Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31972L0166

    Id-Direttiva Tal-Kunsill ta’ l-24 ta’April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà

    ĠU L 103, 2.5.1972, p. 1–4 (DE, FR, IT, NL)
    Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1972(II) P. 360 - 362

    Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/10/2009; Imħassar b' 32009L0103

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1972/166/oj

    31972L0166



    Official Journal L 103 , 02/05/1972 P. 0001 - 0004
    Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0111
    Danish special edition: Series I Chapter 1972(II) P. 0345
    Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0111
    English special edition: Series I Chapter 1972(II) P. 0360
    Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0136
    Spanish special edition: Chapter 13 Volume 2 P. 0113
    Portuguese special edition Chapter 13 Volume 2 P. 0113


    Id-Direttiva Tal-Kunsill

    ta’ l-24 ta’ April 1972

    dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà

    (72/166/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

    Billi l-għan tat-Trattat huwa li joħloq suq komuni li jkun bażikament simili għal suq domestiku, u billi waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali biex dan jintlaħaq hi li jseħħ il-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni;

    Billi l-uniku skop għal kontrolli fuq il-fruntieri ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ kopertura kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur hija li jkun hemm salvagwardja għall-interessi ta’ persuni li jistgħu ikunu vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi; billi l-eżistenza ta’ dawn il-kontrolli fil-fruntieri tirriżulta minn disparitajiet bejn il-ħtiġijiet nazzjonali f’dan il-qasam;

    Billi dawn id-disparitajiet jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta’ vetturi bil-mutur u persuni fil-Komunità; billi, konsegwentement, dawn għandhom effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni;

    Billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ġunju 1968 dwar il-kontroll doganali ta’ vjaġġaturi li jaqsmu l-fruntieri intra-Komunitarji titlob lill-Istati Membri biex iwettqu kontrolli fuq vjaġġaturi u l-vetturi bil-mutur tagħhom biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u li jneħħu l-barrieri fiżiċi fil-kollokamenti doganali;

    Billi huwa mixtieq li l-abitanti ta’ l-Istati Membri għandhom isiru aktar konxji tar-realtà tas-suq komuni u li għal dan l-iskop għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu lliberalizzati iktar ir-regoli rigward il-moviment ta’ persuni u vetturi bil-mutur li jivjaġġaw bejn Stati Membri; billi l-ħtieġa għal dawn il-miżuri kienet ripetutament enfasizzata minn membri tal-Parlament Ewropew;

    Billi dan ir-rilassament tar-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ moviment ta’ vjaġġaturi jikkonstitwixxi pass ieħor lejn il-ftuħ reċiproku tas-swieq tagħhom minn Stati Membri u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet simili għal dawk tas-suq domestiku;

    Billi t-tneħħija ta’ kontrolli tal-kartolini ħodor għal vetturi normalment ibbażati fi Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tista’ tkun effettwata permezz ta’ ftehim bejn is-sitt bureaux nazzjonali ta’ l-assiguraturi, fejn kull bureau nazzjonali kien jiggarantixxi kumpens skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ xi telf jew inġurja li hu intitolat għal kumpens ikkawżat fit-territorju tiegħu minn waħda minn dawk il-vetturi, kemm jekk assigurata u kemm jekk le;

    Billi din il-garanzija tippresupponi li l-vetturi bil-mutur Komunitarji kollha li jivjaġġaw fit-territorju tal-Komunità huma koperti b’assigurazzjoni; billi l-liġi nazzjonali ta’ kull Stat Membru għandha, għalhekk, tipprovdi għall-assigurazzjoni obbligatorja ta’ vetturi kontra impenn ċivili, u l-assigurazzjoni għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Komunità; billi din il-liġi nazzjonali tista’ madankollu tipprovdi għal eżenzjonijiet għal ċerti persuni u għal ċerti tipi ta’ vetturi;

    Billi s-sistema prevista f’din id-Direttiva tista’ tiġi estiża għal vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ kull pajjiż mhux membru li fir-rigward tiegħu l-bureaux nazzjonali tas-sitt Stati Membri jkunu kkonkludew ftehim simili;

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    1. "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi bl-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

    2. "il-parti inġurjata" tfisser kull persuna ntitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi;

    3. "il-bureau nazzjonali ta’ l-assiguraturi" jfisser organizzazzjoni professjonali li tkun ikkonstitwita skond ir-Rakommandazzjoni Nru 5 adottata fil-25 ta’ Jannar 1949 mis-Sub-Kumitat għat-Trasport bit-Triq tal-Kumitat tat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjoni Uniti u li tiġbor flimkien impriżi ta’ l-assigurazzjoni li, fi Stat, huma awtorizzati li jikkonduċu negozju dwar l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra r-responsabbiltà ċivili;

    4. "territorju li fih il-vettura normalment tkun ibbażata" jfisser

    - it-territorju ta’ l-Istat li fih il-vettura tkun irreġistrata; jew

    - fil-każijiet meta l-ebda reġistrazzjoni ma tkun meħtieġa għal tip ta’ vettura imma l-vettura jkollha pjanċa ta’ l-assigurazzjoni, jew sinjal li jiddistingwiha analogu għall-pjanċa tar-reġistrazzjoni, it-territorju ta’ l-Istat li fih il-pjanċa ta’ l-assigurazzjoni jew is-sinjal ikun maħruġ; jew

    - fil-każijiet meta la l-pjanċa tar-reġistrazzjoni u lanqas il-pjanċa li tiddistingwiha ma tkun meħtieġa għal ċerti tipi ta’ vetturi, it-territorju ta’ l-Istat li fih il-persuna li jkollha l-kustodja tal-vettura tkun residenti permanenti;

    5. "kartolina ħadra" tfisser iċ-ċertifikat internazzjonali ta’ l-assigurazzjoni maħruġ f’isem bureau nazzjonali skond ir-Rakkomandazzjoni Nru 5 adottaa fil-25 ta’ Jannar 1949 mis-Sub-kumitat tat-Trasport bit-Triq tal-Kumitat għat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjoni Uniti.

    L-Artikolu 2

    1. L-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jwettqu kontrolli fuq assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili rigward vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jagħmlu dawn il-kontrolli ta’ l-assigurazzjoni fuq vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ pajjiż mhux membru li jidħlu fit-territorju tagħhom mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. L-Istati Membri, jistgħu, madankollu jwettqu kontrolli każwali.

    2. F’dak li jirrigwarda vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ Stat Membru, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikoli 3 u 4, għandhom jidħlu fis-seħħ:

    - wara li ftehim ikun ġie konkluż bejn is-sitt bureaux nazzjonali ta’ assiguraturi skond it-termini li kull bureau nazzjonali jiggarantixxi s-sodisfazzjon tagħhom, skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tiegħu proprja dwar l-assigurazzjoni obbligatorja, ta’ talbiet fir-rigward ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tiegħu, ikkaġunati minn vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kemm jekk dawn il-vetturi huma assigurati u kemm jekk le;

    - mid-data stabbilita mill-Kummissjoni, malli hi tkun aċċertat f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri li ftehim bħal dan ikun ġie konkluż;

    - għat-tul ta’ dak il-ftehim.

    L-Artikolu 3

    1. Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li l-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni jkopri wkoll:

    - skond il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew inġurja kkawżata fit-territorju ta’ dawk l-Istati;

    - kull telf jew inġurja sofferta minn ċittadini ta’ Stati Membri tul vjaġġ dirett bejn żewġ territorji li fihom it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea jkun fis-seħħ, jekk ma jkun hemm l-ebda bureau nazzjonali ta’ l-assiguraturi responsabbli għat-territorju li jkun qed jinqasam; f’dak il-każ, it-telf jew inġurja għandha tkun koperta skond il-liġijiet interni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-vettura tkun normalment ibbażata.

    L-Artikolu 4

    Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga ta’ l-Artikolu 3 fir-rigward ta’:

    (a) ċerti persuni fiżiċi jew legali, pubbliċi jew privati; il-lista ta’ dawn il-persuni għandha titfassal mill-Istat ikkonċernat u kkomunikat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    Stat Membru li jidderoga hekk għandu jieħu l-mużuri approprjati biex jassigura li jitħallas kumpens fir-rigward ta’ xi telf jew inġurja kkawżata fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn minn vetturi li jappartienu għal dawn il-persuni. Għandu jinnomina b’mod partikolari awtorità jew korp fil-pajjiż fejn it-telf jew l-inġurja sseħħ li jkun responsabbli għall-kumpens tal-partijiet inġurjati skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat f’każijiet meta l-proċedura prevista fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) ma tkunx applikabbli. Għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda;

    (b) ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali; il-lista ta’ dawn it-tipi jew ta’ dawn il-vetturi għandha titfassal mill-Istat ikkonċernat u tiġi kkomunikata lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni.

    F’dak il-każ, l-Istati Membri l-oħrajn għandhom iżommu d-dritt li jeħtieġu, mad-dħul fit-territorju tagħhom ta’ din il-vettura, li l-persuna li jkollha l-kustodju tagħha jkollha fil-pussess tagħha kartolina ħadra valida jew li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-fruntiera li jkun konformi mal-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

    L-Artikolu 5

    Kull Stat Membru għandu jassigura li, meta inċident fit-territorju tiegħu ikun ikkawżat minn vettura li normalment hija bbażata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-bureau nazzjonali ta’ l-assiguraturi għandu, mingħajr preġudizzju għall-obbligu msemmi fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(2), jottieni informazzjoni:

    - dwar it-territorju li fih il-vettura tkun normalment ibbażata, u dwar il-marka tar-reġistrazzjoni tagħha, jekk ikun hemm;

    - safejn ikun possibli, dwar id-dettalji ta’ l-assigurazzjoni tal-vettura, kif dawn normalment jidhru fuq il-kartolina ħadra, li jkunu fil-pussess tal-persuna li jkollha l-kustodja tal-vettura, safejn dawn id-dettalji huma meħtieġa mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-vettura normalment tkun ibbażata.

    Kull Stat Membru għandu wkoll jassigura li l-bureau jikkomunika din l-informazzjoni lill-bureau nazzjonali ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu il-vettura tkun normalment ibbażata.

    L-Artikolu 6

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ pajjiż mhux membru jew f’territorju mhux Ewropew ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju li fih it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea jkun fis-seħħ m’għandhomx jintużaw fit-territorju tiegħu sakemm xi telf jew inġurja ikkawżata minn dawk il-vetturi ma tkunx koperta, skond il-ħtiġiet tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri varji dwar l-assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi, matul it-territorju li fih it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea jkun fis-seħħ.

    L-Artikolu 7

    1. Kull vettura normalment ibbażata fit-territorju ta’ pajjiż mhux membru jew fit-territorju mhux Ewropew ta’ Stat Membru għandha, qabel ma tidħol fit-territorju li fih it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea jkun fis-seħħ, tkun ipprovduta jew b’kartolina ħadra valida jew b’ċertifikat ta’ assigurazzjoni tal-fruntiera li jistabbilixxi li l-vettura hi assigurata skond l-Artikolu 6.

    2. Madankollu, vetturi normalment ibbażati f’pajjiż mhux membru għandhom ikunu ittrattati bħal vetturi normalment ibbażati fil-Komunità jekk il-bureaux nazzjonali kollha ta’ l-Istati Membri jiggarantixxu flimkien, kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali proprja tiegħu dwar assigurazzjoni obbligatorja, sodisfazzjon ta’ talbiet fir-rigward ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom ikkaġunati minn dawn il-vetturi.

    3. Malli jkun ġie aċċertat, b’kooperazjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, li l-obbligi msemmija fil-paragrafu preċedenti jkunu ġew assunti, il-Kummissjoni għandha tiffissa d-data li minnha u t-tipi ta’ vetturi li dwarhom l-Istati Membri m’għandhomx aktar jeħtieġu l-produzzjoni tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1.

    L-Artikolu 8

    L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1973, iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessarji biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

    L-Artikolu 9

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fl-24 ta’April 1972.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. Thorn

    --------------------------------------------------

    Top