Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22010D0575

    2010/575/UE: Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan tas- 16 ta’ Settembru 2010 li temenda l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

    ĠU L 253, 28.9.2010, p. 60–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/575/oj

    28.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 253/60


    DEĊIŻJONI Nru 1/2010 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-ĠORDAN

    tas-16 ta’ Settembru 2010

    li temenda l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

    (2010/575/UE)

    IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 3 (1) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), jippermetti, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, ir-rifużjoni tad-dazji doganali jew ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti, jew l-eżenzjoni minnhom, sal-31 ta’ Diċembru 2009.

    (2)

    Biex tiġi żgurata ċ-ċarezza, il-previdibbiltà ekonomika fit-tul u ċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi, il-partijiet għall-Ftehim qablu li jestendu l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 3 għall-Ftehim bi tliet snin, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

    (3)

    Minbarra dan, ir-rati ta’ ħlasijiet doganali attwalment applikabbli fil-Ġordan għandhom jiġu aġġustati sabiex jiġu allineati ma’ dawk li japplikaw fl-Unjoni Ewropea.

    (4)

    Il-Protokoll 3 għall-Ftehim għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

    (5)

    Billi l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ma jibqax japplika wara l-31 ta’ Diċembru 2009, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ oriġini” u dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Ġordan jista’, ħlief għal prodotti li jaqgħu fi ħdan il-Kapitoli 1 sa 24 tas-Sistema Armonizzata, japplika arranġamenti għal rifużjoni ta’, jew eżenzjoni minn, dazji doganali jew ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti, applikabbli għal materjali mhux oriġinarji użati fil-manifattura ta’ prodotti oriġinarji, soġġett għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    għandha tinżamm rata ta’ 4 % ta’ ħlas doganali fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-Kapitoli 25 sa 49 u 64 sa 97 tas-Sistema Armonizzata, jew kwalunkwe rata akatr baxxa li tkun fis-seħħ fil-Ġordan;

    (b)

    għandha tinżamm rata ta’ 8 % ta’ ħlas doganali fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-Kapitoli 50 sa 63 tas-Sistema Armonizzata, jew kwalunkwe rata aktar baxxa li tkun fis-seħħ fil-Ġordan.

    Dan il-paragrafu għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2012 u jista’ jiġi rivedut bi qbil komuni”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2010.

    Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 209, 31.7.2006, p. 31.

    (2)  ĠU L 283, 26.10.2005, p. 10.


    Top