This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 12005SPN09
Protocol concerning the conditions and arrangements for admission of the Republic of Bulgaria and Romania to the European Union - Annex IX:Specific commitments undertaken, and requirements accepted, by Romania at the conclusion of the accession negotiations on 14 December 2004 (referred to in Article 39 of the Protocol)
Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea - Anness IX:Impenji speċifiċi assunti, u rekwiżiti aċċettati, mir-Rumanija fil-konklużjoni tan-negozjati ta' l-adeżjoni fl-14 ta' Diċembru 2004 (imsemmi fl-Artikolu 39 tal-Protokoll)
Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea - Anness IX:Impenji speċifiċi assunti, u rekwiżiti aċċettati, mir-Rumanija fil-konklużjoni tan-negozjati ta' l-adeżjoni fl-14 ta' Diċembru 2004 (imsemmi fl-Artikolu 39 tal-Protokoll)
ĠU L 157, 21.6.2005, p. 201
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/acc_2005/pro_1/anx_9/sign
Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea - Anness IX:Impenji speċifiċi assunti, u rekwiżiti aċċettati, mir-Rumanija fil-konklużjoni tan-negozjati ta' l-adeżjoni fl-14 ta' Diċembru 2004 (imsemmi fl-Artikolu 39 tal-Protokoll)
Official Journal L 157 , 21/06/2005 P. 0201
ANNESS IX Impenji speċifiċi assunti, u ħtiġijiet aċċettati, mir-Rumanija fil-konklużjonitan-negozjati dwar l-adeżjoni fl- 14 ta' Diċembru 2004 (imsemmija fl-Artikolu 39 tal-Protokoll) I. Fir-rigward ta' l-Artikolu 39(2) (1) Sabiex jiġi implimentat mingħajr iżjed dewmien il-Pjan ta' Azzjoni ta' Schengen, skond kif ġie pubblikat f' M.Of., p. I, nru. 129 bis/10.II.2005, emendat konformement ma' l-acquis u skond it-termini perentorji miftiehma. (2) Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' kontroll u sorveljanza fil-fruntieri esterni futuri ta' l-Unjoni, sabiex jiġu aċċelerati konsiderevolment l-isforzi fir-rigward tal-modernizzazzjoni ta' tagħmir u infrastruttura fil-fruntiera l-ħadra, fil-fruntiera l-blu u fil-punti ta' qsim tal-fruntieri, u sabiex tiġi msaħħa iżjed il-kapaċità ta' analiżi tar-riskju operazzjonali. Dan għandu jiġi rifless fi pjan wieħed ta' investiment pluriennali, imressaq mhux iżjed tard minn Marzu 2005, li għandu jippermetti lill-Unjoni tkejjel il-progress fuq bażi annwali u sa meta tittieħed fir-rigward tar-Rumanija d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll. Barra minn dan, ir-Rumanija għandha tintensifika konsiderevolment il-pjanijiet tagħha sabiex tirrekluta 4438 aġent u uffiċjal tal-pulizija tal-fruntieri u b'mod partikolari tiżgura li tilħaq, sa l-adeżjoni, livell ta' persunal qrib kemm jista' jkun ta' 100 % tul il-fruntieri ma' l-Ukrajna, mal-Moldova u mal-kosta tal-Baħar l-Iswed. Ir-Rumanija għandha wkoll timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġġieled b'mod effettiv l-immigrazzjoni illegali, inkluż it-tisħiħ ta' koperazzjoni ma' pajjiżi terzi. (3) Sabiex jiġi żviluppat u implimentat Pjan ta' Azzjoni u Strateġija għar-Riforma tal-Ġudikatura, aġġornati u integrati, li jinkludi l-miżuri ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Ġudikatura, il-Liġi dwar l-Istatus tal-Maġistrati u l-Liġi dwar il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura li daħlu fis-seħħ fit- 30 ta' Settembru 2004. Iż-żewġ dokumenti aġġornati għandhom jiġu preżentati lill-Unjoni sa mhux iżjed tard minn Marzu 2005; għandhom jiġu żgurati r-riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u dan għandu jiġi implimentat mingħajr iżjed dewmien u skond l-iskeda kronoloġika stabbilita. Ir-Rumanija għandha wkoll tagħti prova sa Marzu 2005 ta' l-operazzjonabbiltà sħiħa tas-sistema l-ġdida għad-distribuzzjoni fuq bażi każwali tal-każijiet. (4) Sabiex tiġi intensifikata konsiderevolment il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u partikolarment kontra l-korruzzjoni fi gradi elevati billi jiġi żgurat l-infurzar rigoruż tal-leġislazzjoni kontra l-korruzzjoni u l-indipendenza effettiva ta' l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Prosekuturi Anti-Korruzzjoni (NAPO) u billi jiġi ppreżentat fuq bażi annwali, minn Novembru 2005, track record konvinċenti ta' l-attivitajiet tan-NAPO fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi gradi elevati. In-NAPO għandu jingħata l-persunal, ir-riżorsi finanzjarji u ta' taħriġ, kif ukoll it-tagħmir meħtieġ sabiex iwettaq il-funzjoni vitali tiegħu. (5) Sabiex tiġi esegwita verifika indipendenti tar-riżultati u ta' l-effett ġenerat mill-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni attwali; sabiex jiġu riflessi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' din il-verifika fl-istrateġija ġdida pluriennali kontra l-korruzzjoni, li għandha tikkonsisti f'dokument wieħed komprensiv, li għandha tkun applikabbli mhux iżjed tard minn Marzu 2005, flimkien ma' pjan ta' azzjoni li jistipula l-benchmarks, definiti b'mod ċar, li għandhom jintlaħqu u r-riżultati li għandhom jinkisbu, kif ukoll disposizzjonijiet adegwati ta' budget; l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni għandha tiġi sorveljata minn korp wieħed, viġenti, indipendenti u definit b'mod ċar; l-istrateġija għandha tinkludi l-impenn li ssir reviżjoni, sa l-aħħar ta' l-2005, tal-proċedura kriminali prolungata sabiex jiġi żgurat li każijiet ta' korruzzjoni jiġu trattati b'mod rapidu u trasparenti, sabiex jiġu garantiti sanzjonijiet adegwati b'effett deterrenti; finalment, l-istrateġija għandha tinkludi l-passi sabiex, sa l-aħħar ta' l-2005, jitnaqqas konsiderevolment in-numru ta' korpi li kollha għandhom poteri ta' prevenzjoni u investigazzjoni tal-korruzzjoni, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' responsabbiltajiet. (6) Sabiex jiġi żgurat, sa Marzu 2005, qafas legali ċar għad-diviżjoni tal-kompiti rispettivi u għall-koperazzjoni bejn il-ġendarmerija u l-pulizija, li jinkludi l-implimentazzjoni tal-liġi, u sabiex jiġi żviluppat u implimentat, sa nofs l-2005, pjan ta' reklutaġġ ċar għaż-żewġ istituzzjonijiet bil-għan li jkun sar, sad-data ta' l-adeżjoni, progress konsiderevoli fil-mili tas-7000 post battal fil-pulizija u tat-18000 post battal fil-ġendarmerija. (7) Sabiex tiġi żviluppata u implimentata strateġija koerenti pluriennali kontra l-kriminalità li tinkludi azzjonijiet konkreti għat-trażżin l-użu tar-Rumanija bħala pajjiż ta' oriġini, transitu u destinazzjoni ta' vittmi ta' traffikar u sabiex tiġi preżentata fuq bażi annwali, u minn Marzu 2005, statistika affidabbli dwar kif dan il-fenomenu ta' kriminalità qed jiġi miġġieled. II. Fir-rigward ta' Artikolu 39(3) (8) Sabiex jiġi żgurat kontroll effettiv mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni ta' kwalunkwe għajnuna potenzjali mill-Istat, inkluż dak relattiv għal għajnuna mill-Istat li tkun prevista permezz ta' differimenti ta' pagamenti, lill-budget ta' l-Istat, ta' debiti fiskali jew soċjali jew permezz ta' differimenti ta' debiti konnessi mal-provvista ta' l-enerġija. (9) Sabiex jiġi msaħħaħ bla dewmien il-grad ta' l-infurzar relattiv għall-għajnuna mill-Istat, u sabiex minn hemm 'il quddiem jiġi żgurat grad sodisfaċenti ta' infurzar fl-oqsma kemm ta' l-anti-trust kif ukoll ta' għajnuna mill-Istat. (10) Sabiex jiġi preżentat lill-Kummissjoni sa nofs Diċembru 2004 pjan rivedut ta' ristrutturazzjoni ta' l-industrija ta' l-azzar (li jinkludi l-Programm ta' Ristrutturazzjoni Nazzjonali u l-Pjanijiet Azjendali Individwali) konformement mal-ħtiġijiet stabbiliti fil-Protokoll 2 dwar il-prodotti KEFA anness mal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra [1], kif ukoll mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VII, Kapitolu 4, Sezzjoni B, mal-Protokoll. Sabiex jiġi rispettat bis-sħiħ l-impenn li la tingħata u lanqas titħallas kwalunkwe għajnuna mill-Istat lill-funderiji ta' l-azzar koperti mill-Istrateġija ta' Ristrutturazzjoni Nazzjonali mill- 1 ta' Jannar 2005 sal- 31 ta' Diċembru 2008 u sabiex jiġu rispettati bis-sħiħ l-ammonti ta' għajnuna mill-Istat u l-kondizzjonijiet dwar riduzzjonijiet ta' kapaċità li għandhom jiġu deċiżi fil-kuntest tal-Protokoll 2 dwar il-prodotti KEFA anness mal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tar-Rumanija, min-naħa l-oħra. (11) Sabiex jibqgħu jingħataw lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni mezzi finanzjarji adegwati u riżorsi umani suffiċjenti u adegwatament kwalifikati. [1] ĠU L 357, 31.12.1994, p. 2. Ftehim kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 2/2003 tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni UE/Rumanija tal- 25.9.2003 (għadu mhuwiex pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali). --------------------------------------------------