Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020R1275

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1275 tas-6 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha

    C/2020/4583

    IO L 300, 14.9.2020, p. 26–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument Fis-seħħ

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1275/oj

    14.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 300/26


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1275

    tas-6 ta’ Lulju 2020

    li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 227 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 (2) introduċa għadd ta’ derogi għar-regoli eżistenti biex jgħinu lis-setturi tal-frott u l-ħaxix u s-settur tal-inbid ilaħħqu mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

    (2)

    Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, fis-sena 2020, ħafna organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħaxix qed isibu diffikultà fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali approvati tagħhom. Xi wħud mill-azzjonijiet u l-miżuri approvati mhux se jiġu implimentati fl-2020 u għalhekk parti mill-fondi operazzjonali mhux se jintefqu. Organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti oħrajn qed jemendaw il-programmi operazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jimplimentaw l-azzjonijiet u l-miżuri li jindirizzaw l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-frott u l-ħaxix, bħall-miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet. Il-flessibbiltà fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ programmi operazzjonali diġà ġiet prevista fir-Regolament Delegat (UE) 2020/592.

    (3)

    L-implimentazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592 uriet li huma meħtieġa aktar miżuri biex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il-fondi operazzjonali tagħhom, b’mod partikolari fejn ikunu mmodifikaw il-programmi operazzjonali tagħhom abbażi ta’ dak ir-Regolament.

    (4)

    Jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jidderieġu mill-ġdid il-fondi, inkluża l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fi ħdan il-fond operazzjonali għall-miżuri li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19. Biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jagħmlu dan, huwa meħtieġ li, fis-sena 2020, ikun hemm żieda fil-limitu tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 minn 50 % għal 70 % tan-nefqa reali mġarrba.

    (5)

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/592 introduċa għadd ta’ derogi għar-regoli eżistenti fis-settur tal-inbid li kellhom l-għan li jipprovdu ftit nifs lill-produtturi tal-inbid u jgħinuhom ilaħħqu mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, mill-pubblikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592, is-sitwazzjoni għas-settur tal-inbid kompliet sejra għall-agħar.

    (6)

    Il-ħażniet tal-inbid fil-bidu tas-sena tas-suq 2019–2020 kienu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009. F’Mejju 2020, l-esportazzjonijiet tal-inbid lejn pajjiżi terzi mill-Istati Membri li jipproduċu l-iktar naqsu b’bejn 22 % u 63 % fil-volum taħt dawk ta’ Mejju 2019. Il-konsum tal-inbid ġie affettwat ħafna minn konsegwenzi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, bħall-għeluq tal-fruntieri, l-għeluq tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u l-interruzzjoni tal-attivitajiet turistiċi kollha. Dawn l-elementi kollha qegħdin kontinwament jikkawżaw it-tkabbir tas-surplus tal-inbid u qed ipoġġu pressjoni fuq is-suq u fuq il-prezzijiet.

    (7)

    Is-sitwazzjoni mhijiex mistennija li titjieb malajr, anke bl-attivitajiet ta’ ospitalità li parzjalment qed jerġgħu jibdew fl-Unjoni. Il-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti huwa ġeneralment suġġett għar-rekwiżiti ta’ tbegħid soċjali, li jfisser li r-ristoranti u l-bars ma jkunux jistgħu jakkomodaw l-istess numru ta’ klijenti bħal qabel ma l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19. Skont l-istimi tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, 30 % tar-ristoranti jaf ma jistgħux jerġgħu jinfetħu. F’bosta Stati Membri, għad hemm fis-seħħ restrizzjonijiet rigward l-ammont ta’ nies f’laqgħat soċjali, inkluż fl-avvenimenti privati ta’ ċelebrazzjoni bħal tiġijiet, fejn tradizzjonalment jiġi kkunsmat l-inbid. Il-kuntatt ristrett għadu rakkomandat jew impost u ċ-ċittadini mhumiex lesti li jerġgħu jibdew l-attivitajiet soċjali preċedenti tagħhom minħabba li l-pandemija tal-COVID-19 għadha għaddejja. Konsegwentement, minkejja l-illaxkar ta’ ċerti regoli imposti matul il-lockdown, f’Ġunju 2020 is-sitwazzjoni għadha mhix lura għan-normal, u din is-sitwazzjoni aktarx tkompli.

    (8)

    Konsegwentement, minħabba d-durata tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-kontinwazzjoni tal-effetti tagħhom, l-impatti ekonomiċi fuq terminu twil fuq is-swieq ewlenin għall-prodotti tas-settur tal-inbid u l-effetti negattivi tagħhom fuq id-domanda għall-inbid komplew u marru għall-agħar.

    (9)

    Fid-dawl ta’ dan it-tfixkil partikolarment qawwi tas-suq u tal-akkumulazzjoni ta’ ċirkostanzi diffiċli fis-settur tal-inbid, li jibdew bl-impożizzjoni mill-Istati Uniti ta’ tariffi fuq l-importazzjonijiet ta’ nbejjed tal-Unjoni f’Ottubru 2019 u li jkomplu bil-miżuri ta’ restrizzjoni minħabba l-pandemija dinjija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi li għadhom iġorru magħhom, is-settur tal-inbid qed jesperjenza diffikultajiet eċċezzjonali, inkluż ta’ natura finanzjarja. Dan iħalli impatt fuq l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet taħt il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid minħabba li l-operaturi qed isofru minn tnaqqis kbir ta’ likwidità meta mqabbel mas-snin normali.

    (10)

    L-implimentazzjoni tal-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi u ż-żidiet fil-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni introdotti bir-Regolament Delegat (UE) 2020/592 urew li mhumiex biżżejjed biex titjieb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-operaturi fis-settur tal-inbid. B’mod partikolari, ma jistgħux jikkumpensaw għat-telf kbir tad-dħul li qed jirriżulta mill-kriżi.

    (11)

    B’kont meħud ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li l-benefiċjarji jkunu jistgħu jirċievu pagamenti bil-quddiem skont il-miżuri introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2020/592, jiġifieri “distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi” u “għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi”. These advances should cover 100 % of the amount of the Union support and should be paid provided that a guarantee of an amount at least equal to 110 % of the advance has been lodged. Dan isir bl-intenzjoni li jiggarantixxi li jkun jista’ jiġi rtirat kemm jista’ jkun inbid mis-suq taħt dawn iż-żewġ miżuri matul is-sena finanzjarja 2020, filwaqt li jgħin lill-benefiċjarji kkonċernati bil-likwidità tagħhom u jipprovdi flessibilità li tippermetti lil aktar benefiċjarji jwettqu operazzjonijiet taħt dawn iż-żewġ miżuri. Barra minn hekk, li jiġi permess il-ħlas ta’ pagamenti 100 % bil-quddiem jippermetti lill-Istati Membri jużaw b’mod effiċjenti l-allokazzjoni finanzjarja annwali tagħhom u jikkumpensaw id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    (12)

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/592 ippreveda wkoll il-possibbiltà li l-Istat Membru jagħti pagamenti nazzjonali li jikkomplementaw l-appoġġ tal-Unjoni għall-miżuri ta’ “distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi” u “għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi” għaliex, bħala konsegwenza tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, jeħtieġ li jiġu rtirati mis-suq l-ogħla kwantitajiet possibbli ta’ nbid li la ġew ikkonsmati, la mibjugħa u lanqas esportati matul il-perjodu tal-pandemija. Il-pagamenti nazzjonali jagħmluha possibbli li jiġu massimizzati dawn il-kwantitajiet flimkien ma’ dawk li jistgħu jiġu appoġġati taħt il-limiti tal-baġit stabbiliti għall-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid. Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/592 ippreveda wkoll li dawk il-pagamenti nazzjonali addizzjonali jkunu soġġetti għal regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, dan l-obbligu wera li jagħmilha impossibbli għal ċerti Stati Membri li jagħtu pagamenti nazzjonali u jimplimentaw il-miżuri introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2020/592 b’mod effiċjenti. Għalhekk huwa xieraq li r-Regolament Delegat (UE) 2020/592 jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-Artikolu 211(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jipprevedi li l-pagamenti magħmula mill-Istati Membri ma jkunux soġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, japplika għal dawk il-miżuri.

    (13)

    Fost id-derogi introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2020/592, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż reali tal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 46(6), 47(3), 49(2) u 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 żdiedet temporanjament b’ 5 % jew 10 %.

    (14)

    Barra minn hekk, qabel ir-Regolament Delegat (UE) 2020/592, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/132 (3) introduċa, b’deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, żieda temporanja ta’ 10 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż reali tal-miżura “promozzjoni” biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni diffiċli fis-swieq tal-esportazzjoni wara l-impożizzjoni mill-Istati Uniti ta’ tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni f’Ottubru 2019.

    (15)

    Iż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-Unjoni tirrappreżenta forma ta’ appoġġ finanzjarju li, madankollu, ma teħtieġx finanzjament addizzjonali min-naħa tal-Unjoni għax jibqgħu japplikaw il-limiti baġitarji għall-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jallokaw ammonti akbar għall-miżuri inkwistjoni biss fil-baġit annwali previst f’dak l-Anness. Għaldaqstant, il-miżura hi mmirata biex tipprovdi appoġġ lis-settur f’din is-sitwazzjoni instabbli tas-suq mingħajr ma jkun hemm bżonn jiġu mmobilizzati iżjed fondi.

    (16)

    Madankollu, l-ewwel reazzjonijiet tas-settur ippreżentat lill-Kummissjoni mill-Intergrupp tal-Inbid u l-Ispirti tal-Parlament Ewropew u mir-rappreżentanti tas-settur Ewropew tal-inbid indikaw li ż-żidiet ta’ hawn fuq fil-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-miżura ta’ “promozzjoni”, introdotta bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/132, u għall-miżuri ta’ “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, “ħsad bikri”, “assigurazzjoni tal-ħsad” u “investimenti”, introdotti bir-Regolament Delegat (UE) 2020/592, ma kinux biżżejjed biex jippermettu lill-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji potenzjali jimplimentaw dawn il-miżuri fl-2020. L-ammonti li ntefqu taħt il-limiti baġitarji għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ mis-16 ta’ Ottubru 2019 sal-aħħar ta’ April 2020 huma taħt il-medja tas-soltu tan-nefqa bejn is-16 ta’ Ottubru u l-aħħar ta’ April tas-sena ta’ wara.

    (17)

    Jidher ċar li l-miżuri ta’ lockdown li ttieħdu fl-Istati Membri matul dawn l-aħħar xhur aggravaw is-sitwazzjoni, peress li, fost l-oħrajn, ir-restrizzjonijiet f’movimenti ta’ oġġetti u ta’ persuni, introdotti fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, waqqfu lill-operaturi milli japplikaw għal finanzjament taħt il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid u l-benefiċjarji milli jimplimentaw l-operazzjonijiet magħżula tagħhom. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri nefqu ammont żgħir ħafna tal-allokazzjoni baġitarja tagħhom għas-sena finanzjarja 2020.

    (18)

    Minħabba l-kombinazzjoni bla preċedent ta’ ċirkostanzi u t-tfixkil fis-suq li jirriżulta, jeħtieġ li jiġi pprovdut aktar appoġġ finanzjarju lill-operaturi biex jgħinuhom permezz ta’ dawn iż-żminijiet ekonomikament diffiċli. Din il-flessibbiltà hija finanzjarjament possibbli minħabba d-disponibbiltà ta’ fondi riżervati għall-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid li baqgħu ma ntefqux sa issa u li, minħabba l-annwalità baġitarja, kieku jintilfu.

    (19)

    Sabiex jiġi pprovdut l-appoġġ meħtieġ għas-settur tal-inbid u sabiex il-benefiċjarji potenzjali jiġu megħjuna jimplimentaw miżuri skont il-programm nazzjonali ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid, li għandhom l-għan li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq u huma meħtieġa biex jgħinu l-irkupru tagħhom wara l-kriżi, huwa xieraq li ssir deroga mill-Artikoli 45(3), 46(6), 47(3), 49(2) u 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għad-durata ta’ din il-miżura. Jenħtieġ li d-derogi jipprevedu żieda temporanja ta’ 20 % tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-miżura ta’ “informazzjoni”, kif stabbilit fl-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u b’10 % addizzjonali għall-miżura ta’ “promozzjoni”, kif attwalment stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/132, u għall-miżuri ta’ “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, ta’ “ħsad ekoloġiku”, ta’ “assigurazzjoni tal-ħsad” u ta’ “investimenti”, kif attwalment stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/592. Dan se jipprovdi lill-benefiċjarji b’aktar għajnuna finanzjarja billi jnaqqas il-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarji u jgħin lill-Istati Membri jużaw il-massimu tal-baġit disponibbli tagħhom.

    (20)

    Sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni, jenħtieġ li l-possibbiltà għall-benefiċjarji li jitolbu pagamenti bil-quddiem ta’ 100 % għad-distillazzjoni u l-ħżin ta’ kriżi u l-possibbiltà li l-Istati Membri jikkomplementaw il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal dawk il-miżuri b’pagamenti nazzjonali, mingħajr ma dawk il-pagamenti jkunu soġġetti għal regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, tapplika b’mod retroattiv mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592. Għall-istess raġuni u wkoll biex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tal-miżuri kollha, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-applikazzjonijiet li ntgħażlu taħt il-miżuri ta’ “informazzjoni u promozzjoni”, ta’ “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, ta’ “ħsad bikri”, ta’ “assigurazzjoni tal-ħsad” u ta’ “investimenti” wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592 u sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020 tista’ tiżdied retroattivament, u soġġett għar-rispett tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli.

    (21)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/592 jiġi emendat skont dan.

    (22)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2020/592

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/592 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Derogi temporanji mill-Artikolu 33(3) u 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

    B’deroga mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-limitu ta’ terz tan-nefqa għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet permezz tal-programm operazzjonali msemmi f’dik id-dispożizzjoni ma għandux japplika fis-sena 2020.

    B’deroga mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-fond operazzjonali fl-2020 ma għandhiex taqbeż l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-fondi operazzjonali approvati mill-Istati Membri għas-sena 2020 u għandha tkun limitata għal 70 % tan-nefqa reali mġarrba.”;

    (2)

    L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Derogi mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

    B’deroga mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid permezz ta’ ħlasijiet bil-quddiem jew ħlasijiet tul is-sena finanzjarja 2020.”;

    (3)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu 7a li ġej:

    “7a.   Il-benefiċjarji tal-appoġġ taħt dan l-Artikolu jistgħu jitolbu l-ħlas bil-quddiem mill-aġenziji tal-pagamenti kompetenti, jekk din l-għażla tkun inkluża fil-programm nazzjonali ta’ appoġġ skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (*1). L-ammont tal-pagamenti bil-quddiem għandu jkun 100 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni. The advance shall be paid on condition that the beneficiary has lodged a bank guarantee or an equivalent security at least equal to 110 % of the amount of that advance in favour of the Member State concerned in accordance with Chapter IV of Commission Delegated Regulation (EU) No 907/2014 (*2). It-titolu ta’ sigurtà għandu jiġi rilaxxat meta l-aġenzija tal-pagamenti kompetenti tistabbilixxi li l-ammont ta’ nefqa proprja korrispondenti għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni marbuta mal-operazzjonijiet ikkonċernati ikun daqs l-ammont tal-pagament bil-quddiem.

    (*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1)."

    (*2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).”;"

    (b)

    il-paragrafi 8 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “8.   B’deroga mill-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali addizzjonali għall-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.

    9.   L-Artikoli 1 u 2, l-Artikolu 43, l-Artikoli 48 sa 54 u l-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 u l-Artikoli 1, 2 u 3, l-Artikoli 19 sa 23, l-Artikolu 25, u l-Artikoli 27 sa 31, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 33 sa 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (*3) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-appoġġ għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi.

    (*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).”;"

    (4)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:

    “6a.   Il-benefiċjarji tal-appoġġ taħt dan l-Artikolu jistgħu jitolbu l-pagament bil-quddiem mill-aġenziji tal-pagamenti kompetenti, jekk din l-għażla tkun inkluża fil-programm nazzjonali ta’ appoġġ skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149. L-ammont tal-pagamenti bil-quddiem għandu jkun 100 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni. The advance shall be paid on condition that the beneficiary has lodged a bank guarantee or an equivalent security at least equal to 110 % of the amount of that advance in favour of the Member State concerned in accordance with Chapter IV of Delegated Regulation (EU) No 907/2014. It-titolu ta’ sigurtà għandu jiġi rilaxxat meta l-aġenzija tal-pagamenti kompetenti tistabbilixxi li l-ammont ta’ nefqa proprja korrispondenti għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni marbuta mal-operazzjonijiet ikkonċernati ikun daqs l-ammont tal-pagament bil-quddiem.”;

    (b)

    il-paragrafi 7 u 8 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “7.   B’deroga mill-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali addizzjonali għall-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.

    8.   L-Artikoli 1 u 2, l-Artikolu 43, l-Artikoli 48 sa 54 u l-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 u l-Artikoli 1, 2 u 3, l-Artikoli 19 sa 23, l-Artikolu 25, l-Artikoli 27 sa 31, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 33 sa 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi.”;

    (5)

    jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

    “Artikolu 5a

    Deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

    B’deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-miżuri ta’ informazzjoni jew ta’ promozzjoni ma għandhiex taqbeż is-70 % tan-nefqa eliġibbli.”;

    (6)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Deroga mill-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

    B’deroga mill-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż reali ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji ma għandhiex tkun aktar minn 70 %. Fir-reġjuni inqas żviluppati, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż ta’ ristrutturar u konverżjoni ma għandhiex tkun aktar minn 90 %.”;

    (7)

    Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-appoġġ mogħti għall-ħsad bikri ma għandux ikun aktar minn 70 % tas-somma tal-ispejjeż diretti tal-qerda jew it-tneħħija tal-għenieqed tal-għeneb u t-telf tad-dħul relatat ma’ tali qerda jew tneħħija.”;

    (8)

    Fl-Artikolu 8, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-appoġġ għall-assigurazzjoni tal-ħsad ma għandhiex tkun aktar minn 70 % tal-kost tal-primjums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi għall-assigurazzjoni:”;

    (9)

    Fl-Artikolu 9, il-punti (a) sa (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    70 % fir-reġjuni inqas żviluppati;

    (b)

    60 % fir-reġjuni li mhumiex reġjuni inqas żviluppati;

    (c)

    90 % fir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat;

    (d)

    85 % fil-gżejjer minuri tal-Eġew kif definit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

    (*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).”;"

    (10)

    L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 10

    Applikazzjoni taż-żieda temporanja fil-kontribuzzjoni tal-Unjoni

    L-Artikoli 5a, 6, 7(2), 8 u 9 għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet magħżula mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-punti (2) sa (10) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-4 ta’ Mejju 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 tat-30 ta’ April 2020 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha (ĠU L 140, 4.5.2020, p. 6).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/132 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi miżura ta’ emerġenza fil-forma ta’ deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-miżura ta’ promozzjoni fis-settur tal-inbid (ĠU L 27, 31.1.2020, p. 20).


    Fuq