EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22007D0460

2007/460/KE: Deċiżjoni Nru 1/2007 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tal- 25 ta’ Mejju 2007 dwar ir-riallokazzjoni ta’ parti mir-riżerva tal-pakkett tad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għal żvilupp fit-tul għall-allokazzjoni għall-kooperazzjoni intra-AKP fil-pakkett tad-9 FEŻ għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali

ĠU L 175, 5.7.2007, p. 31–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/460/oj

5.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 175/31


DEĊIŻJONI Nru 1/2007 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE

tal-25 ta’ Mejju 2007

dwar ir-riallokazzjoni ta’ parti mir-riżerva tal-pakkett tad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għal żvilupp fit-tul għall-allokazzjoni għall-kooperazzjoni intra-AKP fil-pakkett tad-9 FEŻ għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali

(2007/460/KE)

IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) kif rivedut bil-Ftehim (2) li jemenda l-imsemmi Ftehim dwar is-Sħubija AKP-KE, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, u partikolarment it-8 paragrafu ta’ l-Anness I tiegħu,

Billi:

(1)

Wara t-tlestija tar-reviżjonijiet fi tmien il-mandat tad-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“FEŻ”) skond l-Artikoli 5 u 11 ta’ l-Anness IV tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, l-allokazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-ħtiġijiet u l-prestazzjoni attwali.

(2)

Il-fondi riżervati għall-finanzjament ta’ appoġġ għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali u d-diżimpenji mistennija trasferiti f’din ir-riżerva qabel it-tmiem ta’ l-2007 huma insuffiċjenti biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ġodda biex jiżdied l-impatt ta’ l-attivitajiet ta’ l-intra-AKP.

(3)

Il-fondi addizzjonali għandhom jiġu allokati biex jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ finanzjament intra-AKP għall-FLEX għas-snin 2006 u 2007 (snin ta’ applikazzjoni 2005 u 2006 rispettivament), biex b’hekk ikun żgurat appoġġ minimu lil dawk il-pajjiżi vittmi ta’ effetti negattivi ta’ l-instabbilità fid-dħul mill-esportazzjoni huma x’inhuma l-livelli tal-bilanċi taħt il-pakketti-B nazzjonali.

(4)

Il-bilanċi mhux impenjati tal-pakketti-B nazzjonali jistgħu ma jkoprux il-ħtiġijiet mistennija u għandhom jiġu trasferiti fir-riżerva intra-AKP fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, biex jinħolqu ħames pakketti-B reġjonalizzati għall-finanzjament ta’ assistenza umanitarja u ta’ emerġenza fil-futur f’kull wieħed minn dawn ir-reġjuni, abbażi tas-solidarjetà reġjonali, u riżerva intra-AKP għall-assistenza ta’ emerġenza taħt l-Artikolu 72(3)(a) u (b) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE f’ċirkustanti eċċezzjonali fejn tali assistenza ma tkunx tista’ tiġi ffinanzjata mill-baġit Komunitarju.

(5)

Il-pakkett-B reġjonalizzat għall-Afrika tal-Lvant u ta’ Nofsinhar u ta’ l-Oċean Indjan hu ammont nett wara t-tnaqqis ta’ EUR 20 miljun li jikkumpensa għaż-żieda ad hoc fil-pakkett-B tas-Sudan iffinanzjat mir-riżerva għall-iżvilupp fit-tul; l-ebda pakkett-B reġjonalizzat mhu qed jinħoloq għall-Paċifiku peress li l-bilanċi tal-pakketti-B diġà ġew użati fil-parti l-kbira tagħhom għal programm mitiganti fil-każ ta’ diżastru naturali.

(6)

Riżorsi addizzjonali għandhom jiġu allokati biex ifornu l-Faċilità għall-Paċi Afrikana għas-sena 2007.

(7)

Għandhom jiġu allokati riżorsi addizzjonali għall-finanzjament ta’ parti mill-ispejjeż operattivi tas-Segretarjat ta’ l-AKP għas-sena 2008 biex ikopru l-perijodu sakemm jidħol fis-seħħ l-għaxar FEŻ.

(8)

Għandhom jiġu allokati riżorsi addizzjonali biex tissaħħaħ il-faċilità ta’ kooperazzjoni teknika intra-AKP, li hija primarjament użata biex tkopri ħtiġijiet ta’ assistenza teknika, speċjalment għat-tħejjija ta’ proġetti.

(9)

Ġiet mitluba kontribuzzjoni addizzjonali lill-Fond Globali kontra l-HIV/AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja (GFATM).

(10)

Fil-Kunsill AKP-KE fit-2 ta’ Ġunju 2006 ġiet identifikata ħtieġa għal kontribuzzjoni ulterjuri għan-Netwerk Karibew ta’ l-Għarfien u t-Tagħlim għall-bini tal-kapaċità u l-appoġġ internazzjonali.

(11)

Għandha tiġi stabbilita riżerva prudenzjali żgħira biex tkun tista’ tiltlaħaq il-ħtieġa ta’ l-intra-AKP ġdida u mhux mistennija fil-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2007, inklużi l-ħtiġijiet ta’ riabilitizzazzjoni possibbli ta’ wara diżastru naturali fir-reġjun tal-Paċifiku li jistgħu jkunu impenjati qabel l-aħħar ta’ l-2007 u ma jistgħux ikunu koperti mill-ħtiġijiet imprevisti tal-pakkett-B reġjonalizzat, u biex jintlaħqu ħtiġijiet transizzjonali addizzjonali fl-2008.

(12)

Il-fondi taħt id-disa’ FEŻ, inklużi d-diżimpenji mistennija, ma jistgħux jibqgħu jiġu impenjati wara l-31 ta’ Diċembru 2007 u għandu jinstab mekkaniżmu biex jiġu impenjati bilanċi eżistenti qabel din id-data b’mod effikaċi u effettiv b’appoġġ għall-għanijiet ġenerali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE,

IDDEĊIEDA KIF GEJ:

Artikolu 1

Riforniment tar-riżerva intra-AKP fil-pakkett tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali

1.   Il-fondi kollha disponibbli fir-riżera għall-iżvilupp fit-tul fil-31 ta’ Marzu 2007 u aġġustati għar-riżultati tad-deċiżjonijiet ta’ tmiem il-mandat li kienu għandhom ma ġewx ipproċessati fil-kontijiet f’dik id-data, bl-eċċezzjoni tal-fondi li jappoġġaw il-baġits taċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta’ l-Intrapriża (CDE) u ċ-Ċentru Tekniku għall-Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (CTA) (EUR 32 miljun) għall-2008, il-fondi għall-“programmi b’riskju għoli” f’pajjiżi b’dokument ta’ strateġija għall-pajjiż iffirmat (EUR 72,4 miljun mill-1.3.2007), il-fondi għall-prijoritajiet politiċi f’pajjiżi mingħajr dokument ta’ strateġija għall-pajjiż iffirmat (EUR 30,2 miljun mill-1.3.2007) u l-fondi għall-programm ta’ assistenza speċjali tas-Somalja (EUR 36,1 miljun), għandhom jiġu trasferiti fir-riżerva intra-AKP fil-pakkett għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali.

2.   Il-fondi kollha mwarrba taħt ir-riżerva li tappoġġa l-baġits tas-CDE u s-CTA għall-2008 għall-finanzjament ta’ “programmi b’riskju għoli” f’pajjiżi b’dokument ta’ strateġija għall-pajjiż iffirmat u għall-finanzjament ta’ prijoritajiet politiċi f’pajjiżi mingħajr dokument ta’ strateġija għall-pajjiż iffirmat kif imsemmi fil-paragrafu 1 li jkunu għadhom mhux impenjati tal-31 ta’ Ottubru 2007 għandhom jiġu trasferiti fir-riżerva intra-AKP fil-pakkett għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali.

3.   Id-diżimpenji kollha mid-disa’ FEŻ u FEŻ preċedenti mibdija fi-sistema ta’ kontabbiltà tal-Kummissjoni mill-1 ta’ April tal-31 ta’ Diċembru 2007 li jakkumulaw mar-riżerva għall-iżvilupp fit-tul għandhom jiġu trasferiti fir-riżerva intra-AKP fil-pakkett għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali.

4.   Il-fondi kollha li jibqa’ taħt il-programmi indikattivi nazzjonali li jsiru disponibbli taħt ir-riżerva għall-iżvilupp fit-tul bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2007 għandhom jiġu trasferiti fir-riżerva intra-AKP fil-pakkett għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali.

Artikolu 2

Allokazzjoni tal-fondi intra-AKP

1.   Il-fondi disponibbli fir-riżerva intra-AKP għandhom jintużaw għal dawn l-għanijiet:

(a)

il-ħolqien ta’:

(i)

riżerva waħda ta’ intra-AKP miftuħa għall-Istati AKP kollha għall-assistenza ta’ emerġenza taħt l-Artikolu 72(3)(a) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn tali assistenza ma tistax tkun iffinanzjata mill-baġit Komunitarju; dan il-pakkett għandhom jammonta għal EUR 26 741 326 u għandu jkun kostitwit billi jittieħdu 15 % ta’ l-ammonti ta’ bilanċi mhux impenjati li jibqgħu fil-pakketti-B tal-pajjiżi kostitwenti ta’ dawk ir-reġjuni msemmija taħt il-punt (ii) fid-data li fiha daħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet ta’ riallokkazzjoni tat-tmiem tal-mandat;

(ii)

ħames pakketti-B reġjonalizzati li jammontaw għal EUR 17 511 615 għar-reġjun ta’ l-Afrika t’Isfel, EUR 48 920 391 għar-reġjun ta’ l-Afrika t’Isfel u tal-Lvant u l-Oċean Indjan, EUR 31 945 340 għar-reġjun tal-Punent ta’ l-Afrika, EUR 16 139 355 għar-reġjun taċ-Ċentru ta’ l-Afrika u EUR 35 422 478 għar-reġjun tal-Karibew, ibbażati fuq 85 % ta’ l-ammonti tal-bqija tal-bilanċi mhux impenjati fil-pakketti-B tal-pajjiżi li jiffurmaw dawn ir-reġjuni fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet ta’ riallokazzjoni finali;

il-pakketti-B reġjonalizzati għandhom jiġu mobilizzati għall-kontribuzzjonijiet ta’ inizjattivi biex itaffu d-dejn approvati fuq livell internazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 3(2)(b) ta’ l-Anness IV tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u għall-assistenza umanitarja u ta’ emerġenza skond l-Artikoli 72 u 73 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE abbażi tas-solidarjetà internazzjonali f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn tali assistenza ma tistax tiġi ffinanzjata mill-baġit Komunitarju;

(b)

il-ħolqien ta’ programm FLEX intra-AKP ta’ EUR 50 miljun għall-2006 (sena ta’ applikazzjoni 2005) sabiex ikun żgurat appoġġ minimu lil dawk il-pajjiżi vittma ta’ l-effetti negattivi ta’ l-instabilità fid-dħul tagħhom mill-esportazzjoni hu x’inhu l-livell tal-bilanċi mhux impenjati taħt il-pakketti-B nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet ta’ riallokazzjoni finali;

(ċ)

il-forniment tal-Faċilità għall-Paċi Afrikana għal ammont ta’ mhux aktar minn EUR 100 miljun bħala kontribuzzjoni ulterjuri tal-FEŻ diex jitnaqqas id-distakk finanzjarju sad-dħul fis-seħħ ta’ l-Għaxar FEŻ, għal diversi attivitajiet għall-appoġġ tal-paċi, taħriġ u bini tal-kapaċità, li minnu EUR 45 miljun abbażi tal-fondi intra-AKP disponibbli qabel il-forniment tiegħu msemmi fl-Artikolu 1 u EUR 35 miljun wara dan il-forniment u ammont addizzjonali ta’ 20 miljun li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fondi mhux impenjati mir-riżervi prudenzjali msemmija fil-punti (h) u (i) jew mid-diżimpenji trasferiti għar-riżerva intra-AKP taħt l-Artikolu 1(3) u (4) f’eċċess ta’ stimi inizjali;

(d)

jiġi kkumplimentat l-appoġġ istituzzjonali mogħti lis-Segretarjat AKP sbiex tkun żgurata t-transizzjoni sad-dħul fis-seħħ ta’ l-għaxar FEŻ b’ammont ta’ EUR 5,5 miljuni biex jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ tħaddim tas-Segretarjat AKP għas-sena 2008;

(e)

iż-żieda ta’ EUR 2,5 miljuni lill-faċilità ta’ kooperazzjoni teknika intra-AKP;

(f)

il-mobilizzazzjoni ta’ EUR 4 miljun bħala trasferiment ‘il quddiem urġenti għal programm ta’ l-eradikazzjoni tar-rinderpest (pesta ta’ l-ifrat) fl-Afrika (PACE);

(g)

il-kontribuzzjoni ta’ EUR 5 miljun addizzjonali għall-Fond Fiduċjarju tan-Netwerk Karibew ta’ l-Għarfien u t-Tagħlim (CKLN) għall-bini tal-kapaċità u l-appoġġ isitituzzjonali;

(h)

il-ħolqien ta’ riżerva prudenzjali reġjonali ta’ EUR 10 miljun biex tikkumplimenta l-programm indikattiv reġjonali għar-reġjun ta’ l-Afrika t’Isfel fil-każ li l-programm ta’ titjib fil-livell tat-triq Milange – Mocuba (il-Możambik) jiġi mħejji u ppreżentat għall-proċedura ta’ ġestjoni tal-Kumitat FEŻ qabel ta’ l-1 ta’ Awwissu 2007; jekk dan il-programm ma jkunx jista’ jitħejja fil-ħin, din ir-riżerva prudenzjali għandha tiġi trasferita għar-riżerva intra-AKP;

(i)

il-ħolqien ta’ riżerva prudenzjali intra-AKP ta’ EUR 15-il miljun għall-ħtiġijiet ġodda u mhux mistennija li ma jistgħux ikunu ffinanzjati mill-pakketti-B reġjonalizzati, inklużi l-programmi ta’ riabilitizzazzjoni ta’ wara d-diżastri naturali fir-reġjun tal-Paċifiku u l-ħtiġijiet possibbli transizzjonali ta’ prijorità addizzjonali fl-2008;

(j)

il-ħolqien ta’ programm intra-AKP FLEX, proviżorjamnet iffissati għal EUR 35 miljun għall-2007 (sena ta’ applikazzjoni 2006) biex jiġi żgurat appoġġ minimu għal dawk il-pajjiżi soġġetti għall-effetti negattivi ta’ l-instabbiltà fil-qliegħ ta’ l-esportazzjoni wara r-regolarizzazzjoni tal-pakketti-B għall-assistenza umanitarja u ta’ emerġenza msemmija fil-paragrafu 1(a); dan il-programm jista’ jiġi ssupplimentat b’sa EUR 15-il miljun mill-fondi mhux impenjati mir-riżervi prudenzjali msemmijin fil-punti (h) u (i) jew mid-diżimpenji trasferiti għar-riżerva intra-AKP taħt l-Artikolu 1(3) u (4) f’eċċess ta’ stimi inizjali u tal-ħtiġijiet biex jikkumplimentaw il-kontribuzzjoni għall-Faċilità għall-Paċi Afrikana b’EUR 20 miljun kif imsemmi fil-punt (ċ);

(k)

jiġi kkumplimentat l-appoġġ mogħti lill-Fond Globali kontra l-HIV/AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja (GFATM) b’ammont ta’ EUR 38 miljun.

2.   Jekk l-ammonti akkumulati fir-riżerva intra-AKP ikunu insuffiċjenti biex ikopru l-ħtiġijiet kollha identifikati, il-programm imsemmi fil-paragrafu 1, punt (i) għandu jitnaqqas kif xieraq. Jekk in-nuqqas ta’ fondi jkun ikbar mill-ammont imsemmi f’punt (j), ir-riżerva prudenzjali msemmija fil-paragrafu 1, punt (i) għandha titnaqqas kif xieraq. Iktar nuqqas ta’ fondi għandu jwassal għal tnaqqis ta’ l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, punt (ċ).

3.   Jekk l-ammonti akkumulati fir-riżerva intra-AKP jeċċedu l-isitimi inizjali jew jekk il-fondi mmarkati fil-paragrafu 1, il-punti (ċ), (d), (e), (g) u/jew (i) jiġu sotto-użati, il-fondi addizzjonali li jsiru disponibbli ‘l fuq mil-limitu mniżżel fil-programmi msemmijin fil-paragrafu 1, il-punti (ċ) u (j) ser jiġu mobilizzati biex iżidu l-fond fiduċjarju CKLN b’ammont addizzjonali ta’ EUR 5 miljun jekk fattibbli, u sussegwentement, jekk fondi eċċessivi jkunu għadhom disponibbli, biex iżidu l-Fond Fiduċjarju ta’ l-Infrastruttura UE-AKP bħala avvanz fuq l-allokazzjonijiet previsti taħt l-10 FEŻ.

Artikolu 3

Talba għal appoġġ

Skond l-Artikolu 13(2) ta’ l-Anness IV tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE jappella lill-Kummissjoni tiffinanzja l-azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-KE

Il-President

Mohlabi K. TSEKOA


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27. Ftehim applikat b’mod proviżorju skond id-Deċiżjoni Nru 5/2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 1).


Top