EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31976L0621

Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Lulju 1976 dwar l-iffissar tal-livell massimu ta’ aċidu erukiku fiż-żjut u x-xaħmijiet maħsubin bħala tali għall-konsum mill-bniedem u fl-oġġetti ta’ l-ikel li fihom żjut u xaħmijiet miżjudin

ĠU L 202, 28.7.1976, p. 35–37 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2015; Imħassar b' 32015R2284

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1976/621/oj

31976L0621



Official Journal L 202 , 28/07/1976 P. 0035 - 0037
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0026
Greek special edition: Chapter 03 Volume 16 P. 0049
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0026
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0029
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 5 P. 0029


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta’ l-20 ta’ Lulju 1976

dwar l-iffissar tal-livell massimu ta’ aċidu erukiku fiż-żjut u x-xaħmijiet maħsubin bħala tali għall-konsum mill-bniedem u fl-oġġetti ta’ l-ikel li fihom żjut u xaħmijiet miżjudin

(76/621/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-amministrazzjoni ta’ dożi kbar ta’ żejt tal-kolza fuq annimali esperimentali wriet li din tipproduċi effetti mhux mixtieqa, iżda billi ma ġiex muri li dawn l-effetti jistgħu jseħħu fil-bniedem;

Billi dawn l-effetti jidhru li jseħħu l-aktar minħabba l-aċidu erukiku, wieħed mill-komponenti ta’ dan iż-żejt;

Billi żjut u xaħmijiet oħra fihom l-aċidu erukiku;

Billi bħalissa għaddejja aktar riċerka dwar iż-żejt taż-żerriegħa tar-rapa u ż-żjut u xaħmijiet oħra, iżda bħala prekawzjoni l-inġestjoni ta’ l-aċidu eruċiku għandu jiġi ristrett sakemm ikunu magħrufin dawn ir-riżultati;

Billi biex jintlaħaq dan l-għan għandu jiġi stabbilit livell massimu għall-kontenut erukiku taż-żjut u x-xaħmijiet, u l-oġġetti ta’ l-ikel li jkun ġie miżjud magħhom; Billi, iżda, huwa possibbli, bl-ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem, li l-oġġetti ta’ l-ikel b’kontenut baxx ta’ xaħmijiet totali jiġu esklużi mill-iskop ta’ din id-Direttiva;

Billi għal dan l-iskop, għandu jiġi adottat livell massimu, li jsir applikabbli mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1979, li fin-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika preċiża u definittiva dwar il-materja u wara li jiġi kkunsidrat l-iżvilupp kwalitattiv tal-produzzjoni taż-żerriegħa tal-kolza fil-Komunità, jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

Billi, f’kull każ, il-livell ta’ l-aċidu erukiku ma għandux ikun aktar minn 10 % mill-1 ta’ Lulju 1977;

Billi ċerti Stati Membri diġà stabbilew livelli massimi ta’ l-aċidu erukiku fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti nvoluti u mudelli ta’ dieta skond il-ħtiġiet mitluba mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

Billi l-metodi tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi meħtieġa biex jiġi stabbilit il-livell ta’ l-aċidu erukiku fil-prodotti kkunsidrati huma miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ natura teknika; billi l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni sabiex tissimplifika u tħaffef il-proċedura;

Billi fil-każijiet kollha li fihom il-Kunsill jikkonferixxi lill-Kummissjoni l-awtorità li timplimenta regoli fir-rigward ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, għandha tiġi stabbilita proċedura li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 1969 [3],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha tapplika:

(a) għaż-żjut, ix-xaħmijiet u t-taħlitiet tagħhom li huma maħsubin bħala tali għall-konsum tal-bniedem,

(b) għall-oġġetti ta’ l-ikel komposti li jkunu ġew miżjudin bi żjut, xaħmijiet jew taħlitiet tagħhom u li l-kontenut globali tagħhom jaqbeż il-5 %; l-Istati Membri jistgħu, iżda, japplikaw ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal dawn l-oġġetti ta’ l-ikel meta l-kontenut tax-xaħam tagħhom ikun daqs jew inqas minn 5 %.

Artikolu 2

1. Mill-1 ta’ Lulju 1979 l-aktar tard, il-livell ta’ l-aċidu erukiku tal-prodotti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1, ikkalkulat fuq il-livell totali ta’ l-aċidi grassi fil-komponent tax-xaħam, ma jistax ikun akbar minn 5 %.

2. F’kull każ, mill-1 ta’ Lulju 1977, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu livell ta’ aċidu erukiku li ma jaqbiżx l-10 %.

Artikolu 3

Il-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni u l-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa biex jistabbilixxu l-livell ta’ l-aċidu erukiku tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura mogħtija fl-Artikolu 5.

Artikolu 4

1. Fejn Stat Membru, bħala riżultat ta’ informazzjoni ġdida jew ta’ stima mill-ġdid ta’ l-informazzjoni eżistenti magħmula minn meta tkun ġiet adottata d-Direttiva, ikollu raġunijiet dettaljati biex jistabbilixxi li l-livelli massimi ta’ l-aċidu erukiku stabbiliti fl-Artikolu 2 jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem għalkemm dawn jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, dak l-Istat Membru jista’ temporanjament jissospendi jew jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fit-territorju tiegħu. Għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kumissjoni b’dan u għandu jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-aktar fis possibbli r-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat u għandha tikkonsulta lill-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel u imbagħad għandha tagħti l-opinjoni tagħha minnufih u tieħu l-miżuri li hemm bżonn.

3. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun hemm bżonn ta’ emendi għad-Direttiva sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, għandha tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5, bil-ħsieb li dawn l-emendi jiġu adottati; l-Istat Membru li jkun adotta l-miżuri ta’ salvagwardja jista’ f’dak il-każ iżommhom sakemm l-emendi jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 5

1. Fejn għandha tiġi segwita l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, il-każ għandu jiġi riferut mingħajr dewmien lill-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 1969 (minn issa ‘l quddiem magħruf bħala ‘il-Kumitat’) mill-President tiegħu, jew fuq l-inizzjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ rappreżentant ta’ xi Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dak l-abbozz fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President wara li jikkunsidra l-urġenza tal-każ. L-opinjonijiet għandhom jiġu adottati b’maġġoranza ta’ 41 vot, bil-voti ta’ l-Istati Membri jiġu peżati hekk kif provdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Fejn il-miżuri maħsubin huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tadotthom.

(b) Jekk il-miżuri maħsubin mhumiex konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti minnufih proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

(ċ) Jekk, fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-proposta, il-Kunsill ikun għadu ma ħax azzjoni, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

L-Artikolu 5 għandu japplika għal perjodu ta’ 18-il xahar mid-data li fiha l-materja tkun ġiet riferuta lill-Kumitat taħt l-Artikolu 5(1).

Artikolu 7

1. Qabel l-1 ta’ Jannar 1977, l-Istati Membri għandhom jekk hemm bżonn jemendaw il-liġijiet tagħhom biex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandhom jinfurmaw minufih lill-Kummissjoni.

2. Il-liġijiet hekk emendati għandhom japplikaw għal dawk il-prodotti li l-ewwel tqegħdu fis-suq wara l-1 ta’ Lulju 1977 u l-1 ta’ Lulju 1979, rispettivament.

Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula Brussel, fl-20 ta’ Lulju 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

A.P.L.M.M. van der Stee

[1] ĠU Ċ 280, 8.12.1975, p. 13.

[2] ĠU Ċ 286, 15.12.1975, p. 39.

[3] ĠU L 291, 29.11.1969, p. 9.

--------------------------------------------------

Top