tiddisponi parzjalment dwar kwistjonijiet sostantivi, jew tiddisponi dwar kwistjonijiet proċedurali li jirrigwardaw eċċezzjoni ta' nuqqas ta' kompetenza jew inammissibilità għandhom ikunu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza lill-partijiet kollha kif ukoll lill-Membri ta' l-Istati kollha u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità anke jekk ma' kienux intervjenu fil-kawża quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    Artikolu 49

    Appell jista' jiġi mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni li kienet ġiet appellata, kontra d-deċiżjoni finali tal-Qorti ta' Prim' Istanza u deċiżjonijiet ta' dik il-Qorti li jiddisponu fuq kwistjonijiet parzjalment sostantivi, jew jiddisponu fuq kwistjonijiet proċedurali li jirrigwardaw eċċezzjoni ta' nuqqas ta' kompetenza jew inammissibilità.

    Appell bħal dan jista' jitressaq minn kull parti li kellha suċċess, totali jew parzjali, fis-sottomissjonijiet tagħha. Madankollu, kjamati in-kawża li ma jkunux l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jressqu dan l-appell biss fiċ-ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza taffettwahom, direttament.

    Bl-eċċezzjoni tal-każijiet li jirrigwardaw kontroversji bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, appell jista' anki jistressaq minn Stat Membru u mill-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma' kienux intervjenew fil-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza. Dawn l-Istati Membri u dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikunu fl-istess pożizzjoni bħal dik ta' l-Istati Membri jew l-istituzzjoni li intervjenew fil-Prim'Istanza.

    Artikolu 50

    Kull persuna li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tagħha biex tintervjeni fil-kawża, tista' tappella lill-Qorti tal-Ġustiżja fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li ċaħdet ir-rikors.

    Il-persuni li qegħdin jieħdu sehem fil-proċeduri jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra kull deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza magħmulha skond it-tieni jew it-tielet paragrafi ta' l-Artikolu 39 jew it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat fi żmien xahrejn minn meta ġew innotifikati.

    Is-smigħ u d-determinazzjoni ta' l-appell imsejjaħ fl-ewwel żewg paragrafi ta' dan l-Artikolu għandhom isiru taħt il-proċedura msejħa fl-Artikolu 33 ta' dan l-Istatut.

    Artikolu 51

    Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhu jkun limitat għal punti ta' liġi. Dan għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet relattati ma' l-inkompetenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza, fuq nuqqas ta' ħarsien ta' proċedura quddiemha li taffettwa b'mod ħażin l-interessi ta' l-appellant kif ukoll f`abbuż tal-liġi tal-Komunità minn naħa tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Ma jistax ikun hemm appell li jirrigwarda biss l-ammont ta' l-ispejjeż jew lill-parti li tkun ordnata li tħallashom.

    Il-Proċedura quddiem il-Qorti

    Artikolu 52

    Fejn appell ikun imressaq kontra deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza, l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonsisti f'parti bil-miktub u parti orali. Bi qbil mal-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun semgħat l-Avukati Ġenerali u l-partijiet, tista' tiddisponi mingħajr proċedura orali.

    Effett ta' sospensjoni

    Artikolu 53

    L-Appell ma' għandhux effett ta' sospensjoni mingħajr preġudizzju għal dak li jgħidu t-tieni u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu l-Artikolu 39 tat-Trattat

    Bħala deroga għal dak li jgħid l-Artikolu 44 tat-Trattat, id-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza li jiddikjaraw li deċiżjoni ġenerali hija nulla, għandhom ikollhom effett biss mid-data ta' l-iskadenza tal-perjodu msejjaħ fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 49 ta' dan l-Istatut jew, jekk appell ikun gie mressaq f'dan il-perjodu, mid-data taċ-caħda ta' l-appell, mingħajr preġudizzju, madankollu, għad-dritt tal-parti li tapplika lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond it-tieni u it-tielet paragrafi ta' l-Artikolu 39 tat-Trattat, għas-sospensjoni ta' l-effett tad-deċiżjoni li ġiet iddikjarata nulla jew għal preskrizzjoni ta' kull miżura provviżorja oħra.

    Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Appell

    Artikolu 54

    Jekk l-appell ikun mibni fuq raġunijiet fondati, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Tista' tagħti ġudizzju finali hi stess, fejn l-istat tal-proċeduri jippermettu, jew tista' tirriferi l-każ lura lill-Qorti ta' Prim' Istanza għall-ġudizzju.

    Fejn każ jiġi riferut lura lill-Qorti ta' Prim' Istanza, dik il-Qorti hija marbuta mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti tad-dritt.

    Meta appell imressaq minn Stat Membru jew istituzzjoni tal-Komunità li ma intervjenietx fil-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza ikun magħmul fuq bażi fondata, l-Qorti tal-Ġustizzja tista', jekk tikkunsidra neċessarju, tgħid liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza li kienet anullata għandhom jiġu kunsidrati bħala definittivi fil-konfront tal-partijiet fil-kawża."

    Artikolu 6

    L-imsemmi Artikolu 44 u 45 tal-Protokoll fuq l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għandu jsir l-Artikolu 55 u 56 rispettivament.

    Artikolu 7

    "TITOLU IV:

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Artikolu 44

    L-Artikoli 2 sa 8, u 13 sa 16 ta' dan l-Istatut għandhom jgħoddu għall-Qorti ta' Prim' Istanza u l-membri tagħha. Il-ġurament imsejjaħ fl-Artikolu 2 għandu jittieħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-deċiżjonijiet msejħa fl-Artikolu 3, 4 u 6 għandhom jiġu adottati minn dik il-qorti wara s-seduta tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Artikolu 45

    Il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha taħtar lir-Reġistratur tagħha u tindika r-regoli li jmexxu s-servizzi tiegħu. L-Artikoli 9, 10 u 13 ta' dan l-Istatut għandhom jgħoddu għar-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza mutatis mutandis.

    Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom jistabbilixxu, bi qbil komuni, l-kondizzjonijiet li bihom l-uffiċjal u l-impjegati l-oħra li għandhom x'jaqsmu mal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom iservu xogħolhom lill-Qorti ta' Prim' Istanza biex hi tkun tista' tiffunzjona. Ċertu uffiċjali jew impjegati oħra għandhom ikunu responsabbli lir-Registratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Artikolu 46

    Il-proċedura quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tiġi regolata minn Titolu III ta' dan l-Istatut, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 20.

    Tali avvanz u dettal fid-dispożizzjonijiet kif għandhom ikunu neċessarji għandhom jiġu stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura li huma stabbiliti flimkien ma l-Artikolu 168a (4) tat-Trattat.

    Minkejja r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 18 ta' dan l-Istatut, l-Avukat-Ġenerali jista' jagħmel is-sottomissjonijiet raġonevoli tiegħu bil-miktub.

    Artikolu 47

    Jekk ir-rikors jew att proċesswali ieħor li jkun indirizzat lill-Qorti ta' Prim' Istanza jiġi depożitat bi żball mar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jiġi trażmess immedjatament mir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza; ukoll jekk ir-rikors jew att poċesswali ieħor li jkun indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi depożitat bi żball mar-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza, dan għandu jiġi trażmess immedjatament mir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Meta l-Qorti ta' Prim' Istanza issib li hi ma għandhiex komptenza biex tisma' u tistabbilixxi rikors li jaqa' taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-Qorti għandha tibgħat ir-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja; bl-istess mod, meta l-Qorti tal-Ġustizzja issib li rikors jaqa' taħt il-kompetenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza, din il-Qorti għandha tibgħat ir-rikors quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza, li mbaghad ma tkunx tista' ma tismax ir-rikors.

    Meta l-Qorti tal-Ġustiżja u l-Qorti ta' Prim' Istanza jkunu msejħa biex jistabbilixxu każijiet li jirrigwardaw l-istess talba, l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni li tkun sollevata jew li tirrigwarda kwistjoni tal-validità ta' l-istess att, il-Qorti ta' Prim' Istanza, wara li tisma liż-żewg partijiet, tista' tissospendi l-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat il-ġudizzju tagħha. Fejn ir-rikorsi jkunu magħmulha biex l-istess att jiġi dikjarat null, Il-Qorti ta' Prim' Istanza tista' tgħid li ma għandhiex kompetenza biex b'hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħti l-ġudizzju dwar dawn ir-rikorsi. Fil-każijiet imsemmija f'dan is-sub-paragrafu, l-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri quddiemha: f'din l-eventwalità, l-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom ikomplu.

    Artikolu 48

    Deċiżjonijiet finali tal-Qorti ta' Prim' Istanza, deċiżjonijiet li parzjalment jiddisponu dwar kwistjonijiet sustantivi jew jiddisponu dwar kwistjonijiet proċedurali li jikkonċernaw eċċezzjoni ta' nuqqas ta' kompetenza, għandhom ikunu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza lill-partijiet kif ukoll lill-Istati Membri kollha u lill-Istituzzjonijiet tal-Komunità anki jekk ma kenux intevjenew fil kawża quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Artikolu 49

    L-Appell jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni li kienet appellata, kontra id-deċiżjonijiet finali tal-Qorti ta' Prim' Istanza u deċiżjonijiet ta' dik il-Qorti li parzjalment iddisponiet mill-kwistjonijiet sostantivi jew iddisponiet mill-kwistjonijiet proċedurali li jirrigwardaw eċċezzjoni ta' nuqqas ta' kompetenza jew inammissibilità.

    Dan l-appell jista' jitressaq minn kull parti li ma kellhiex suċċess, kemm totalment kif ukoll parzjalment, fis-sottomissjonijiet tagħha. Madankollu, kjamati in-kawża li ma jkunux l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jressqu dan l-appell biss fiċ-ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza taffettwahom, direttament.

    Bl-eċċezzjoni tal-każijiet li jirrigwardaw kontroversji bejn il-Komunitajiet u l-impjegat tagħhom, appell jista' wkoll jistressaq minn Stat Membru u mill-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma' kenux intervjenew fil-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza. Dawn l-Istati Membri u dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikunu fl-istess pożizzjoni bħal dik ta' l-Istati Membri jew l-istituzzjoni li intervjenew fil-Prim' Istanza.

    Artikolu 50

    Kull persuna li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tagħha biex tintervjeni fil-kawża, tista' tappella lill-Qorti tal-Ġustiżja fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li ċaħdet ir-rikors.

    Il-persuni li qegħdin jieħdu sehem fil-proċeduri jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra kull deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza magħmulha skond it-tieni jew it-tielet paragrafi ta' l-Artikolu 39 jew it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat fi żmien xahrejn minn meta ġew innotifikati.

    Is-smigħ u d-determinazzjoni ta' l-appell imsejjaħ fl-ewwel żewg paragrafi ta' dan l-Artikolu għandhom isiru taħt il-proċedura msejħa fl-Artikolu 36 ta' dan l-Istatut.

    Artikolu 51

    Appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhu jkun biss fuq punti ta' liġi.Dan għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet relatati ma' l-inkompetenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza, fuq nuqqas ta' ħarsien ta' proċedura quddiemha li taffettwa b'mod ħażin l-interessi ta' l-appellant kif ukoll f‘abbuz tal-liġi tal-Komunità min-naħa tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Ma hemmx appell li jkun bażat biss fuq l-ammont ta' l-ispejjez jew ibbażat fuq l-ordni biex tħallas dawn l-ispejjeż.

    Artikolu 52

    Fejn appell ikun imressaq kontra deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza, l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonsisti f'parti bil-miktub u parti orali. Bi qbil mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun semgħat l-Avukati Ġenerali u l-partijiet, tista' tiddisponi mingħajr proċedura orali.

    Artikolu 53

    Mingħajr preġudizzju għal l-Artikoli 185 u 186 tat-Trattat, appell ma' għandhux effett ta' sospensjoni.

    Bħala deroga mill-Artikolu 187 tat-Trattat, id-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza li tiddikjara li regola hija nulla għandha jkollha effett biss mid-data ta' l-iskadenza tal-perjodu msejjaħ fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 49 ta' l-Istatut jew, jekk l-appell ikun ġie mressaq fil-perjodu, mid-data taċ-ċaħda ta' l-appell, mingħajr preġudizzju, madankollu, għad-dritt tal-parti biex tapplika għas-sospensjoni ta' l-effetti tar-regola li ġiet iddikjarata nulla jew għall-preskrizzjoni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' kull miżura provvisorja oħra, skond l-artikolu 185 u 186 ta' dan it-Trattat.

    Artikolu 54

    Jekk l-appell ikun magħmul fuq bażi soda, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Din il-Qorti stess tista' tagħti deċiżjoni finali fuq il-kwistjoni, fejn dan ikun permess mill-istat tal-proċeduri, jew tista' tirreferi l-każ lura lill-Qorti ta' Prim' Istanza biex tagħti ġudizzju.

    Meta każ ikun irriferut lura lill-Qorti ta' Prim' Istanza, dik il-Qorti hija fuq punti ta' liġi marbuta mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Meta appell li jkun imressaq minn Stat Membru jew minn Istituzzjoni tal-Komunità, li kienet intervjeniet fil-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza, ikollu bażi soda l-Qorti tal-Ġustizzja tista', jekk tikkonsidra neċessarju, tgħid liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza li ġiet annullata għandhom jiġu kunsidrati bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet fil-kawża."

    Artikolu 8

    L-Artikoli 44, 45 u 46 msejha aktar 'il fuq tal-Protokoll fuq l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ekonomika Ewropea għandhom isiru l-Artikoli 55, 56 u 57 rispettivament.

    Artikolu 9

    "TITOLU IV:

    IL-QORTI TA' PRIM ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Artikolu 45

    L-Artikolu 2 sa 8, u 13 sa 16 ta' dan l-Istatut għandhom japplikaw għall-Qorti ta' Prim' Istanza u l-membri tagħha. Il-ġurament imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jittieħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-deċiżjonijiet msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 6 għandhom jiġu adottati mill-Qorti wara s-seduta tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Artikolu 46

    Il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha taħtar lir-Reġistratur tagħha u tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw ix-xogħol tiegħu. L-Artikoli 9, 10 u 13 ta' dan l-Istatut għandhom jgħoddu għar-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza mutatis mutandis.

    Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom jistabbilixxu, bi qbil komuni, l-kondizzjonijiet li bihom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra li għandhom x'jaqsmu mal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom iservu xogħolhom lill-Qorti ta' Prim' Istanza biex hi tkun tista' tiffunzjona. Ċertu uffiċjali jew impjegati oħra għandhom ikunu responsabbli lejn ir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Artikolu 47

    Il-proċedura quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tiġi regolata minn Titolu III ta' dan l-Istatut, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 20 u 21.

    Tali dispożizzjoni hija preċiżata u dettaljata, skond dak li jirrikjedi r-regolament tal-proċedura stabbilit mir-Regoli tal-Proċedura skond l-Artikolu 32d (4) tat-Trattat.

    Minkejja r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 18, l-Avukat-Ġenerali jista' jagħti s-sottomissjonijiet raġonevoli tiegħu bil-miktub.

    Artikolu 48

    Jekk ir-rikors jew att proċesswali ieħor li jkun indirizzat lill-Qorti ta' Prim' Istanza jiġi depożitat bi żball mar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jiġi trażmess immedjatament mir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza; ukoll jekk ir-rikors jew att poċesswali ieħor li jkun indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi depożitat bi żball mar-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza, dan għandu jiġi trażmess immedjatament mir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Jekk il-Qorti ta' Prim' Istanza issib li ma għandhiex kompetenza biex tisma' u tistabbilixxi l-kawża li taqa' taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; u bl-istess mod, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-kawża taqa' taħt il-kompetenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza, din għandha tirriferiha lill-Qorti ta' Prim' Istanza, u din il-Qorti ma tkunx tista' ticħad il-kompetenza tagħha.

    Fejn il-Qorti tal-Ġustizzja u Qorti ta' Prim' Istanza jkunu msejħa biex jistabblixxu każijiet li jirrigwardaw l-istess talba, l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni li tkun sollevata jew li tirrigwarda kwistjoni tal-validità ta' l-stess att, il-Qorti ta' Prim' Istanza, wara li tisma' liż-żewg partijiet, tista' tissospendi l-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat il-ġudizzju tagħha. Fejn ir-rikorsi jkunu magħmulha għall-istess att biex ikun iddikjarat null, il-Qorti ta' Prim' Istanza tista' wkoll tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha biex tħalli lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq dawn ir-rikorsi. Fil-każijiet msejħa f'dan is-sub-paragrafu, l-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi ukoll li tissospendi l-proċeduri quddiemha; u f'dan il-każ, il-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom ikomplu.

    Artikolu 49

    Id-deċiżjonijiet finali tal-Qorti ta' Prim' Istanza, id-deċiżjonijiet fejn il-Qorti tiddisponi parzjalment dwar kwistjonijiet sostantivi, jew tiddisponi dwar kwistjonijiet proċedurali li jirrigwardaw eċċezzjoni ta' nuqqas ta' kompetenza jew inammissibbilità għandhom ikunu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza lill-partijiet kollha kif ukoll lill-Membri ta' l-Istati kollha u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità anke jekk ma' kenux intervjenu fil-kawża quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Artikolu 50

    Appell jista' jiġi mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni li kienet ġiet appellata, kontra d-deċiżjoni finali tal-Qorti ta' Prim' Istanza u deċiżjonijiet ta' dik il-Qorti li jiddisponu fuq kwistjonijiet parzjalment sostantivi, jew jiddisponu fuq kwistjonijiet proċedurali li jirrigwardaw eċċezzjoni ta' nuqqas ta' kompetenza jew inammissibilità.

    Appell bħal dan jista' jitressaq minn kull parti li kellha suċċess, totali jew parzjali, fis-sottomissjonijiet tagħha.

    Madankollu, kjamati in-kawża li ma jkunux l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jressqu dan l-appell biss fiċ-ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza taffettwahom, direttament.

    Bl-eċċezzjoni tal-każijiet li jirrigwardaw kontroversji bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, appell jista' wkoll jistressaq minn Stat Membru u mill-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma' kenux intervjenew fil-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza. Dawn l-Istati Membri u dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikunu fl-istess pożizzjoni bħal dik ta' l-Istati Membri jew l-istituzzjoni li intervjenew fil-Prim' Istanza.

    Artikolu 51

    Kull persuna li għamlet rikors biex tintervjeni fil-kawża u dan gie miċħud mill-Qorti ta' Prim' Istanza tista' tappella lill-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deciżjoni li ċaħdet ir-rikors.

    Il-partijiet fil-proċeduri jistgħu jappellaw lill-Qorti tal-Ġustizzja kontra kull deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza li hi meħuda skond l-artikolu 157 jew 158 jew it-tielet paragrafu ta' l-artikolu 164 tat-Trattat fi żmien xagħrejn minn meta jiġu notifikati.

    L-Appell imsejjaħ fl-ewwel żewġ paragrafi ta' l-artikolu għandu ikun mismugħ u determinat skond il-proċeduri msejħa fl-artikolu 37 ta' dan l-Istatut.

    Artikolu 52

    Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta' dritt. Għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet ta' nuqqas ta' kompetenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza, ksur ta' proċedura quddiemha li taffettwa b'mod hażin l-interessi ta' l-appellant kif ukoll ksur tal-liġi tal-Komunità mill-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Ma jistax ikun hemm appell li jkun jirrigwarda biss l-ammont ta' l-ispejjeż jew il-parti li għandha tħallashom.

    Artikolu 53

    Fejn appell ikun miġjub kontra deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza, l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonsisti f'parti bil-miktub u f'parti orali. Bi qbil mal-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun semgħat lill-Avukat-Ġenerali u lill-partijiet, tista' teżenta mill-proċedura orali.

    Artikolu 54

    Mingħajr preġudizzju għall-artikoli 157 u 158 tat-Trattat, appell ma għandux ikollu effett ta' sospensjoni.

    Bħala deroga minn dak li jgħid l-artikolu 159 tat-Trattat, id-deċizjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza li jiddikjaraw li regola għandha tkun nulla għandhom jidħlu fis-seħħ biss fid-data ta' l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 50 ta' dan l-Istatut jew, jekk appell ikun miġjub fiż-żmien ta' dan il-perjodu, mid-data taċ-ċaħda ta' l-appell, madankollu, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-parti li tappella lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-artikoli 157 u 158 ta' dan it-Trattat, għas-sospensjoni ta' l-effetti tar-regola li ġiet iddikjarata nulla jew għall-preskrizzjoni ta' kull miżura oħra provviżorja.

    Artikolu 55

    Jekk l-appell ikollu bażi soda, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Hi stess tista' tagħti l-ġudizzju finali fuq is-suġġett, fejn l-istat tal-proċeduri jippermettu, jew tirreferi lura l-każ lill-Qorti ta' Prim' Istanza biex tiddeċiedi.

    Fejn każ ikun ġie riferut lura lill-Qorti ta' Prim' Istanza, dik il-Qorti għandha tkun marbuta fuq-punti tad-dritt mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Fejn appell li jkun miġjub minn Stat Membru jew Istituzzjoni tal-Komunità li ma tkunx intervjeniet fil-proċeduri quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza ikun magħmul fuq bażi soda, l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk fl-opinjoni tagħha ikun neċessarju, tista' tgħid liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza li kienet ġiet annullata għandhom ikunu kunsidrati bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet fil-kawża."

    Artikolu 10

    L-artikoli li qabel kienu 45, 46, u 47 tal-Protokoll fuq l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika għandhom isiru l-Artikolu 56, 57 u 58 rispettivament.

    Artikolu 11

    L-ewwel President tal-Qorti ta' Prim' Istanza għandu jkun maħtur ghal tlett snin bl-istess mod bħall-membri tagħha. Iżda l-Ġvernijiet ta' l-Istati Membri jistgħu, bi qbil komuni, jiddeċiedu li l-proċedura stabbilita fl-artikolu 2(2) għandha tiġi użata.

    Il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha taddotta r-Regoli tagħha tal-Proċedura immedjatament hekk kif hi tkun ikkostitwita.

    Sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta' Prim' Istanza, r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 12

    Immedjatament wara li l-membri kollha tal-Qorti ta' Prim' Istanza ikunu ħadu l-ġurament, il-President tal-Kunsill għandu jgħaddi biex jagħżel bix-xorti lill-membri tal-Qorti ta' Prim' Istanza li ż-żmien tal-kariga tagħhom għandu jiskadi fl-aħħar ta' l-ewwel tliet snin skond l-artikoli 32d (3) tat-Trattat tal-ECSC, l-Artikolu 168a (3) tat-Trattat tal-KEE, u l-Artikolu 140a (3) tat-Trattat tal-EAEC.

    Artikolu 13

    Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara li tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 3, li għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti ta' Prim' Istanza ġiet ikkostitwita skond il-ligi.

    Artikolu 14

    Il-każijiet imsejħa fl-Artikolu 3 li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha konjizzjoni tagħhom fil-ġurnata li fiha l-Artikolu jidħol fis-seħħ iżda każijiet li fihom ikun hemm ir-rapport preliminarju msemmi fl-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma jkunx għadu ġie preżentat għandhom ikunu riferuti lura lill-Qorti ta' Prim' Istanza.

    Magħmulha fil-Lussemburgu, fl-24 ta' Ottubru 1988.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Th. Pangalos

    [1] ĠU Nru C 187, tat-18.7.1988, p. 227.

    --------------------------------------------------

    Top