Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02023R1115-20241226

Consolidated text: Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1115/2024-12-26

02023R1115 — MT — 26.12.2024 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2023/1115 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta’ Mejju 2023

dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 150 9.6.2023, p. 206)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2024/3234 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tad-19 ta’ Diċembru 2024

  L 3234

1

23.12.2024




▼B

REGOLAMENT (UE) 2023/1115 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta’ Mejju 2023

dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-introduzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni tal- prodotti relevanti, kif elenkati fl-Anness I, li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti, jiġifieri bhejjem tal-ifrat, il-kawkaw, il-kafè, iż-żejt tal-palm, il-lastiku, is-sojja u l-injam„ bil-għan li:

(a) 

jiġi minimizzat il-kontribut tal-Unjoni għad-deforestazzjoni, u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja, u b’hekk jikkontribwixxu għal tnaqqis fid-deforestazzjoni globali;

(b) 

jitnaqqas il-kontribut tal-Unjoni għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-telfien globali tal-bijodiversità.

2.  
Għajr kif previst fl-Artikolu 37(3), dan ir-Regolament ma japplika għall-prodotti rilevanti elenkati fl-Anness I li ġew prodotti qabel id-data kif indikat fl-Artikolu 38(1).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“komoditajiet rilevanti” tfisser bhejjem tal-ifrat, kawkaw, kafè, żejt tal-palma, lastiku, sojja u nnjam;

(2) 

“prodotti rilevanti” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti;

(3) 

“deforestazzjoni” tfisser il-konverżjoni ta’ foresta għal użu agrikolu, kemm jekk ikkawżata mill-bniedem kif ukoll jekk le;

(4) 

“foresta”" tfisser medda ta’ art ta’ aktar minn 0,5 ettari b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kopertura ta’ qċaċet ta’ aktar minn 10 %, jew siġar li kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ, u ma tinkludix art li predominantement għandha użu agrikolu jew urban;

(5) 

“użu agrikolu” tfisser l-użu ta’ art għall-fini tal-agrikoltura, inkluż għal pjantaġġuni agrikoli, u żoni agrikoli mwarrba, u għat-trabbija tal-bhejjem;

(6) 

“pjantaġġun agrikolu” tfisser art b’popolament ta’ siġar f’sistemi ta’ produzzjoni agrikola, bħal pjantaġġuni tas-siġar tal-frott, pjantaġġuni tal-palm taż-żejt, imsaġar taż-żebbuġ u sistemi agroforestali fejn l-għelejjel jitkabbru taħt il-kopertura tas-siġar; dan jinkludi l-pjantaġġuni kollha ta’ komoditajiet rilevanti għajr l-injam; il-pjantaġġuni agrikoli huma esklużi mid-definizzjoni ta’ “foresta”;

(7) 

“degradazzjoni tal-foresti” tfisser bidliet strutturali fil-kopertura tal-foresti, li jieħdu l-forma tal-konverżjoni ta’:

(a) 

foresti primarji jew foresti li jirriġeneraw b’mod naturali f’foresti ta’ tħawwil jew f’art imsaġġra oħra jew

(b) 

foresti primarji f’foresti mħawwla;

(8) 

“foresta primarja” tfisser foresta ta’ speċi ta’ siġar indiġeni, irriġenerata b’mod naturali, fejn ma jkunx hemm indikazzjonijiet viżibbli b’mod ċar ta’ attivitajiet tal-bniedem u l-proċessi ekoloġiċi ma jkunux imfixkla b’mod sinifikanti;

(9) 

foresta li tirriġenera b’mod naturali” tfisser foresta magħmula predominantement minn siġar stabbiliti permezz ta’ riġenerazzjoni naturali; tinkludi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

foresti li għalihom mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn jekk tħawlux jew ġewx irriġenerati b’mod naturali;

(b) 

foresti b’taħlita ta’ speċijiet ta’ siġar indiġeni rriġenerati b’mod naturali u siġar imħawla jew miżrugħa, u fejn is-siġar irriġenerati b’mod naturali huma mistennija li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-istokk li qed jikber meta tintlaħaq il-maturità tal-popolament;

(c) 

msaġar minn siġar oriġinarjament stabbiliti permezz ta’ riġenerazzjoni naturali;

(d) 

siġar irriġenerati b’mod naturali ta’ speċijiet introdotti;

(10) 

“foresta mħawla” tfisser foresta li fil-biċċa l-kbira tagħha hija magħmula minn siġar stabbiliti permezz tat-tħawwil u/jew taż-żrigħ, sakemm is-siġar imħawla jew miżrugħa jkunu mistennija jikkostitwixxu aktar minn 50 % tal-injam wieqaf fil-maturità; dan jinkludi l-imsajġar minn siġar li oriġinarjament ikunu ġew imħawla jew miżrugħin;

(11) 

“foresta ta’ tħawwil” tfisser foresta mħawla li hija ġestita b’mod intensiv u li tissodisfa, fil-maturità tat-tħawwil u tal-popolament, il-kriterji kollha li ġejjin: speċi waħda jew tnejn, klassi ta’ età ugwali, u spazjar regolari; dan jinkludi pjantaġġuni ta’ rotazzjoni qasira għall-injam, għall-fibra u għall-enerġija, u jeskludi l-foresti mħawla għall-protezzjoni jew għar-restawr tal-ekosistemi, kif ukoll il-foresti stabbiliti permezz tat-tħawwil jew tat-tiżrigħ, li fil-maturità tal-popolament jixbhu jew ikunu ser jixbhu foresti li jirriġenaw b’mod naturali;

(12) 

“art imsaġġra oħra” tfisser art mhux ikklassifikata bħala “foresta” ta’ aktar minn 0,5 ettari, b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kopertura ta’ qċaċet minn 5 % sa 10 %, jew siġar li kapaċi jilħqu dawk il-limiti in situ, jew b’kopertura kombinata ta’ arbuxxelli, buxxijiet u siġar ’il fuq minn 10 %, u ma tinkludix art li predominantement għandha użu agrikolu jew urban;

(13) 

“mingħajr deforestazzjoni” tfisser:

(a) 

li l-prodotti rilevanti fihom, ġew mitmugħa jew saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti li ġew prodotti fuq art li ma kinitx soġġetta għal deforestazzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2020, u

(b) 

fil-każ ta’ prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-injam, li l-injam ikun inħasad mill-foresta mingħajr ma tiġi indotta degradazzjoni tal-foresti wara l-31 ta’ Diċembru 2020;

(14) 

“prodott” tfisser imkabbra, maħsuda, miksuba jew imrobbija fuq biċċiet ta’ art rilevanti jew, fir-rigward tal-bhejjem tal-irfat, fi;

(15) 

“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, matul attività kummerċjali, tintroduċi prodotti rilevanti fis-suq jew tesportahom;

(16) 

“introduzzjoni fis-suq” tfisser it-tqegħid għall-ewwel darba ta’ komodità jew ta’ prodott rilevanti fis-suq tal-Unjoni;

(17) 

“negozjant” tfisser kwalunkwe persuna fil-katina tal-provvista għajr l-operatur li, matul attività kummerċjali, tqiegħed fis-suq prodotti rilevanti;

(18) 

“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott rilevanti għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll mingħajru;

(19) 

“matul attività kummerċjali” tfisser għall-fini tal-ipproċessar, għad-distribuzzjoni lil konsumaturi kummerċjali jew mhux kummerċjali, jew għall-użu fin-negozju tal-operatur jew tan-negozjant innifsu;

(20) 

“persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li ma tkunx persuna, ġuridika iżda li tkun rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali bħala persuna li jkollha l-kapaċità li twettaq atti legali;

(21) 

“persuna stabbilita fl-Unjoni” tfisser:

(a) 

fil-każ ta’ persuna fiżika, kwalunkwe persuna li għandha r-residenza tagħha fl-Unjoni;

(b) 

fil-każ ta’ persuna ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni, kwalunkwe persuna li jkollha uffiċċju reġistrat, kwartieri ċentrali jew stabbiliment permanenti ta’ negozju tagħha fl-Unjoni;

(22) 

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li, skont l-Artikolu 6, tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand operatur jew mingħand negozjant sabiex taġixxi f’ismu b’relazzjoni mal-kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-operatur jew tan-negozjant skont dan ir-Regolament;

(23) 

“pajjiż ta’ oriġini” tfisser pajjiż jew territorju kif msemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(24) 

“pajjiż tal-produzzjoni” tfisser il-pajjiż jew it-territorju fejn tkun ġiet prodotta l-komodità rilevanti jew il-komodità rilevanti użata fil-produzzjoni ta’ prodott rilevanti, jew li tkun tinsab fih;

(25) 

“prodotti mhux konformi tfisser prodotti rilevanti li ma jikkonformawx mal-Artikolu 3;

(26) 

“riskju negliġibbli” tfisser il-livell ta’ riskju li japplika għal komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti, meta, abbażi ta’ valutazzjoni sħiħa tal-informazzjoni speċifika għall-prodott u tal-informazzjoni ġenerali, u, fejn meħtieġ, tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, dawk il-komoditajiet jew il-prodotti ma juru l-ebda raġuni għal tħassib li ma jkunux f’konformità mal-Artikolu 3, il punt (a) jew(b);

(27) 

“biċċa art” hija estensjoni tal-art fi ħdan proprjetà immobbli waħda, kif rikonoxxuta mil-liġijiet tal-pajjiż tal-produzzjoni, u li tgawdi minn kundizzjonijiet omoġenji biżżejjed sabiex tippermetti li jiġi evalwat fil-livell aggregat ir-riskju ta’ deforestazzjoni u ta’ degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma’ komoditajiet prodotti fuq dik l-art;

(28) 

“ġeolokalizzazzjoni” tfisser il-pożizzjoni ġeografika ta’ biċċa art deskritta permezz ta’ koordinati ta’ latitudni u ta’ lonġitudni li jikkorrispondu għal mill-inqas punt wieħed ta’ latitudni u punt wieħed ta’ lonġitudni u li jużaw mill-inqas sitt ċifri deċimali; għal biċċiet ta’ art ta’ aktar minn erba’ ettari, użati għall-produzzjoni tal-komoditajiet rilevanti għajr il-bhejjem tal-ifrat, din għandha tiġi pprovduta bl-użu ta’ poligoni, b’ punti ta’ latitudni u lonġitudni suffiċjenti biex jiddeskrivu l-perimetru ta’ kull biċċa art;

(29) 

“stabbiliment” tfisser kwalunkwe post, struttura, jew, fil-każ ta’ biedja fil-beraħ, kwalunkwe ambjent jew post, fejn jinżammu l-bhejjem., fuq bażi temporanja jew permanenti;

(30) 

“intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju” jew “SMEs” tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(31) 

“tħassib sostanzjat” tfisser talba debitament motivata bbażata fuq informazzjoni oġġettiva u verifikabbli rigward in-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u li tista’ tirrikjedi l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti;

(32) 

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet deżinjati skont l-Artikolu 14(1);

(33) 

“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet doganali kif definiti fl-Artikolu 5, punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(34) 

“territorju doganali” huwa t-territorju kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(35) 

“pajjiż terz” tfisser pajjiż jew territorju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;

(36) 

“rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 201 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(37) 

“esportazzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 269 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(38) 

“prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq ” tfisser prodotti rilevanti minn pajjiżi terzi mqiegħda taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” li huma maħsuba biex jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni u li mhumiex maħsuba għal użu jew għal konsum privat fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni;

(39) 

“prodotti rilevanti li joħorġu mis-suq” tfisser prodotti rilevanti mqiegħda taħt il-proċedura doganali “esportazzjoni”;

(40) 

“leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni” tfisser il-liġijiet applikabbli fil-pajjiż tal-produzzjoni li jikkonċernaw l-istatus legali taż-żona tal-produzzjoni f’termini ta’:

(a) 

id-drittijiet għall-użu tal-art,

(b) 

il-ħarsien tal-ambjent,

(c) 

ir-regoli relatati mal-foresti, inkluż il-ġestjoni tal-foresti u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, fejn direttament relatati mal-ħsad tal-injam,

(d) 

id-drittijiet ta’ partijiet terzi,

(e) 

id-drittijiet tax-xogħol,

(f) 

id-drittijiet tal-bniedem protetti skont id-dritt internazzjonali,

(g) 

il-prinċipju ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat (FPIC), inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

(h) 

ir-regolamenti dwar it-taxxa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kummerċ u d-dwana.

Artikolu 3

Projbizzjoni

Il-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti ma għandhomx jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew esportati, sakemm ma jiġux issodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

ikunu mingħajr deforestazzjoni;

(b) 

ikunu ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni; u

(c) 

ikunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta.

KAPITOLU 2

OBBLIGI TAL-OPERATURI U TAN-NEGOZJANTI

Artikolu 4

Obbligi tal-operaturi

1.  
L-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8 qabel ma jqiegħdu prodotti rilevanti fis-suq jew qabel jesportawhom sabiex jagħtu prova li l-prodotti rilevanti jikkonformaw mal-Artikolu 3.
2.  
L-operaturi ma għandhomx jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq u lanqas ma għandhom jesportawhom mingħajr preżentazzjoni minn qabel ta’ dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta. L-operaturi li, abbażi tad-diliġenza dovuta eżerċitata f’konformità mal-Artikolu 8, jikkonkludu li l-prodotti rilevanti jikkonformaw mal-Artikolu 3 għandhom, qabel ma jintroduċu l-prodotti rilevanti fis-suq jew jesportawhom, jagħmlu disponibbli dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta għall-awtoritajiet kompetenti permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. Tali dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta disponibbli b’mod elettroniku u li tista’ tiġi trażmessa għandu jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II għall-prodotti rilevanti u dikjarazzjoni mill-operatur li l-operatur eżerċita d-diliġenza dovuta u li ma jkun instab l-ebda riskju jew ikun instab biss riskju negliġibbli.
3.  
Billi jagħmel disponibbli d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta lill-awtoritajiet kompetenti, l-operatur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3. L-operaturi għandhom iżommu rekord tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta għal ħames snin mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.
4.  

L-operaturi ma għandhomx jintroduċi prodotti rilevanti fis-suq u lanqas ma għandhom jesportawhom fejn japplika wieħed jew aktar mill-każijiet li ġejjin:

(a) 

il-prodotti rilevanti ma jkunux konformi;

(b) 

l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta jkun żvela riskju mhux negliġibbli li l-prodotti rilevanti ma jkunux konformi;

(c) 

l-operatur ma setax jissodisfa l-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

5.  
L-operaturi li jkunu rċevew jew ġew mgħarrfa b’informazzjoni ġdida rilevanti, inkluż tħassib sostanzjat, li jindika li prodott rilevanti li huma jkunu introduċew fis-suq huwa f’riskju li ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu introduċew il-prodott rilevanti fis-suq, kif ukoll lin-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodott rilevanti. Fil-każ ta’ esportazzjonijiet, l-operaturi għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun il-pajjiż tal-produzzjoni.
6.  
L-operaturi għandhom joffru l-assistenza kollha meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-verifiki skont l-Artikolu 18, inkluż aċċess għall-bini u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumentazzjoni u rekords.
7.  
L-operaturi għandhom jikkomunikaw lill-operaturi u lin-negozjanti aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista bil-prodotti rilevanti li jkunu introduċew fis-suq jew li jkunu esportaw, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex juru li ġiet eżerċitata d-diliġenza dovuta u li ma nstab l-ebda riskju jew li nstab biss riskju negliġibbli, inkluż in-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta assoċjati ma’ dawk il-prodotti.
8.  
B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-operaturi li huma SMEs (“operaturi SMEs”) ma għandhomx jinħtieġu jeżerċitaw id-diliġenza dovuta għal prodotti rilevanti li jinsabu fi prodott rilevanti jew li saru minnhom li diġà kienu soġġetti għad-diliġenza dovuta f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u li għalihom diġà ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 33. F’każijiet bħal dawn, l-operaturi SMEs għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti n-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta, fuq talba. Għall-partijiet ta’ prodotti rilevanti li ma ġewx soġġetti għad-diliġenza dovuta, l-operaturi SME għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
9.  
L-operaturi li mhumiex SMEs (“operaturi mhux SME”) jistgħu jirreferu biss għad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta li diġà jkunu ġew ippreżentati f’konformità mal-Artikolu 33 wara li jkunu aċċertaw li d-diliġenza dovuta marbuta mal-prodotti rilevanti li jkunu fil-prodotti rilevanti, jew magħmula minnhom, tkun ġiet eżerċitata f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jinkludu n-numri ta’ referenza ta’ tali dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta li diġà jkunu ġew ippreżentati f’konformità mal-Artikolu 33 fid-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta li jippreżentaw skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għal partijiet ta’ prodotti rilevanti li ma jkunux ġew soġġetti għad-diliġenza dovuta, l-operaturi mhux SME għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
10.  
Kwalunkwe operatur li jirreferi għal dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta li diġà tkun ġiet ippreżentata f’konformità mal-Artikolu 33 għandu jżomm ir-responsabbiltà għall-konformità tal-prodotti rilevanti mal-Artikolu 3, inkluż li ma nstab l-ebda riskju jew li nstab biss riskju negliġibbli, qabel ma jqiegħed tali prodotti rilevanti fis-suq jew qabel ma jesporthom.

Artikolu 5

Obbligi tan-negozjanti

1.  
In-negozjanti li mhumiex SMEs (“negozjanti mhux SME”) għandhom jitqiesu bħala operaturi mhux SME u għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi u d-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 3, 4 u 6, l-Artikoli 8 sa 13, l-Artikolu 16(8) sa (11) u l-Artikolu 18 fir-rigward tal-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti li huma jqiegħdu fis-suq.
2.  
In-negozjanti li huma SMEs (“negozjanti SME”) għandhom biss iqiegħdu prodotti rilevanti fis-suq jekk ikollhom l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 3.
3.  

In-negozjanti SMEs għandhom jiġbru u jżommu l-informazzjoni li ġejja relatata mal-prodotti li jkunu beħsiebhom iqiegħdu fis-suq:

(a) 

l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, l-indirizz postali, l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk disponibbli, indirizz web tal-operaturi jew tan-negozjanti li jkunu pprovdew il-prodotti relevanti lilhom, kif ukoll in-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet tad-diliġenza dovuta assoċjati ma’ dawk il-prodotti;

(b) 

l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, l-indirizz postali, l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk disponibbli, indirizz web tal-operaturi jew tan-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodotti rilevanti.

4.  
In-negozjanti SME għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għal mill-anqas ħames snin mid-data tat-tqegħid fis-suq u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba.
5.  
In-negozjanti SME li jiksbu jew jiġu mgħarrfa b’informazzjoni ġdida rilevanti, inkluż tħassib sostanzjat, li tindika li prodott rilevanti li jkunu qiegħdu fis-suq jinsab f’riskju li ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu qiegħdu l-prodott rilevanti fis-suq kif ukoll lin-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodott rilevanti.
6.  
In-negozjanti, kemm jekk huma SMEs u kemm jekk mhumiex, għandhom joffru l-assistenza kollha meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-verifiki skont l-Artikoli 18 u 19, inkluż l-aċċess għall-bini u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumentazzjoni u rekords.

Artikolu 6

Rappreżentanti awtorizzati

1.  
L-operaturi jew in-negozjanti jistgħu jagħtu mandat lil rappreżentant awtorizzat biex jissottometti d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4(2) f’isimhom. F’ -każijiet bħal dawn, l-operatur jew in-negozjant għandu jżomm ir-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3.
2.  
Ir-rappreżentant awtorizzat għandu, fuq talba, jipprovdi kopja tal-mandat f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti u kopja f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tiġi ttrattata d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew, jekk dan ma jkunx possibbli, bl-Ingliż.
3.  
Operatur li jkun persuna fiżika jew mikrointrapriża jista’ jagħti mandat lill-operatur jew lin-negozjant li jkun imiss aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista li ma jkunx persuna fiżika jew mikrointrapriża biex jaġixxi bħala rappreżentant awtorizzat. Tali operatur jew negozjant li jkun imiss aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista ma għandux jintroduċi jew iqiegħed prodotti rilevanti fis-suq jew jesportahom, mingħajr ma jissottometti d-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4(2) f’isem dak l-operatur. F’każijiet bħal dawn, l-operatur li jkun persuna fiżika jew mikrointrapriża għandu jżomm ir-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3, u għandu jikkomunika lil dak l-operatur jew in-negozjant li jkun imiss aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jikkonferma li ġiet eżerċitata d-diliġenza dovuta u li ma nstab l-ebda riskju jew instab biss riskju negliġibbli.

Artikolu 7

L-introduzzjoni fis-suq minn operaturi stabbiliti f’pajjiżi terzi

Meta persuna fiżika jew ġuridika stabbilita barra l-Unjoni tintroduċi prodotti rilevanti fis-suq, l-ewwel persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed tali prodotti rilevanti fis-suq għandha titqies bħala operatur skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Diliġenza dovuta

1.  
Qabel ma jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq jew qabel ma jesportawhom, l-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-prodotti rilevanti kollha fornuti minn kull fornitur partikolari.
2.  

Id-diliġenza dovuta għandha tinkludi:

(a) 

il-ġbir tal-informazzjoni, id-data u d-dokumenti meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9;

(b) 

miżuri ta’ valutazzjoni tar-riskju kif imsemmija fl-Artikolu 10;

(c) 

miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju kif imsemmija fl-Artikolu 11.

Artikolu 9

Rekwiżiti ta’ informazzjoni

1.  

L-operaturi għandhom jiġbru informazzjoni, dokumenti u data li juru li l-prodotti rilevanti jikkonformaw mal-Artikolu 3. Għal dan il-għan, l-operatur għandu jiġbor, jorganizza u jżomm għal ħames snin mid-data tal-introduzzjoni fis-suq, jew tal-esportazzjoni tal-prodotti rilevanti, l-informazzjoni li ġejja, akkumpanjata minn evidenza, relatata ma’ kull prodott rilevanti:

(a) 

deskrizzjoni, inkluż l-isem kummerċjali u t-tip tal-prodotti rilevanti kif ukoll, fil-każ ta’ prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-injam, l-isem komuni tal-ispeċijiet u l-isem xjentifiku sħiħ tagħhom; id-deskrizzjoni tal-prodotti relevanti għandha tinkludi l-lista ta’ komoditajiet rilevanti jew prodotti rilevanti li jinsabu fihom jew li jintużaw biex isiru dawk il-prodotti;

(b) 

il-kwantità tal-prodotti rilevanti; għal prodotti rilevanti li jkunu qed jidħlu jew joħorġu mis-suq, il-kwantità għandha tiġi espressa f’kilogrammi tal-massa netta u, fejn applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 ( 2 ) li tikkorrispondi għall-kodiċi tas-Sistema Armonizzata indikat; jew, fil-każijiet l-oħra kollha, il-kwantità għandha tiġi espressa f’massa netta jew, fejn ikun applikabbli, f’volum nett, jew f’għadd ta’ unitajiet; unità supplimentari hi applikabbli fejn tkun iddefinita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli skont il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmi fid-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta;

(c) 

il-pajjiż tal-produzzjoni u, fejn rilevanti, partijiet minnu;

(d) 

il-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art kollha fejn ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti li l-prodott rilevanti fih, jew sar bl-użu tagħhom, kif ukoll id-data jew il-medda ta’ żmien li ħadet il-produzzjoni; fejn prodott rilevanti jkun fih jew ikun sar b’komoditajiet rilevanti prodotti f’biċċiet art differenti, għandha tiġi inkluża l-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art differenti kollha; kwalunkwe deforestazzjoni jew degradazzjoni tal-foresti f’dawn il-biċċiet art partikolari għandha awtomatikament tiskwalifika l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti kollha minn dawk il-biċċiet art milli jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew milli jiġu esportati; għall-prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-bhejjem tal-ifrat, u għal tali prodotti rilevanti li ntemgħu bil-prodotti rilevanti, il-ġeolokalizzazzjoni għandha tirreferi għall-istabbilimenti kollha fejn jitrabbew il-bhejjem tal-ifrat; għall-prodotti rilevanti l-oħra kollha tal-Anness I, il-ġeolokalizzazzjoni għandha tirreferi għall-biċċiet art;

(e) 

l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku ta’ kwalunkwe negozju jew persuna li minn għandhom ikunu ġew fornuti l-prodotti rilevanti;

(f) 

l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku ta’ kwalunkwe negozju, operatur jew negozjant jew li lilu jkunu ġew fornuti l-prodotti rilevanti;

(g) 

informazzjoni adegwatament konklużiva u verifikabbli li l-prodotti rilevanti ma jikkontribwux għad-deforestazzjoni;

(h) 

informazzjoni adegwatament konklużiva u verifikabbli li l-komoditajiet rilevanti ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni, inkluż kwalunkwe arranġament li jagħti d-dritt li tintuża ż-żona rispettiva għall-finijiet tal-produzzjoni tal-komodità rilevanti.

2.  
L-operatur għandu jagħmel disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba l-informazzjoni, id-dokumenti u d-data miġbura skont dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Valutazzjoni tar-riskju

1.  
L-operaturi għandhom jivverifikaw u janalizzaw l-informazzjoni miġbura f’konformità mal-Artikolu 9 u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra. Abbażi ta dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni, l-operaturi għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskju sabiex jistabbilixxu jekk hemmx riskju li l-prodotti rilevanti maħsuba sabiex jiġu introdotti fis-suq jew jiġu esportati ma jkunux konformi. L-operaturi ma għandhomx jintroduċu l-prodotti rilevanti fis-suq jew jesportawhom ħlief fejn il-valutazzjoni tar-riskju ma tiżvela l-ebda riskju jew tiżvela biss riskju negliġibbli li l-prodotti rilevanti mhumiex konformi.
2.  

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis b’mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

(a) 

l-assenjazzjoni tar-riskju lill-pajjiż rilevanti tal-produzzjoni jew lil partijiet minnu f’konformità mal-Artikolu 29;

(b) 

il-preżenza ta’ foresti fil-pajjiż tal-produzzjoni jew partijiet minnu;

(c) 

il-preżenza ta’ popli indiġeni fil-pajjiż, tal-produzzjoni jew partijiet minnu;

(d) 

il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni in bona fede mal-popli indiġeni fil-pajjiż tal-produzzjoni jew partijiet minnu;

(e) 

l-eżistenza ta’ talbiet debitament motivati minn popli indiġeni abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva u verifikabbli dwar l-użu jew is-sjieda taż-żona użata għall-fini tal-produzzjoni tal-komodità rilevanti;

(f) 

il-prevalenza tad-deforestazzjoni jew tad-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiż, tal-produzzjoni jew partijiet minnu;

(g) 

is-sors, l-affidabbiltà, il-validità, u r-rabtiet għal dokumentazzjoni disponibbli oħra tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1);

(h) 

tħassib fir-rigward tal-pajjiż, tal-produzzjoni u oriġini jew ta’ partijiet minnu, bħal-livell ta’ korruzzjoni, il-prevalenza ta’ falsifikazzjoni tad-dokumenti u tad-data, in-nuqqas tal-infurzar tal-liġi, il-ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, il-kunflitt armat jew il-preżenza ta’ sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

(i) 

il-kumplessità tal-katina tal-provvista rilevanti u l-istadju tal-ipproċessar tal-prodotti rilevanti, b’mod partikolari d-diffikultajiet fil-konnessjoni tal-prodotti rilevanti mal-biċċa art fejn ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti;

(j) 

ir-riskju ta’ ċirkumvenzjoni ta’ dan ir-Regolament. jew ta’ taħlit ma’ prodotti rilevanti ta’ oriġini mhux magħrufa jew prodotti f’żoni fejn seħħet jew tkun qiegħda sseħħ id-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti;

(k) 

il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ippubblikati fir-reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni;

(l) 

tħassib sostanzjat ippreżentat skont l-Artikolu 31, u informazzjoni dwar l-istorja tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament tal-operaturi jew tan-negozjanti tul il-katina tal-provvista rilevanti;

(m) 

kwalunkwe informazzjoni li tindika riskju li l-prodotti rilevanti ma jkunux konformi;

(n) 

informazzjoni komplementari dwar il-konformità ma’ dan ir-Regolament, li tista’ tinkludi informazzjoni pprovduta permezz ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni jew skemi oħra vverifikati minn partijiet terzi, inkluż skemi volontarji rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), sakemm l-informazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

3.  
Il-prodotti tal-injam li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 li huma koperti minn liċenzja FLEGT valida minn skema ta’ liċenzjar operazzjonali għandhom jitqiesu li jikkonformaw mal-Artikolu 3, il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament.
4.  
L-operaturi għandhom jiddokumentaw u jirrieżaminaw il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-anqas fuq bażi annwali u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba. L-operaturi għandhom ikunu jistgħu juru kif l-informazzjoni miġbura ġiet ivverifikata skont il-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju stabbiliti fil-paragrafu 2 u kif huma ddeterminaw l-grad ta’ riskju.

Artikolu 11

Mitigazzjoni tar-riskju

1.  

Ħlief fejn valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 10 tkun tiżvela li ma hemm l-ebda riskju jew li hemm biss riskju negliġibbli li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx, qabel ma jintroduċi l-prodotti rilevanti fis-suq jew qabel jesporthom, l-operatur għandu jadotta proċeduri u miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati biex jinkiseb li ma jkunx hemm ebda riskju jew ikun hemm biss riskju negliġibbli. Dawn il-proċeduri u miżuri jistgħu jinkludu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a) 

it-talba għal informazzjoni, data jew dokumenti addizzjonali;

(b) 

it-twettiq ta’ stħarriġ jew awditi indipendenti;

(c) 

it-teħid ta’ miżuri oħra relatati mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 9.

Tali proċeduri u miżuri jistgħu jinkludu wkoll l-appoġġ għall-konformità ma’ dan ir-Regolament mill-fornituri ta’ dak l-operatur, b’mod partikolari n-negozji ż-żgħar, permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-investimenti.

2.  

L-operaturi għandu jkollhom fis-seħħ politiki, kontrolli u proċeduri adegwati u proporzjonati sabiex jimmitigaw u jimmaniġġjaw effettivament ir-riskji tan-nuqqas ta’ konformità tal-prodotti rilevanti identifikati. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom jinkludu:

(a) 

mudelli ta’ prattiki għall-ġestjoni tar-riskju, ir-rapportar, iż-żamma tar-rekords, il-kontroll intern u l-ġestjoni tal-konformità, inkluż il-ħatra ta’ uffiċjal tal-konformità fil-livell maniġerjali għal operaturi mhux SME;

(b) 

funzjoni ta’ awditjar indipendenti sabiex jiġu vverifikati l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni msemmija fil-punt (a) għall-operaturi kollha mhux SME.

3.  
Id-deċiżjonijiet dwar il-proċeduri u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għandhom jiġu ddokumentati, rieżaminati mill-anqas fuq bażi annwali u l-operaturi għandhon jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba. L-operaturi għandhom ikunu kapaċi juru kif ikunu ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-proċeduri u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju.

Artikolu 12

Stabbiliment u manutenzjoni ta’ sistemi ta’ diliġenza dovuta, rappurtar u żamma ta’ rekords

1.  
Sabiex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8, l-operaturi għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornat qafas ta’ proċeduri u miżuri biex jiżguraw li l-prodotti rilevanti li jintroduċu fis-suq jew li jesportaw jikkonformaw mal-Artikolu 3 (“is-sistema ta’ diliġenza dovuta”).
2.  
L-operaturi għandhom jirrieżaminaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta mill-anqas darba fis-sena. Fejn l-operaturi jsiru bi żviluppi ġodda li jistgħu jinfluwenzaw is-sistema tad-diliġenza dovuta, huma għandhom jaġġornaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta sabiex dawn iqisu dawk l-iżviluppi għal ħames snin. L-operaturi għandhom iżommu rekord ta’ tali aġġornamenti fis-sistemi ta’ diliġenza dovuta tagħhom għal ħames snin.
3.  
L-operaturi li ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ SMEs, inkluż mikrointrapriżi, jew persuni fiżiċi għandhom, fuq bażi annwali, jirrappurtaw pubblikament bl-aktar mod wiesa’ possibbli, inkluż permezz tal-Internet, dwar is-sistema tad-diliġenza dovuta tagħhom, inkluż dwar il-passi li ħadu biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif jinsabu fl-Artikolu 8. L-operaturi li jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ atti legali oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti rigward id-diliġenza dovuta tal-katina tal-valur jistgħu jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar skont dan il-paragrafu billi jinkludu l-informazzjoni mitluba meta jirrappurtaw fil-kuntest ta’ dawk l-atti legali l-oħra tal-Unjoni.
4.  

Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, ir-rapportar kif imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti:

(a) 

sommarju tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c);

(b) 

il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 10 u l-miżuri meħuda skont l-Artikolu 11 u deskrizzjoni tal-informazzjoni u l-evidenza miksuba u użata biex jiġi vvalutat ir-riskju;

(c) 

fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni mal-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali u detenturi oħra tad-drittijiet konswetudinarji għall-pussess tal-art jew mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma preżenti fiż-żona tal-produzzjoni tal-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti.

5.  
L-operaturi għandhom iżommu għal mill-anqas ħames snin id-dokumentazzjoni kollha relatata mad-diliġenza dovuta, bħar-rekords, il-miżuri u l-proċeduri kollha skont l-Artikolu 8. Huma għandhom jagħmlu dik id-dokumentazzjoni disponibbli lill-awtorità kompetenti fuq talba.

Artikolu 13

Diliġenza dovuta simplifikata

1.  
Meta jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq jew jesportawhom, l-operaturi ma għandhomx ikunu meħtieġa jissodisfaw l-obbligi skont l-Artikoli 10 u 11 meta, wara li jkunu vvalutaw il-kumplessità tal-katina tal-provvista rilevanti u r-riskju taċ-ċirkumvenzjoni ta’ dan ir-Regolament jew ir-riskju ta’ taħlit ma’ prodotti ta’ oriġini mhux magħrufa jew oriġini f’pajjiżi ta’ riskju għoli jew ta’ riskju standard jew partijiet minnhom, huma jkunu aċċertaw li l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti kollha jkunu ġew prodotti f’pajjiżi jew f’partijiet minnhom li kienu klassifikati bħala ta’ riskju baxx f’konformità mal-Artikolu 29. F’każijiet bħal dawn, l-operatur għandu jagħmel disponibbli għall-awtorità kompetenti fuq talba d-dokumentazzjoni rilevanti li turi li hemm riskju negliġibbli ta’ ċirkumvenzjoni ta’ dan ir-Regolament jew ta’ taħlit ma’ prodotti ta’ oriġini mhux magħrufa jew ta’ oriġini f’pajjiżi ta’ riskju għoli jew ta’ riskju standard jew partijiet minnhom.
2.  
Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jekk l-operatur jikseb jew isir konxju ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż b’riżultat tal-valutazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u li tinkludi tħassib sostanzjat ippreżentat skont l-Artikolu 31, li tkun tindika riskju li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament jew li dan ir-Regolament qed jiġi evitat, l-operatur għandu jissodisfa l-obbligi kollha skont l-Artikoli 10 u 11 u għandu jikkomunika minnufih kwalunkwe informazzjoni rilevanti lill-awtorità kompetenti.
3.  
Meta awtorità kompetenti tiġi mgħarrfa bi kwalunkwe informazzjoni li tindika riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż f’każijiet li fihom komoditajiet rilevanti jew prodotti rilevanti prodotti f’pajjiż b’riskju standard jew ta’ riskju għoli jew parti minnu jiġu sussegwentement pproċessati f’pajjiż b’riskju baxx jew parti minnu minn fejn jiġu introdotti fis-suq jew joħorġu minnu, l-awtorità kompetenti għandha tieħu azzjoni immedjata f’konformità mal-Artikolu 17(1) u, fejn meħtieġ, tadotta miżuri interim f’konformità mal-Artikolu 23.

KAPITOLU 3

OBBLIGI TAL-ISTATI MEMBRI U TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI TAGĦHOM

Artikolu 14

Awtoritajiet kompetenti

1.  
L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli mill-issodisfar tal-obbligi li joriġinaw minn dan ir-Regolament.
2.  
Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Diċembru 2023, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe bidla f’dik l-informazzjoni.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-lista tal-awtoritajiet kompetenti disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni għandha taġġorna b’mod regolari l-lista, abbażi tal-aġġornamenti li tirċievi mill-Istati Membri.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat, indipendenza funzjonali u r-riżorsi adegwati sabiex jissodisfaw l-obbligi li jinsabu f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 15

Għajnuna teknika, gwida u skambju ta’ tagħrif

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-operaturi li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 8, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu assistenza teknika u assistenza u gwida oħra lill-operaturi. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, tista’ tipprovdi wkoll, fejn meħtieġ, gwida lill-operaturi u lill-awtoritajiet kompetenti. L-assistenza teknika u l-assistenza jew gwida oħra għandhom iqisu is-sitwazzjoni tal-SMEs, inkluż il-mikrointrapriżi, u l-persuni fiżiċi, sabiex jiffaċilitaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-konverżjoni ta’ data minn sistemi rilevanti biex jidentifikaw il-ġeolokalizzazzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 33. Hija għandha tqis ukoll l-atti legali rilevanti attwali jew futuri tal-Unjoni li jkun fihom obbligi ta’ diliġenza dovuta.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-iskambju u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni rilevanti, partikolarment bil-għan li jgħinu lill-operaturi fil-valutazzjoni tar-riskju kif stabbilit fl-Artikolu 10, u dwar l-aħjar prattiki rigward l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw b’mod kontinwu u jiskambjaw informazzjoni dwar kwalunkwe bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ ta’ prodotti rilevanti li tista’ twassal għaċ-ċirkomvenzjoni ta’ dan ir-Regolament.
4.  
L-assistenza għandha tingħata b’mod li ma jikkompromettix l-indipendenza, l-obbligi legali jew ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-infurzar ta’ dan ir-Regolament.
5.  
Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dan ir-Regolament, billi toħroġ linji gwida rilevanti u billi tippromwovi skambju adegwat ta’ informazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali, u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni.

Artikolu 16

Obbligu li jitwettqu l-verifiki

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fit-territorju tagħhom sabiex jistabbilixxu jekk l-operaturi u n-negozjanti stabbiliti fl-Unjoni jikkonformawx ma’ dan -ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fit-territorju tagħhom sabiex jistabbilixxu jekk il-prodotti rilevanti li l-operatur jew in-negozjant introduċa jew beħsiebu jintroduċi fis-suq, qiegħed jew beħsiebu jqiegħed fis-suq, jew esporta jew beħsiebu jesporta humiex konformi ma’ dan ir-Regolament.
2.  
Il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru f’konformità mal-Artikoli 18 u 19.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jidentifikaw il-verifiki li għandhom jitwettqu. Il-kriterji tar-riskju għandhom jiġu identifikati abbażi ta’ analiżi tar-riskji ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-komoditajiet rilevanti, il-kumplessità u t-tul tal-ktajjen tal-provvista, inkluż jekk huwiex involut it-taħlit ta’ prodotti rilevanti, u l-istadju tal-ipproċessar tal-prodott rilevanti, jekk il-biċċiet art ikkonċernati humiex kontigwi għall-foresti, l-assenjazzjoni tar-riskju lil pajjiżi jew lil partijiet minnhom skont l-Artikolu 29, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni ta’ pajjiżi jew ta’ partijiet minnhom klassifikati bħala ta’riskju għoli, l-istorja ta’ nuqqas ta’ konformità tal-operaturi jew tan-negozjanti ma’ dan ir-Regolament, ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. L-analiżi tar-riskji għandha tibni fuq l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9 u 10 u tista’ tibni fuq l-informazzjoni li tinsab fis- sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33, u tista’ tiġi appoġġata minn sorsi rilevanti oħra bħal data ta’ monitoraġġ, profili ta’ riskju minn organizzazzjonijiet internazzjonali, tħassib sostanzjat ippreżentati skont l-Artikolu 31, jew il-konklużjonijiet ta’ laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti tal-tal-Kummissjoni.
4.  
Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tistabbilixxi u tirrieżamina u taġġorna b’mod regolari l-kriterji indikattivi tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, f’konformità mal-paragrafu 3, u tikkomunikahom lill-awtoritajiet kompetenti.
5.  

Għall-finijiet tat-twettiq tal-verifiki msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu pjanijiet annwali li jkun fihom mill-inqas dan li ġej:

(a) 

kriterji nazzjonali tar-riskju, stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 3, għall-fini li jiġu ddeterminati l-verifiki li huma neċessarji, li jibnu fuq kwalunkwe kriterju tar-riskju indikattiv fil-livell tal-Unjoni stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 4,ujinkludu sistematikament kriterji tar-riskju fir-rigward ta’ pajjiżi jew ta’ partijiet minnhom ikklassifikati li għandhom riskju għoli;

(b) 

l-għażla tal-operaturi u n-negozjanti li għandhom jiġu vverifikati; dik l-għażla għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji nazzjonali tar-riskju msemmija fil-punt (a), bl-użu, fost l-oħrajn, tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 u t-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data; għal kull operatur jew negozjant li għandu jiġi vverifikat, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jidentifikaw dikjarazzjonijiet speċifiċi ta’ diliġenza dovuta li għandhom jiġu vverifikati.

6.  
Ir-rieżami annwali tal-pjanijiet mill-awtoritajiet kompetenti għandu jibni b’mod sistematiku fuq ir-riżultati tal-verifiki u l-esperjenza dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 5 sabiex tittejjeb l-effikaċja tagħhom.
7.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw il-pjanijiet tagħhom ta’ verifiki, kif ukoll l-aġġornamenti tagħhom, lil awtoritajiet kompetenti oħra u lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar u jikkoordinaw l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-kriterji tar-riskju msemmija fil-paragrafu 5 mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni, sabiex itejbu l-effettività tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament.
8.  
Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ikopru mill-inqas 3 % tal-operaturi li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew li jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż tal-produzzjoni jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju standard skont l-Artikolu 29.
9.  
Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopru mill-inqas 9 % tal-operaturi li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti kif ukoll 9 % tal-kwantità minn kull prodott rilevanti li fih jew li sar bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju għoli skont l-Artikolu 29.
10.  
Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopru mill-inqas 1 % tal-operaturi li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju baxx skont l-Artikolu 29.
11.  
L-objettivi kwantifikati tal-verifiki li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti għandu jintlaħqu separatament għal kull waħda mill-komoditajiet rilevanti. L-objettivi kwantifikati għandhom jiġu kkalkulati b’referenza għall-għadd totali ta’ operaturi li introduċew jew qiegħdu fis-suq jew esportaw prodotti rilevanti fis-sena preċedenti, u għall-kwantità, fejn applikabbli. L-operaturi għandhom jitqiesu li ġew ivverifikati meta l-awtorità kompetenti tkun ivverifikat l-elementi msemmija fl-Artikolu 18(1), il-punti (a) u (b).
12.  
Mingħajr preġudizzju għall-verifiki ppjanati minn qabel skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta jiksbu jew jiġu mgħarrfa b’informazzjoni rilevanti, inkluż abbażi ta’ tħassib sostanzjat imressaq minn partijiet terzi skont l-Artikolu 31, dwar każ potenzjali ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.
13.  
Il-verifiki għandhom jitwettqu mingħajr twissija minn qabel lill-operatur jew lin-negozjant, ħlief meta tkun meħtieġa notifika minn qabel tal-operatur jew tan-negozjant sabiex tkun żgurata l-effikaċja tal-verifiki.
14.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekords tal-verifiki li jindikaw partikolarment in-natura u r-riżultati tagħhom, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Ir-rekords tal-verifiki kollha għandhom jinżammu għal mill-anqas għaxar snin.
15.  
Ir-rekords tal-verifiki mwettqa skont dan ir-Regolament u r-rapporti tar-riżultati tagħhom għandhom jikkostitwixxu informazzjoni ambjentali għall-finijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u għandhom ikunu disponibbli fuq talba.

Artikolu 17

Prodotti rilevanti li jeħtieġu azzjoni immedjata

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn il-prodotti rilevanti jippreżentaw tali riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mal- Artikolu 3 li jirrikjedu azzjoni immedjata mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma dawk il-prodotti rilevanti jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew qabel ma jiġu esportati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreġistraw tali sitwazzjonijiet identifikati fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.
2.  

Meta l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw sitwazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż meta operatur jissottometti dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta relatata mal-prodotti rilevanti kkonċernati, is-sistema ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 33 għandha tidentifika r-riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 3 u tinforma lill-awtoritajiet kompetenti, li għandhom:

(a) 

jieħdu miżuri interim immedjati skont l-Artikolu 23 biex jissospendu l-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-prodotti rilevanti jew;

(b) 

ladarba l-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(1) tkun fis-seħħ, fil-każ ta’ prodotti rilevanti li jidħlu jew joħorġu mis-suq, jirrikjedu lill-awtoritajiet doganali jissospendu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti rilevanti taħt l-Artikolu 26(7).

3.  
Is-sospensjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintemmu fi żmien tlett ijiem tax-xogħol jew fi żmien 72 siegħa fil-każ ta’prodotti rilevanti li jitħassru malajr, liema żmien jibda jgħodd mill-mument meta jiġi identifikat ir-riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità fis-sistema tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. Meta l-awtoritajiet kompetenti, abbażi tar-riżultat tal-verifiki mwettqa f’dak il-perjodu, jikkonkludu li jeħtieġu żmien addizzjonali biex jistabbilixxu matulu jekk il-prodotti rilevanti jikkonformawx mal-Artikolu 33, huma għandhom jestendu l-perjodu ta’ sospensjoni, b’perjodi addizzjonali ta’ tlett ijiem tax-xogħol, permezz ta’ miżuri interim addizzjonali meħuda skont l-Artikolu 23 jew, fil-każ ta’ prodotti rilevanti li jidħlu jew joħorġu mis-suq, billi jinnotifikaw lill-awtoritajiet doganali dwar il-ħtieġa li tinżamm is-sospensjoni skont l-Artikolu 26(7).

Artikolu 18

Verifiki fuq operaturi u negozjanti li mhumiex SMEs

1.  

Il-verifiki fuq l-operaturi u negozjanti li mhumiex SMEs għandhom jinkludu:

(a) 

l-eżami tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, inkluż il-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tar-riskju, u tad-dokumentazzjoni u r-rekords li juru l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ diliġenza dovuta;

(b) 

eżami tad-dokumentazzjoni u tar-rekords li juru li prodott rilevanti speċifiku li l-operatur ikun introduċa jew beħsiebu jintroduċi fis-suq jew li jkollu l-ħsieb li jesporta jew li n-negozjant li mhux SME ikun qiegħed jew beħsiebu jqiegħed fis-suq jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, inkluż, meta applikabbli, permezz ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll eżami tad-dikjarazzjonijiet tad-diliġenza dovuta rilevanti.

2.  

Il-verifiki fuq l-operaturi u n-negozjanti li mhumiex SMEs jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, b’mod partikolari fejn l-eżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu qajmu mistoqsijiet:

(a) 

dwar l-eżami fuq il-post tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti bil-ħsieb li tiġi żgurata l-korrispondenza tagħhom mad-dokumentazzjoni użata għall-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta;

(b) 

eżami ta’ miżuri korrettivi meħuda skont l-Artikolu 24;

(c) 

kwalunkwe mezz tekniku u xjentifiku adegwat sabiex jiġu ddeterminati l-ispeċi jew il-post eżatt fejn tkun ġiet prodotta l-komodità rilevanti jew il-prodott rilevanti, inkluż l-analiżi anatomika, kimika jew tad-DNA;

(d) 

kwalunkwe mezz tekniku u xjentifiku adegwat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti rilevanti jwassalx għal deforestazzjoni, inkluż data ta’ osservazzjoni tad-Dinja bħal dik mill-programm u l-għodod ta’ Copernicus jew minn sorsi rilevanti oħra pubbliċi jew privati u

(e) 

verifiki spontanja fuq il-post, li jinkludu awditi fuq il-post, inkluż fejn xieraq f’pajjiżi terzi, sakemm tali pajjiżi terzi jaqblu, permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ dawk il-pajjiżi terzi.

Artikolu 19

Verifiki fuq negozjanti li huma SMEs

1.  
Il-verifiki fuq negozjanti SMEs għandhom jinkludu l-eżami tad-dokumentazzjoni u tar-rekords li juru konformità mal-Artikolu 5(2), (3) u (4).
2.  
Il-verifiki fuq negozjanti SMEs jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, b’mod partikolari fejn l-eżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu qajmu mistoqsijiet, verifiki spontanja fuq il-post, inkluż awditi fuq il-post.

Artikolu 20

Irkupru tal-kostijiet mill-awtoritajiet kompetenti

1.  
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jitolbu lura mingħand l-operaturi jew in-negozjanti t-totalità tal-kostijiet tal-attivitajiet tagħhom fir-rigward ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.
2.  
Il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-kostijiet tat-twettiq tal-ittestjar, il-ħżin u l-attivitajiet relatati mal-prodotti rilevanti li jinstabu li mhumiex prodotti konformi u li huma soġġetti għal azzjoni korrettiva qabel ir-rilaxx ta’ dawk il-prodotti rilevanti għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-introduzzjoni tagħhom fis-suq jew l-esportazzjoni tagħhom.

Artikolu 21

Kooperazzjoni u skambju tal-informazzjoni

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, mal-awtoritajiet doganali mill-Istat Membru tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali minn Stati Membri oħra, il-Kummissjoni, u jekk ikun meħtieġ, mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-awditi fuq il-post.
2.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu arranġamenti amministrattivi mal-Kummissjoni dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar investigazzjonijiet u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament, inkluż permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. Dak għandu jinkludi l-għoti ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-operaturi u n-negozjanti u l-iskambju tagħha, inkluż dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta, u dwar in-natura tal-verifiki mwettqa u r-riżultati tagħhom, ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.
4.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwissu minnufih lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni meta jindunaw bi kwalunkwe ksur potenzjali ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u b’nuqqasijiet serji li jistgħu jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, b’mod partikolari, jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra meta jidentifikaw prodott rilevanti fis-suq li jqisu li ma jkunx prodott konformi, sabiex jippermettu l-irtirar jew is-sejħa lura ta’ tali prodott mill-bejgħ fl-Istati Membri kollha.
5.  
Fuq talba ta’ awtorità kompetenti, l-Istati Membri għandhom jipprovdulha bl-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Rappurtar

1.  

Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku u lill-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a) 

il-pjanijiet tal-verifiki u l-kriterji tar-riskju li fuqhom kienu bbażati dawk il-pjanijiet;

(b) 

l-għadd u r-riżultati tal-verifiki mwettqa fuq l-operaturi, in-negozjanti li mhumiex SMEs u negozjanti oħra fir-rigward tal-għadd totali ta’ operaturi, negozjanti li mhumiex SMEs u negozjanti oħra, inkluż it-tipi ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati;

(c) 

il-kwantità ta’ prodotti rilevanti vverifikata fir-rigward tal-kwantità totali ta’ prodotti rilevanti introdotti fis-suq jew esportati u l-pajjiżi tal-produzzjoni; għal prodotti rilevanti li jkun qed jidħlu jew joħorġu mis-suq, il-kwantità għandha tiġi espressa f’kilogrammi ta’ massa netta u, fejn applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li tikkorrispondi għall-kodiċi indikat tas-Sistema Armonizzata, jew, fil-każijiet l-oħra kollha, il-kwantità għandha tiġi espressa f’massa netta jew, fejn ikun applikabbli, f’volum nett jew f’għadd ta’ unitajiet; unità supplimentari hija applikabbli fejn tkun definita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli taħt il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmi fid-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta;

(d) 

f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, l-azzjoni korrettiva meħuda skont l-Artikolu 24 l-penali imposti skont l-Artikolu 25;

(e) 

il-perċentwal ta’ verifiki mwettqa bi twissijiet minn qabel skont l-Artikolu 16(13), li l-użu tagħhom għandu jiġi ġġustifikat mill-awtoritajiet kompetenti fir-rapporti tal-verifiki tagħhom.

2.  
Sat-30 ta’ Ottubru ta’ kull sena, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ħarsa ġenerali li tkopri l-Unjoni kollha tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament abbażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1.

Artikolu 23

Miżuri interim

L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jieħdu miżuri interim immedjati, inkluż is-sekwestru tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti, jew is-sospensjoni tal-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq jew l-esportazzjoni tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti, meta tinstab nuqqas ta’ konformità potenzjali ma’ dan ir-Regolament abbażi ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-eżami tal-evidenza jew informazzjoni rilevanti oħra, inkluż informazzjoni skambjata skont l-Artikolu 21 jew tħassib sostanzjat imressaq skont l-Artikolu 31;

(b) 

il-verifiki msemmija fl-Artikoli 18 u 19;

(c) 

l-identifikazzjoni tar- riskji mis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar tali miżuri.

Artikolu 24

Azzjoni korrettiva f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25, meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li operatur jew negozjant ma jkunx ikkonforma ma’ dan ir-Regolament jew li prodott rilevanti introdott jew imqiegħed fis-suq jew esportat ma jkunx konformi, huma għandhom mingħajr dewmien jeħtieġu li l-operatur jew in-negozjant jieħu azzjoni korrettiva xierqa u proporzjonata sabiex itemm in-nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ żmien speċifikat u raġonevoli.
2.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-azzjoni korrettiva meħtieġa li għandha tittieħed mill-operatur jew min-negozjant għandha tinkludi mill-anqas waħda minn dawn li ġejjin, kif applikabbli:

(a) 

ir-rettifika ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità formali, partikolarment mar-rekwiżiti tal-Kapitolu 2;

(b) 

il-prevenzjoni tal-prodott rilevanti milli jiġi introdott jew imqiegħed fis-suq jew milli jiġi esportat;

(c) 

l-irtirar jew is-sejħa lura minnufih tal-prodott rilevanti;

(d) 

id-donazzjoni tal-prodott rilevanti għal skopijiet ta’ karità jew ta’ interess pubbliku jew, jekk dak ma jkunx possibbli, ir-rimi tiegħu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart.

3.  
Irrispettivament mill-azzjoni korrettiva meħuda skont il-paragrafu 2, l-operatur jew in-negozjant għandu jindirizza kwalunkwe nuqqas fis-sistema ta’ diliġenza dovuta bil-ħsieb li jiġi evitat ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ulterjuri ma’ dan ir-Regolament.
4.  
Jekk l-operatur jew in-negozjant jonqos milli jieħu l-azzjoni korrettiva kif imsemmi fil-paragrafu 2 fil-perjodu ta’ żmien speċifikat mill-awtorità kompetenti skont il-paragrafu 1, jew fejn jippersisti n-nuqqas ta’ konformità kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, wara dak il-perjodu ta’ żmien, jiżguraw l-applikazzjoni tal-azzjoni korrettiva meħtieġa. msemmija fil-paragrafu 2 bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 25

Penali

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-operaturi u n-negozjanti u għandhom jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kull emenda sussegwenti u li taffettwahom.
2.  

Il-penali previsti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawk il-penali għandhom jinkludu:

(a) 

multi proporzjonati għad-danni ambjentali u għall-valur tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti kkonċernati, billi jiġi kkalkolat il-livell ta’ tali multi b’tali mod li jiġi żgurat li dawn effettivament iċaħħdu lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi derivati mill-ksur tagħhom, u gradwalment jiżdied il-livell ta’ tali multi għal ksur ripetut; fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-ammont massimu ta’ tali penali għandu jkun mill-anqas 4 % tat-total tar-rikavat annwali mill-Unjoni kollha tal-operatur jew tan-negozjant għas-sena finanzjarja ta’ qabel id-deċiżjoni li tingħata l-penali, ikkalkulat skont il-kalkolu tar-rikavat aggregat għall-impriżi stabbilit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ( 6 ), u għandu jiżdied, fejn meħtieġ, biex jaqbeż il-benefiċċju ekonomiku potenzjali miksub;

(b) 

il-konfiska tal-prodotti rilevanti kkonċernati mill-operatur u/jew min-negozjant;

(c) 

il-konfiska tad-dħul miksub mill-operatur u/jew min-negozjant minn tranżazzjoni bil-komoditajiet u l-prodotti rilevanti konċernati;

(d) 

esklużjoni temporanja għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar mill-proċessi tal-akkwist pubbliku u mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inkluż il-proċeduri tal-offerti, l-għotjiet u l-konċessjonijiet;

(e) 

il-projbizzjoni temporanja tal-introduzzjoni jew tat-tqegħid fis-suq jew tal-esportazzjoni ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti, fil-każ ta’ ksur serju jew ksur ripetut;

(f) 

il-projbizzjoni li tiġi eżerċitata d diliġenza dovuta simplifikata stabbilita fl-Artikolu 13 fil-każ ta’ ksur serju jew ta’ ksur ripetut.

3.  

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar is-sentenzi finali kontra persuni ġuridiċi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u l-penali imposti fuqhom, fi żmien 30 jum mid-data li fiha s-sentenzi jsiru finali„ b’kont meħud tar-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista ta’ tali sentenzi, li għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(a) 

l-isem tal-persuna ġuridika;

(b) 

id-data tas-sentenza finali;

(c) 

sommarju tal-attivitajiet li minħabba fihom il-persuna ġuridika tkun instabet li kisret dan ir-Regolament; u

(d) 

in-natura tal-penali imposta u, meta tkun finanzjarja, l-ammont tagħha.

KAPITOLU 4

PROĊEDURI GĦAD-DĦUL JEW GĦALL-ĦRUĠ TA’ PRODOTTI RILEVANTI MIS-SUQ

Artikolu 26

Kontrolli

1.  
Il-prodotti rilevanti mqiegħda taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” jew “esportazzjoni” għandhom ikunu soġġetti għall-kontrolli u l-miżuri stabbiliti f’dan il-Kapitolu. L-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ merkanzija, partikolarment ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 u l-Artikoli 46, 47, 134 u 267 tiegħu. Il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/1020 — ma għandux madanakollu japplika għall-kontrolli fuq -prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.
2.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli għall-infurzar ġenerali ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli, skont l-Artikolu 16, għall-identifikazzjoni tal-verifiki li għandhom jitwettqu abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju u biex jistabbilixxu, permezz tal-verifiki msemmija fl-Artikolu 16, jekk tali prodott rilevanti jikkonformax mal-Artikolu 3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu dawn id-dmirijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu 3.
3.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu kontrolli fuq id-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati fir-rigward tal-prodotti rilevanti li jidħlu jew joħorġu mis-suq f’konformità mal-Artikoli 46 u 48 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Tali kontrolli għandhom primarjament ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju, kif stabbilit fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
4.  
In-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq. Għal dak il-għan, minbarra meta d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta ssir disponibbli permezz tal-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(2), il-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti għandha tagħmel disponibbli għall-awtoritajiet doganali n-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta assenjat għal dak il-prodott rilevanti mis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33
5.  

Għall-fini li titqies il-konformità ta’ dan ir-Regolament biex prodott rilevanti jkun jista’ jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera jew esportat:

(a) 

sakemm l-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(1) tiġi stabbilita, il-paragrafi 6 sa 9 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw, u l-awtoritajiet doganali għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 27, u, fejn meħtieġ, għandhom iqisu tali skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni biex jippermettu li prodotti rilevanti jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera jew esportati;

(b) 

ladarba l-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(1) tiġi stabbilita, għandhom japplikaw il-paragrafi 6 sa 9 ta’ dan l-Artikolu, u n-notifiki u t-talbiet skont il-paragrafi 6 sa 9 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru permezz ta’ dik l-interfaċċa elettronika.

6.  
Meta jitwettqu l-kontrolli fuq id-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq, l-awtoritajiet doganali għandhom jeżaminaw, bl-użu tal-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(1), l-istatus assenjat lid-dikjarazzjoni korrispondenti ta’ diliġenza dovuta mill-awtoritajiet kompetenti fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.
7.  
Meta l-istatus imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jindika li l-prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq ikun ġie identifikat, skont l-Artikolu 17(2), li huwa soġġett għal verifika qabel ma jiġi introdott, imqiegħed fis-suq jew qabel ma jiġi esportat, l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ dak il-prodott rilevanti.
8.  

Meta r-rekwiżiti u l-formalitajiet l-oħra kollha skont id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali relatati mar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni jkunu ġew issodisfati, l-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu li l-prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq, jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera jew esportat fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) 

l-istatus imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu ma jindikax li l-prodott rilevanti jkun ġie identifikat, skont l-Artikolu 17(2), li huwa soġġett għal verifika qabel ma jiġi introdott jew imqiegħed fis-suq jew qabel ma jiġi esportat;

(b) 

ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, u l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux talbu li s-sospensjoni tinżamm skont l-Artikolu 17(3);

(c) 

ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 7, u l-awtoritajiet kompetenti jkunu nnotifikaw lill-awtoritajiet doganali li s-sospensjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew tal-esportazzjoni tal-prodotti rilevanti tista’ titneħħa.

9.  
Meta l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq mhuwiex konformi„ huma għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet doganali b’dan u l-awtoritajiet doganali ma għandhomx jippermettu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ dak il-prodott rilevanti.
10.  
Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ma għandux jitqies bħala prova ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 27

Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.  
Sabiex jippermettu l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju msemmi fl-Artikolu 16(5) għall-prodotti rilevanti li jidħlu jew joħorġu mis-suq u sabiex jiżguraw li l-verifiki jkunu effettivi u mwettqa f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali għandhom jikkooperaw mill-qrib u jiskambjaw informazzjoni.
2.  
L-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw f’konformità mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u jiskambjaw informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi.
3.  
L-awtoritajiet doganali jistgħu jikkomunikaw, f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, informazzjoni kunfidenzjali miksuba mill-awtoritajiet doganali matul il-qadi ta’ dmirijiethom, jew ipprovduta lill-awtoritajiet doganali fuq bażi kunfidenzjali, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih l-operatur, in-negozjant jew ir-rappreżentant awtorizzat ikun stabbilit.
4.  
Meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu rċevew informazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu, dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra f’konformità mal-Artikolu 21(3).
5.  

L-informazzjoni relatata mar-riskji għandha tiġi skambjata kif ġej:

(a) 

bejn l-awtoritajiet doganali f’konformità mal-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(b) 

bejn l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(c) 

bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti, inkluż l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, f’konformità mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 28

Interfaċċa elettronika

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa interfaċċa elettronika bbażata fuq l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana, stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), sabiex tippermetti t-trażmissjoni tad-data, partikolarment in-notifiki u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 26(6) sa (9) ta’ dan ir-Regolament, bejn is-sistemi doganali nazzjonali u s-sistema tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament. Din l-interfaċċa elettronika għandha tiġi stabbilita sat-30 ta’ Ġunju 2028.
2.  

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa interfaċċa elettronika f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2022/2399 sabiex tippermetti:

(a) 

lil-operaturi u n-negozjanti jikkonformaw mal-obbligu li jissottomettu d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta ta’ komodità rilevanti jew prodott rilevanti skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, billi jagħmluha disponibbli permezz tal-ambjent ta’ tieqa unika nazzjonali għad-dwana msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/2399 u jirċievu reazzjoni dwarha mill-awtoritajiet kompetenti; u

(b) 

It-trażmissjoni ta’ dik id-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

3.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji tal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, li jiddefinixxu d-data, inkluż il-format tagħha, li għandha tiġi trażmessi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiċċaraw ukoll kif kwalunkwe bidla fl-istatus assenjat mill-awtoritajiet kompetenti lid-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 għandha tiġi nnotifikata immedjatament u awtomatikament lill-awtoritajiet doganali rilevanti permezz tal-interfaċċa elettronika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-atti ta’ implimentazzjoni jistgħu jiddeterminaw ukoll li ċerta data speċifika disponibbli fid-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta u meħtieġa għall-attivitajiet tal-awtoritajiet doganali, inkluż is-sorveljanza u l-ġlieda kontra l-frodi, tiġi trażmessa u rreġistrata fis-sistemi doganali tal-Unjoni u nazzjonali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(2).

KAPITOLU 5

SISTEMA TA’ VALUTAZZJONI KOMPARATTIVA TAL-PAJJIŻI U KOOPERAZZJONI MA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 29

Valutazzjoni tal-pajjiżi

1.  

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema bi tliet livelli għall-valutazzjoni tal-pajjiżi jew ta’ partijiet minnhom. Għal dak il-għan, l-Istati Membri u Stati terzi, jew partijiet minnhom, għandhom jiġu kklassifikati f’waħda mill-kategoriji ta’ riskju li ġejjin:

(a) 

“riskju għoli” tirreferi għal pajjiżi, jew partijiet minnhom, li għalihom il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tirriżulta fl-identifikazzjoni ta’ riskju għoli li f’tali pajjiżi, jew f’partijiet minnhom, jiġu prodotti komoditajiet rilevanti li għalihom il-prodotti rilevanti ma jikkonformawx mal-Artikolu 3, il-punt (a);

(b) 

“riskju baxx”, tirreferi għal pajjiżi jew partijiet minnhom, li għalihom il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tikkonkludi li hemm assigurazzjoni suffiċjenti li l-istanzi għall-produzzjoni f’tali pajjiżi jew f’partijiet minnhom, ta’ komoditajiet rilevanti li għalihom il-prodotti rilevanti ma jikkonformawx mal-Artikolu 3, il-punt (a), huma eċċezzjonali;

(c) 

“riskju standard” tirreferi għal pajjiżi, jew partijiet minnhom li la jaqgħu fil-kategorija “riskju għoli” u lanqas fil-kategorija “riskju baxx”.

▼M1

2.  
Fid-29 ta’ Ġunju 2023, il-pajjiżi kollha għandhom jiġu assenjati livell ta’ riskju standard. Il-Kummissjoni għandha tikklassifika l-pajjiżi jew partijiet minnhom, li jippreżentaw riskju baxx jew għoli f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-lista tal-pajjiżi jew partijiet minnhom li jippreżentaw riskju baxx jew għoli għandha tiġi ppubblikata permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(2), mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2025. Dik il-lista għandha tiġi rieżaminata, u aġġornata jekk xieraq, kull meta jkun meħtieġ minħabba evidenza ġdida.

▼B

3.  

Il-klassifikazzjoni ta’ pajjiżi b’riskju baxx jew b’riskju għoli jew partijiet minnhom, skont il-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva u trasparenti mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu l-aħħar evidenza xjentifika u sorsi rikonoxxuti internazzjonalment. Il-klassifikazzjoni għandha tkun ibbażata primarjament fuq il-kriterji ta’ valutazzjoni li ġejjin:

(a) 

ir-rata tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti;

(b) 

ir-rata ta’ espansjoni tal-art agrikola għal komoditajiet rilevanti;

(c) 

ix-xejriet tal-produzzjoni ta’ komoditajiet rilevanti u ta’ prodotti rilevanti.

4.  

Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tista’ tqis ukoll:

(a) 

informazzjoni sottomessa mill-pajjiż ikkonċernat, mill-awtoritajiet reġjonali kkonċernati, l-operaturi NGOs u partijiet terzi, inkluż popli indiġeni, komunitajiet lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kopertura effettiva tal-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-agrikoltura, il-forestrija u l-użu tal-art fil-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali għall-UNFCCC;

(b) 

ftehimiet u strumenti oħra bejn il-pajjiż ikkonċernat u l-Unjoni u/jew l-Istati Membri tagħha li jindirizzaw id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jiffaċilitaw il-konformità ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti mal- Artikolu 3 u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

(c) 

jekk il-pajjiż ikkonċernat għandux fis-seħħ liġijiet nazzjonali jew subnazzjonali, inkluż f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Pariġi, u jieħux miżuri ta’ infurzar effettivi sabiex jindirizza d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u biex jevita u jippenalizza attivitajiet li jwasslu għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u b’mod partikolari jekk japplikax penali ta’ severità suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda l-benefiċċji li jirriżultaw mid-deforestazzjoni jew mid-degradazzjoni tal-foresti;

(d) 

jekk il-pajjiż konċernat jagħmilx id-data rilevanti disponibbli b’mod trasparenti; u, jekk applikabbli, l-eżistenza ta’ liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-popli indiġeni, tal-komunitajiet lokali u ta’ detenturi oħra tad-drittijiet konswetudinarji għall-pussess tal-art, jew il-konformità jew l-infurzar effettiv ta’ dawn il-liġijiet;

(e) 

sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti.

5.  
Il-Kummissjoni għandha tidħol fi djalogu speċifiku mal-pajjiżi kollha li huma kklassifikati bħala ta’ riskju għoli, jew li jinsabu f’riskju li jiġu kklassifikati bħala ta’ riskju għoli, bl-objettiv li jitnaqqas il-livell ta’ riskju tagħhom.
6.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tinnotifika formalment lill-pajjiż ikkonċernat bl-intenzjoni tagħha li tikklassifika dak il-pajjiż jew parti minnu f’kategorija ta’ riskju differenti u tistiednu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni meqjusa utli f’dak ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-awtoritajiet kompetenti b’tali intenzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja fin-notifika:

(a) 

ir-raġuni jew ir-raġunijiet għall-intenzjoni li tinbidel il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-pajjiż jew ta’ partijiet minnu;

(b) 

l-istedina li jwieġeb lill-Kummissjoni bil-miktub fir-rigward tal-intenzjoni li tinbidel il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-pajjiż jew ta’ partijiet minnu;

(c) 

il-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala pajjiż ta’ riskju għoli jew ta’ riskju baxx.

7.  
Il-Kummissjoni għandha tħalli lill-pajjiżi kkonċernat żmien suffiċjenti sabiex iwieġeb għan-notifika. Fejn in-notifika tkun tikkonċerna intenzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li tikklassifika lill-pajjiż jew parti minnu għal riskju ogħla, fit-tweġiba tiegħu, il-pajjiż ikkonċernat jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-miżuri meħuda minnu biex jirrimedja s-sitwazzjoni.
8.  
Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinnotifika lill-pajjiż ikkonċernat u lill-awtoritajiet kompetenti bl-inklużjoni jew bit-tneħħija ta’ pajjiż, jew ta’ partijiet minnu, mil-lista msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 30

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

1.  
Fil-limiti tal-isferi tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni f’isem l-Unjoni, u l-Istati Membri interessati, għandhom ikunu involuti f’approċċ koordinat mal-pajjiżi produtturi u ma’ partijiet minnhom li huma kkonċernati minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk klassifikati li huma f’riskju għoli f’konformità mal-Artikolu 29, permezz ta’ sħubijiet eżistenti u futuri, u mekkaniżmi oħra rilevanti ta’ kooperazzjoni sabiex b’mod konġunt jindirizzaw il-kawżi fundamentali tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas strateġiku komprensiv tal-Unjoni għal tali impenn u għandha tqis il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti rilevanti kollha tal-Unjoni. Tali sħubijiet u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għandhom jiffokaw fuq il-konservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-foresti, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti, u t-tranżizzjoni lejn il-produzzjoni sostenibbli tal-komoditajiet, il-konsum, l-ipproċessar, u l-metodi ta’ kummerċ. Is-sħubijiet u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu djalogi strutturati, arranġamenti amministrattivi, u ftehimiet eżistenti jew dispożizzjonijiet tagħhom, kif ukoll pjanijiet direzzjonali konġunti li jippermettu t-tranżizzjoni lejn produzzjoni agrikola li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali u l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-atturi interessati kollha.
2.  
Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż is-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, in-nisa, is-settur privat inkluż il-mikrointrapriżi u SMEs oħra, u l-azjenda ż-żgħar. Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni għandhom ukoll jappoġġaw jew jibdew djalogu inklużiv u parteċipattiv lejn proċessi nazzjonali ta’ riforma legali u ta’ governanza biex tissaħħaħ il-governanza tal-foresti u jiġu indirizzati fatturi domestiċi li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni.
3.  
Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ ppjanar integrat tal-użu tal-art, leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiżi li jipproduċu, proċessi b’diversi partijiet ikkonċernati, inċentivi fiskali jew kummerċjali u għodod pertinenti oħra sabiex itejbu l-konservazzjoni tal-foresti u tal-bijodiversità, il-ġestjoni sostenibbli u r-restawr tal-foresti, jindirizzaw il-konverżjoni tal-foresti u tal-ekosistemi vulnerabbli għal użi oħra tal-art, jottimizzaw it-titjib għall-pajsaġġ, is-sigurtà taż-żamma tal-art, il-produttività u l-kompetittività tal-agrikoltura, u t-trasparenza tal-ktajjen tal-provvista, isaħħu d-drittijiet tal-komunitajiet dipendenti mill-foresti, inkluż l-azjendi agrikoli ż-żgħar, il-komunitajiet lokali u popli indiġeni, li d-drittijiet tagħhom huma stipulati fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, u jiżguraw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti dwar il-ġestjoni tal-foresti u informazzjoni rilevanti oħra.
4.  
Fil-limiti tal-isferi ta’ kompetenza tagħhom, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, jew l-Istati Membri, jew it-tnejn li huma, għandhom jidħlu f’diskussjoni internazzjonali bilaterali u multilaterali dwar politiki u azzjonijiet għall-waqfien tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, inkluż f’fora multilaterali bħall- KDB, il-FAO, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, l-Assemblea tan-NU għall-Ambjent, il-Forum tan-NU dwar il-Foresti, il-UNFCCC, id-WTO, il-G7 u l-G20. Tali involviment għandu jinkludi l-promozzjoni tat-tranżizzjoni għall-produzzjoni agrikola sostenibbli u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti kif ukoll l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista trasparenti u sostenibbli kif ukoll l-sforzi kontinwi biex jiġu identifikati u maqbula standards u definizzjonijiet sodi li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-foresti u ta’ ekosistemi naturali oħra u d-drittijiet tal-bniedem relatati.
5.  
Fil-limiti tal-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-Istati Membri interessati għandhom jidħlu fi djalogu u kooperazzjoni ma’ pajjiżi konsumaturi ewlenin oħra, biex jippromwovu l-adozzjoni ta’ rekwiżiti ambizzjużi biex jimminimizzaw il-kontribut ta’ tali pajjiżi għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fuq livell mondjali.

KAPITOLU 6

TĦASSIB SOSTANZJAT

Artikolu 31

Tħassib sostanzjat ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi

1.  
Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jressqu preokkupazzjonijiet sostanzjali lill-awtoritajiet kompetenti meta jqisu li operatur jew negozjant wieħed jew aktar ma jkunux qed jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
2.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jivvalutaw b’diliġenza u b’imparzjalità t-tħassib sostanzjat, inkluż jekk it-talbiet għandhomx bażi soda, u jieħdu l-passi meħtieġa, inkluż billi jwettqu verifiki u jmexxu seduti ta’ smigħ ta’ operaturi u ta’ negozjanti, bil-għan li jiġi identifikat nuqqas potenzjali ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, billi jieħdu miżuri interim skont l-Artikolu 23 sabiex jiġu evitati l-introduzzjoni jew i t-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta’ prodotti rilevanti li jkunu qegħdin jiġu investigati.
3.  
Fi żmien 30 jum mill-wasla ta’ tħassib sostanzjat, jekk ma jkunx iddikjarat mod ieħor fil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li jkunu ssottomettew it-tħassib sostanzjat, dwar is-segwitu mogħti lis-sottomissjoni u għandha tipprovdi r-raġunijiet għal dan.
4.  
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), l-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri biex jipproteġu l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jressqu tħassib sostanzjat jew li jmexxu investigazzjonijiet bl-għan li jivverifikaw il-konformità mill-operaturi jew min-negozjanti ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Aċċess għall-ġustizzja

1.  
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess suffiċjenti, kif determinat f’konformità mas-sistemi nazzjonali eżistenti għar-rimedji legali, inkluż fejn tali persuni jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inkluż persuni li jkunu ressqu tħassib sostanzjat f’konformità mal-Artikolu 31, għandu jkollha aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament.
2.  
Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirregola l-aċċess għall-ġustizzja u dawk li jirrikjedu li l-proċeduri ta’ eżami amministrattiv jiġu eżawriti qabel ir-rikors għal proċedimenti ġudizzjarji.

KAPITOLU 7

SISTEMA TAL-INFORMAZZJONI

Artikolu 33

Sistema ta’ Informazzjoni

1.  
Sat-30 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u sussegwentement għanda żżomm sistema ta’ informazzjoni li għandu jkun fiha d-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta magħmula disponibbli skont l-Artikolu 4(2).
2.  

Mingħajr preġudizzju għat-twettiq tal-obbligi stabbiliti fil-Kapitoli 2 u 3, is-sistema tal-informazzjoni għandha tipprovdi mill-anqas il-funzjonalitajiet li ġejjin:

(a) 

ir-reġistrazzjoni tal-operaturi u tan-negozjanti u tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom fl-Unjoni; għall-operaturi li jintroduċu prodotti rilevanti skont il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” jew “esportazzjoni”, in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) stabbilit skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għandu jiġi inkluż fil-profil tar-reġistrazzjoni tagħhom;

(b) 

ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta inkluż il-komunikazzjoni lill-operatur jew lin-negozjant ikkonċernat ta’ numru ta’ referenza għal kull dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta li tkun tressqet permezz tas-sistema ta’ informazzjoni;

(c) 

id-disponibbiltà tan-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet eżistenti ta’ diliġenza dovuta fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 4(8) u (9);

(d) 

fejn possibbli, il-konverżjoni ta’ data minn sistemi rilevanti biex tiġi identifikata l-ġeolokalizzazzjoni;

(e) 

ir-reġistrazzjoni tal-eżitu tal-verifiki fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta;

(f) 

l-interkonnessjoni mad-dwana permezz tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana, f’konformità mal-Artikolu 28, inkluż biex jiġu permessi n-notifiki u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 26(6) sa (9);

(g) 

l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti b’appoġġ għat-tfassil tal-profil tar-riskju għall-pjan ta’ verifiki msemmi fl-Artikolu 16(5), inkluż ir-riżultati tal-verifiki, it-tfassil tal-profil tar-riskju tal-operaturi, tan-negozjanti u komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti għall-fini tal-identifikazzjoni, abbażi ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data, tal-operaturi u n-negozjanti li għandhom jiġi vverifikati kif imsemmi f l-Artikolu 16(5), u prodotti rilevanti li għandhom jiġu vverifikati mill-awtoritajiet kompetenti;

(h) 

il-faċilitazzjoni tal-assistenza u l-kooperazzjoni amministrattivi bejn l-awtoritajiet kompetenti, u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni, sabiex jiskambjaw informazzjoni u data;

(i) 

l-appoġġ għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi u n-negozjanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż, fejn xieraq, bl-użu ta’ għodod diġitali tal-ġestjoni tal-provvista.

3.  
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli għall-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni skont dan l-Artikolu, inkluż regoli għall-protezzjoni ta’ data personali u l-iskambju ta’ data ma’ sistemi oħra tal-IT. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(2).
4.  
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aċċess għal dik is-sistema ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali, lill-awtoritajiet kompetenti, lill-operaturi u lin-negozjanti u, jekk applikabbli, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, f’konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament.
5.  
F’konformità mal-Politika tad-Data Miftuħa tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi aċċess għall-pubbliku inġenerali għas-settijiet tad-data anonimizzati sħaħ tas-sistema tal-informazzjoni f’format miftuħ li jista’ jinqara mill-magni u li jiżgura l-interoperabbiltà, l-użu mill-ġdid u l-aċċessibbiltà.

KAPITOLU 8

RIEŻAMI

Artikolu 34

Rieżami

1.  
Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni tal-impatt akkumpanjata, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex jinkludi art imsaġġra oħra. Il-valutazzjoni għandha tinkludi, fost l-oħrajn, id-data limitu msemmija fl-Artikolu 2, bil-ħsieb li jiġi minimizzat il-kontribut tal-Unjoni għall-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-komoditajiet rilevanti fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.
2.  
Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni tal-impatt akkumpanjata, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal ekosistemi naturali oħra, inkluż art oħra b’ħażniet kbar ta’ karbonju u b’valur għoli ta’ bijodiversità bħal bwar, torbiera u art mistagħdra. Il-valutazzjoni għandha tkopri espansjoni potenzjali tal-ekosistema, inkluż abbażi tad-data limitu msemmija fl-Artikolu 2, bil-ħsieb li jiġi minimizzat il-kontribut tal-Unjoni għall-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali. Ir-rieżami għandu jindirizza wkoll il-ħtieġa u l-fattibbiltà tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal komoditajiet ulterjuri, inkluż il-qamħirrum. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-komoditajiet rilevanti fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, kif indikat minn evidenza xjentifika, u jqis il-bidliet fil-konsum.
3.  
Il-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi wkoll valutazzjoni ta’ jekk huwiex xieraq li tiġi emendata jew estiża l-lista ta’ prodotti rilevanti fl-Anness I sabiex jiġi żgurat li l-aktar prodotti rilevanti li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu, ta’ komoditajiet rilevanti jiġu inklużi f’dik il-lista. Dik il-valutazzjoni għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-inklużjoni potenzjali tal-bijokarburanti (kodiċi HS 382600) fl-Anness I.
4.  
Il-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tevalwa wkoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-prevenzjoni tal-flussi finanzjarji li jikkontribwixxu direttament jew indirettament għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u tivvaluta l-ħtieġa li jiġi previst kwalunkwe obbligu speċifiku għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-atti legali tal-Unjoni f’dak ir-rigward, b’kont meħud ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni orizzontali u settorjali eżistenti rilevanti.
5.  
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 biex temenda l-Anness I fir-rigward tal-kodiċijiet NM rilevanti ta’ prodotti rilevanti li fihom, ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti.
6.  

Sat-30 ta’ Ġunju 2028 u mill-anqas kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ġenerali ta’ dan ir-Regolament, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva. L-ewwel rapport minnhom għandu jinkludi b’mod partikolari, abbażi ta’ studji speċifiċi, evalwazzjoni ta’:

(a) 

il-ħtieġa ta’ għodod addizzjonali għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-fattibbiltà tagħhom — u b’mod partikolari għall-pajjiżi l-anqas żviluppati li dan ir-Regolament iħalli impatt qawwi fuqhom u l-pajjiżi jew partijiet minnhom ikklassifikati bħala ta’ riskju standard jew għoli — sabiex jappoġġaw il-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament;

(b) 

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-bdiewa, partikolarment dawk b’azjenda agrikola żgħira, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali u l-ħtieġa possibbli ta’ appoġġ addizzjonali għat-tranżizzjoni lejn ktajjen tal-provvista sostenibbli u għall-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(c) 

l-estensjoni ulterjuri tad-definizzjoni ta’ “degradazzjoni tal-foresti”, abbażi ta’ analiżi fil-fond, u filwaqt li titqies il-progress li sar fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-kwistjoni;

(d) 

il-limitu għall-użu obbligatorju tal-poligoni kif imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt (28), b’kont meħud tal-impatt tiegħu fuq l-indirizzar tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

(e) 

bidliet fix-xejriet kummerċjali tal-komoditajiet rilevanti u tal-prodotti rilevanti inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament meta dawk il-bidliet jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ prattika ta’ ċirkomvenzjoni;

(f) 

valutazzjoni ta’ jekk il-verifiki mwettqa kinux effettivi biex jiżguraw li l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti mqiegħda fis-suq jew esportati jikkonformaw mal-Artikolu 3.

KAPITOLU 9

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 35

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 34(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-29 ta’ Ġunju 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3.  
Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 34(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 34(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 36

Proċedura tal-Kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ).
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, wara li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tiegħu.

▼M1

Artikolu 37

Tħassir

1.  
Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 jitħassar b’effett mit-30 ta’ Diċembru 2025.
2.  
Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandu jibqa’ japplika sal-31 ta’ Diċembru 2028 għall-injam u l-prodotti tal-injam kif definit fl-Artikolu 2, punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u li ġew introdotti fis-suq mit-30 ta’ Diċembru 2025.
3.  
B’deroga mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-injam u l-prodotti tal-injam definiti fl-Artikolu 2, punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u li ġew introdotti fis-suq mill-31 ta’ Diċembru 2028 għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

1.  
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼M1

2.  
Soġġetta għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 3 sa 13, l-Artikoli 16 sa 24 u l-Artikoli 26, 31 u 32 għandhom jibdew japplikaw mit-30 ta’ Diċembru 2025.
3.  
Ħlief fir-rigward tal-prodotti koperti fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, għall-operaturi li sal-31 ta’ Diċembru 2020 kienu stabbiliti bħala intrapriżi mikro jew intrapriżi żgħar skont l-Artikolu 3(1) jew (2) tad-Direttiva 2013/34/UE, rispettivament, l-Artikoli msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jibdew japplikaw mit-30 ta’ Ġunju 2026.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 1

It-tabella li ġejja telenka l-oġġetti kif klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li huma msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ħlief prodotti sekondarji ta’ proċess tal-manifattura, meta dak il-proċess ikun involva materjal li ma kienx skart kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE, dan ir-Regolament ma japplikax għall-oġġetti jekk dawn ikunu prodotti kompletament minn materjal li jkun lesta ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u li kieku jkun intrema bħala skart kif definit fl-Artikolu 3, il punt (1), ta’dik id-Direttiva.



Komodità rilevanti

Prodotti rilevanti

Bhejjem tal-ifrat

0102 21 , 0102 29 Bhejjem tal-ifrat ħajjin

ex  02 01 Laħam tal-bhejjem tal-ifrat, frisk jew imkessaħ

ex  02 02 Laħam tal-bhejjem tal-ifrat, iffriżat

ex 0206 10 Ġewwieni li jittiekel tal-bhejjem tal-ifrat, frisk jew imkessaħ

ex 0206 22 Fwied li jittiekel tal-bhejjem tal-ifrat, iffriżat

ex 0206 29 Ġewwieni li jittiekel tal-bhejjem tal-ifrat (għajr l-ilsna u l-fwied), iffriżat

ex 1602 50 Laħam ieħor ippreparat jew ippriservat, ġewwieni tal-laħam, demm, ta’ bhejjem tal-ifrat

ex  41 01 Ġlud grezzi tal-bhejjem tal-ifrat (friski, jew immellħin, imnixxfin, ittrattati bil-ġir, piklati jew ippreservati b’mod ieħor, iżda mhux ikkonzati, ipparċminati jew ippreparati mod ieħor), kemm jekk imxerrħa jew bix-xagħar imneħħi kemm jekk le

ex  41 04 Ġlud ikkonzati jew “in crust” tal-bhejjem tal-ifrat, imġiżża, kemm dawk imxerrħa kif ukoll dawk li mhumiex, iżda mhux ippreparati mod ieħor

ex  41 07 Ġilda tal-bhejjem tal-ifrat, li ngħatat aktar trattament wara l-ikkonzar u l-crusting, din tinkludi l-ġilda pparċminata, imġiżża, kemm dawk imxerrħa kif ukoll dawk li mhumiex, ħlief ġilda tal-intestatura 4114

Kawkaw

1801 Żerriegħa tal-kawkaw, sħiħa jew imkissra, nejja jew mixwija

1802 Fosdoq tal-kawkaw, ħliefa, qxur u skart ieħor tal-kawkaw

1803 Paste tal-kawkaw, kemm jekk bix-xaħam imneħħi u kemm jekk le

1804 Butir, xaħam u żejt tal-kawkaw

1805 Trab tal-kawkaw, li ma jkunx fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud

1806 Ċikkulata u preparati oħrajn tal-ikel li fihom il-kawkaw

Kafè

0901 Kafè, kemm jekk inkaljat jew dekafeinat u kemm jekk le; ħliefa u qxur tal-kafè; sostituti tal-kafè li jkun fihom kafè fi kwalunkwe proporzjon

Żejt tal-palm

1207 10 Ġewż tal-palm u l-qlub tagħhom

1511 Żejt tal-palm u l-frazzjonijiet tiegħu, kemm jekk raffinat u kemm jekk le, iżda mhux modifikat kimikament

1513 21 Żejt grezz tal-lewż tal-palm u żejt babassu u l-frazzjonijiet tagħhom, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux modifikati kimikament

1513 29 Żejt tal-lewż tal-palm u żejt babassu u l-frazzjonijiet tagħhom, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux modifikati kimikament (bl-esklużjoni ta’ żejt grezz)

2306 60 Pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi solidi oħrajn tal-ġewż tal-palm jew il-qlub tagħhom, kemm jekk mitħunin jew fil-forma ta’ pellets u kemm jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni tal-ġewż tal-palm jew xaħmijiet jew żjut tal-qlub tagħhom

ex 2905 45 Gliċerol, b’purità ta’ 95 %jew aktar (ikkalkolat fuq il-piż tal-prodott niexef)

2915 70 Aċidu palmitiku, aċidu steariku, l-imlieħ u l-esteri tagħhom

2915 90 aċidi monokarbossiliċi aċikliċi saturati u l-anidridi, l-aloġenuri, il-perossidi u l-perossiaċidi tagħhom; u d-derivattivi aloġenati, sulfonati, nitrati jew nitrożati tagħhom (eskluż l-aċidu formiku, l-aċidu aċetiku, l-aċidi mono-, di- jew trikloroaċetiċi, l-aċidu propjoniku, l-aċidi butanojċi, l-aċidi pentanojċi, l-aċidu palmitiku, l-aċidu steariku, l-imlieħ u l-esteri tagħhom, u l-anidride aċetika)

3823 11 Aċidu steariku, industrijali

3823 12 Aċidu olejku, industrijali

3823 19 Aċidi grassi monokarbossiliċi industrijali, żjut tal-aċidu mir-raffinar; (minbarra aċidu steariku, aċidu olejku u aċidi xaħmin tat-tallol)

3823 70 Alkoħols xaħmin industrijali

Lastiku

4001 Lastiku naturali, balatá, guttaperka, guayule, chicle u gomom naturali simili, fil-forom primarji jew fi pjanċi, folji jew strixxi

ex  40 05 Lastiku kompost, mhux vulkanizzat, fil-forom primarji jew fi pjanċi, folji jew strixxi

ex  40 06 Forom oħrajn (pereżempju vireg, tubi u forom profilati) u oġġetti (pereżempju diski u ċrieki), tal-lastiku mhux vulkanizzat

ex  40 07 Ħajt u korda tal-lastiku vulkanizzat

ex  40 08 Pjanċi, folji, vireg u forom profilati, tal-lastiku vulkanizzat għajr lastiku iebes

ex  40 10 Conveyor belts u belts tat-trażmissjoni jew conveyor belting u belting tat-trażmissjoni, tal-lastiku vulkanizzat

ex  40 11 Tajers pnewmatiċi ġodda, tal-lastiku

ex  40 12 Tajers pnewmatiċi tal-lastiku riġenerati jew użati; tajers solidi jew kuxin, l-uċuħ tat-tajers u l-flaps tat-tajers, tal-lastiku

ex  40 13 Tubi ta’ ġewwa, tal-lastiku

ex  40 15 Oġġetti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ (inkluż ingwanti, mittens u mitts), għall-finijiet kollha, tal-lastiku vulkanizzat għajr lastiku iebes

ex  40 16 Oġġetti oħra tal-lastiku vulkanizzat għajr lastiku iebes, li mhumiex speċifikati x’imkien ieħor fil-kapitolu 40

ex  40 17 Lastiku iebes (pereżempju l-ebonit) fil-forom kollha inkluż skart u laqx; oġġetti tal-lastku iebes

Sojja

1201 Fażola tas-sojja, kemm jekk imkissra u kemm jekk le

1208 10 Dqiq u grixa tal-fażola tas-sojja

1507 Żejt tal-fażola tas-sojja u l-frazzjonijiet tiegħu, kemm jekk raffinat u kemm jekk le, iżda mhux modifikat kimikament

2304 Pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi solidi oħrajn, kemm jekk mitħunin jew fil-forma ta’ pellets u kemm jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt tal-fażola tas-sojja

Injam

4401 Qabs, fil-forma ta’ zkuk, qatgħat ta’ zkuk, friegħi, qatet jew forom simili; injam f’laqx jew partikuli; serratura u skart u laqx tal-injam, kemm jekk agglomerati fil-forma ta’ zkuk, briquettes, pellets jew forom simili, kif ukoll jekk le

4402 Karbonju tal-injam (inkluż karbonju tal-qxur jew tal-ġewż), agglomerat jew le

4403 Injam grezz, kemm jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija jew le, jew maqtugħ kwadru raff

4404 Injam għaċ-ċrieki; arbli mxerrħa; puntali, pali u bsaten tal-injam, bil-ponta iżda mhux issegati għat-tul; stikek tal-injam, mirqumin raff iżda mhux inturnjati, milwijin jew maħdumin mod ieħor, tajbin għall-manifattura tal-bsaten għall-mixi, umbrelel, mankijiet tal-għodod jew bħalhom; chipwood u simili

4405 Fibri tal-injam; dqiq tal-injam

4406 Traversi (cross-ties) tal-injam għal-linji tal-ferrovija jew tat-tramm

4407 Injam issegat jew imlaqqax għat-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat jew le, xkatlat jew bit-truf ġonġuti, ta’ ħxuna li taqbeż is-6 mm

4408 Folji għall-fuljetta (inkluż dawk magħmulin bit-tiflil ta’ injam laminat), għall-plywood jew għal injam simili laminat u njam ieħor, issegat għat-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat, xkatlat, impalellat jew bit-truf ġonġuti, ta’ ħxuna li ma taqbiżx is-6 mm

4409 Injam (inkluż strixxi u freġji għall-kisi tal-art bil-parquet, mhux assemblati) iffurmat b’mod kontinwu (b’minċott raġel, b’minċott mara, b’ħanek maqtugħ, iċċanfrinat, bi skanalatura-V, bil-gula, iffurmat, ittundjat jew simili) tul kwalunkwe xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew bit-truf ġonġuti jew le

4410 Particle board, oriented strand board (OSB) u board simili (pereżempju waferboard) tal-injam jew ta’ materjali oħrajn mill-injam, kemm jekk agglomerati bir-rażi jew sustanzi leganti organiċi oħrajn u kemm jekk le

4411 Fibreboard tal-injam jew materjali oħrajn mill-injam, magħqudin bir-rażi jew b’sustanzi organiċi oħrajn jew le

4412 Plywood, pannelli miksijin bil-fuljetta u injam laminat bħalhom

4413 Injam densifikat, fi blokok, folji, strixxi jew forom profilati

4414 Gwarniċi tal-injam għal pitturi, ritratti, mirja u oġġetti simili

4415 Cases għall-ippakkjar, kaxxi, ċestuni, ċilindri u pakki simili, tal-injam; rombli tal-injam tal-kejbils; pallets, pallets tal-kaxxi u boards oħrajn tat-tagħbija, tal-injam;

pallet collars tal-injam

(mhux inkluż materjal tal-ippakkjar użat esklużivament bħala materjal tal-ippakkjar biex jappoġġa, jipproteġi jew iġorr prodott ieħor introdott fis-suq.)

4416 Btieti, ċilindri, vats, tnelli u prodotti tal-buttara oħrajn u partijiet tagħhom, tal-injam, inkluż l-injam imqawwes (staves)

4417 Għodod, korpi tal-għodod, mankijiet tal-għodod, xkupi jew xkupilji u l-mankijiet tagħhom, tal-injam; forom ta’ bwiez jew żraben, tal-injam

4418 Xogħol tal-injam għal bennejja, inkluż pannelli tal-injam ċellulari, pannelli assemblati għall-paviment, shingles u shakes

4419 Oġġetti tal-mejda u tal-kċina, tal-injam

4420 Intarsjar fl-injam u injam intarsjat; kaxxetti u kaxxi għal ġojjellerija u għall-pożati, u oġġetti bħalhom, tal-injam; statwetti u ornamenti oħrajn, tal-injam; oġġetti tal-injam ta’ għamara li ma jaqgħux fil-Kapitolu 94

4421 Oġġetti oħrajn tal-injam,

Polpa u karta tal-Kapitoli 47 u 48 tan-Nomenklatura Magħquda, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti bbażati fuq il-bambù u rkuprati (skart u laqx)

ex 49 kotba stampati, gazzetti, stampi u prodotti oħrajn tal-industrija tal-istampar; manuskritti, testi ttajpjati u pjanti, tal-karta

ex  94 01 Sits (għajr dawk tal-intestatura 9402 ), kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u l-parts tagħhom, tal-injam

9403 30 , 9403 40 , 9403 50 , 9403 60  u 9403 91 Għamara tal-injam, u partijiet minnha

9406 10 Bini prefabbrikat tal-injam




ANNESS II

Dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta

L-informazzjoni li jeħtieġ tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 4(2):

1. 

Isem l-operatur, l-indirizz u, fil-każ ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew joħorġu minnu, in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

2. 

Il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata, id-deskrizzjoni b’test liberu, inkluż l-isem kummerċjali kif ukoll, fejn applikabbli, l-isem xjentifiku sħiħ, u l-kwantità tal-prodott rilevanti li l-operatur beħsiebu jintroduċi fis-suq jew jesporta. Għal prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew joħorġu minnu, il-kwantità trid tiġi espressa f’kilogrammi tal-massa netta u, fejn applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li tikkorrispondi għall-kodiċi tas-Sistema Armonizzata indikata jew, fil-każijiet l-oħra kollha, espressa f’massa netta li tispeċifika stima perċentwali jew devjazzjoni jew, fejn applikabbli, f’volum nett, jew fl-għadd ta’ unitajiet. Unità supplimentari hi applikabbli fejn tkun iddefinita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli skont il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmija fid-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta.

3. 

Il-pajjiż tal-produzzjoni u l-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art kollha fejn ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti. Għal prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-bhejjem tal-ifrat, u għal tali prodotti rilevanti li ntemgħu bi prodotti rilevanti, il-ġeolokalizzazzjoni għandha tirreferi għall-istabbilimenti kollha fejn jitrabbew il-bhejjem tal-ifrat. Fejn il-prodott rilevanti jkun fih jew ikun sar bl-użu ta’ komoditajiet prodotti f’biċċiet art differenti, għandha tiġi inkluża l-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art kollha f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (d).

4. 

Għal operaturi li jirreferu għal dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta eżistenti skont l-Artikolu 4(8) u (9), in-numru ta’ referenza ta’ tali dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta.

5. 

It-test: “Permezz tas-sottomissjoni ta’ din id-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta, l-operatur jikkonferma li d-diliġenza dovuta f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1115 twettqet u li ma nstab l-ebda riskju jew instab biss riskju negliġibbli li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx mal-Artikolu 3, il-punt (a) jew (b), ta’ dak ir-Regolament”.

6. 

Firma fil-format li ġej:

“Iffirmat għal u f’isem:

Data:

Isem u funzjoni: Firma:”.



( 1 ) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

( 3 ) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

( 4 ) Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

( 5 ) Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

( 6 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

( 7 ) Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 1).

( 8 ) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

( 9 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

Top