EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31988D0540

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ottubru 1988 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu

ĠU L 297, 31.10.1988, p. 8–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1988/540/oj

Related international agreement
Related international agreement

31988D0540



Official Journal L 297 , 31/10/1988 P. 0008 - 0009
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 14 P. 0146
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 14 P. 0146


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

ta' l-14 ta' Ottubru 1988

dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu

(88/540/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130 (s) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-Komunità, flimkien ma' ħafna mill-Istati Membri tagħha ffirmat, fit-22 ta' Marzu 1985, il-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu;

Billi huwa stabbilit li l-emissjonijiet kontinwi ta' ċerti kloroflorokarbonji u alonji fuq il-livelli preżenti aktarx sejrin jikkawżaw ħsara sinifikanti fis-saff ta' l-ożonu; billi jeżisti konsensus internazzjonali li huwa meħtieġ tnaqqis sinifikanti kemm fil-produzzjoni kif ukoll fil-konsum ta' dawn is-sustanzi; billi d-Deċiżjonijiet 80/372/KEE [3] u 82/795/KEE [4] jipprovdu għall-kontrolli li huma b'effett limitat u li jkopru biss tnejn minn dawn is-sustanzi (KFK 11 u KFK 12);

Billi Protokoll supplimentari għall-Konvenzjoni ta' Vienna, il-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu, kien ġie nnegozjat u adottat fis-16 ta' Settembru 1987; billi l-Protokoll kien ġie ffirmat mill-Komunità u minn bosta mill-Istati Membri tiegħu;

Billi għall-ħarsien, għall-promozzjoni u għat-titjib ta' l-ambjent huwa meħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' Vjenna u l-Protokoll ta' Montreal, li hu bbażat fuq prinċipju ta' azzjoni preventiva sabiex tkun evitata ħsara ulterjuri għas-saff ta' l-ożonu u fuq id-data xjentifika u teknika li kienet disponibbli fiż-żmien meta ġew adottati;

Billi għal dak il-għan il-Komunità għandha tapprova l-imsemmija Konvenzjoni u Protokoll;

Billi huwa, neċessarju b'mod partikolari, li l-Komunità ssir Parti Kontraenti fil-Protokoll minħabba li ċerti disposizzjonijiet minnu jistgħu jitwettqu biss jekk il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri kollha tagħha jsiru Partijiet Kontraenti;

Billi sabiex l-obbligazzjonijiet kollha taħt il-Konvenzjoni u taħt il-Protokoll jitwettqu b'mod xieraq, huwa meħtieġ li l-Istati Membri kollha jsiru wkoll Partijiet Kontraenti;

Billi, barra minn dan, ċerti disposizzjonijiet tal-Protokoll, b'mod partikolari l-Artikolu 2(8), jistgħu japplikaw fil-Komunità biss jekk l-Istati Membri kollha jsiru Partijiet f'dak il-Protokoll;

Billi l-Istati Membri kollha għandhom jikkonkludu kemm jista' jkun malajr il-proċeduri tagħhom ta' adeżjoni u r-ratifika tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll rispettivament, bl-għan li jippermettu d-depożitu, kemm jista' jkun b'mod simultanju, ta' l-istrumenti ta' approvazzjoni, aċċettazzjoni, ratifika jew adeżjoni mill-Komunità u mill-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu qegħdin ikunu hawn approvati f'isem il-Komunità.

It-testi tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll jidhru fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jiddepożita l-atti ta' approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna u tal-Protokoll ta' Montreal f'isem il-Komunità mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, kif jinqara flimkien ma' l-Artikoli 14 u 16 tal-Protokoll ta' Montreal.

Fl-istess ħin, il-President għandu jiddepożita d-dikjarazzjoni ta' kompetenza li tinsab fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni, skond l-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, kif jinqara flimkien ma' l-Artikolu 14 tal-Protokoll ta' Montreal.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri, li għadhom ma għamlux dan, għandhom jieħdu, l-iktar tard sal-31 ta' Ottubru 1988, il-passi meħtieġa biex jippermettu d-depożitu, kemm jista' jkun b'mod simultanju, ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni fil-Konvenzjoni ta' Vjenna mill-Komunità u mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, kemm jista' jkun malajr, dwar id-deċiżjoni tagħhom biex jissieħbu fil-Konvenzjoni jew biex jirratifikawha, skond kif xieraq, jew dwar id-data prospettiva ta' meta għandhom ikunu ffinalizzati dawk il-proċeduri. Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tirranġa data għad-depożitu simultanju ta' l-istrumenti, li f'kull każ għandu jkun qabel l-1 ta' Jannar 1989.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jippermettu d-depożitu, kemm jista' jkun b'mod simultanju, qabel l-1 ta' Jannar 1989, ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll ta' Montreal, mill-Komunità u mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta' Novembru 1988, dwar id-deċiżjoni tagħhom biex jirratifikaw jew dwar id-data prospettiva ta' finalizzazzjoni tal-proċeduri ta' ratifika tagħhom. Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tirranġa data għad-depożitu simultanju ta' l-istrumenti, li f'kull każ għandu jkun qabel l-1 ta' Jannar 1989.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Ottubru 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

V. Papandreou

[1] ĠU C 187, tat-18.7.1988, pġ. 46.

[2] ĠU C 208, tat-8.8.1988, pġ. 3.

[3] ĠU L 90, tat-3.4.1980, pġ. 45.

[4] ĠU L 329, tal-25.11.1982, pġ. 29.

--------------------------------------------------

Top