Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32008D0982

2008/982/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta' Diċembru 2008 li tawtorizza lir-Renju Unit jikkonkludi ftehim mal-Bailiwick ta' Jersey, mal-Bailiwick ta' Guernsey u ma' l-Isle of Man sabiex it-trasferimenti ta' fondi bejn ir-Renju Unit u kull wieħed minn dawn it-territorji jitqiesu bħala trasferimenti ta' fondi fi ħdan ir-Renju Unit, skond ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7812)

ĠU L 352, 31.12.2008, pp. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/982/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 352/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta' Diċembru 2008

li tawtorizza lir-Renju Unit jikkonkludi ftehim mal-Bailiwick ta' Jersey, mal-Bailiwick ta' Guernsey u ma' l-Isle of Man sabiex it-trasferimenti ta' fondi bejn ir-Renju Unit u kull wieħed minn dawn it-territorji jitqiesu bħala trasferimenti ta' fondi fi ħdan ir-Renju Unit, skond ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7812)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2008/982/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-applikazzjoni tar-Renju Unit,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Diċembru 2006, ir-Renju Unit talab deroga, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006, għat-trasferimenti ta' fondi bejn il-Bailiwick ta' Jersey, il-Bailiwick ta' Guernsey, l-Isle of Man u r-Renju Unit.

(2)

F’konformità ma’ l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006, it-trasferimenti ta' fondi bejn il-Bailiwick ta' Jersey, il-Bailiwick ta' Guernsey u l-Isle of Man rispettivament u r-Renju Unit ilhom jitqiesu provviżorjament bħala trasferimenti ta' fondi fi ħdan ir-Renju Unit mill-1 ta' Jannar 2007.

(3)

L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu tat-18 ta' April 2008 li l-Kummissjoni qieset li kienet irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tevalwa t-talba tar-Renju Unit.

(4)

Il-Bailiwick ta' Jersey, il-Bailiwick ta' Guernsey u l-Isle of Man ma jagħmlux parti mit-territorju tal-Komunità, kif iddeterminat skond l-Artikolu 299 tat-Trattat tal-KE, imma jagħmlu parti miż-żona monetarja tar-Renju Unit u għalhekk jikkonformaw mal-kriterju stipulat fl-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006.

(5)

Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament fil-Bailiwick ta' Jersey, fil-Bailiwick ta' Guernsey u fl-Isle of Man jipparteċipaw direttament fis-sistemi ta' pagament u ta' kumpens tar-Renju Unit, u fil-futur ser jipparteċipaw fis-sistema ta’ “Pagamenti Mħaffa” [“Faster Payments”]. Għalhekk huma jikkonformaw mal-kriterju stipulat fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006.

(6)

Il-Bailiwick ta' Jersey, il-Bailiwick ta' Guernsey u l-Isle of Man rispettivament integraw, fis-sistemi ġuridiċi tagħhom, dispożizzjonijiet li jikkorrispondu ma' dawk tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006 partikolarment bir-Regolamenti ta' l-2007 dwar id-Dispożizzjonijiet Komunitarji (Trasferimenti Elettroniċi) (Jersey) [“Community Provisions (Wire Transfers) (Jersey) Regulations 2007”], bl-Ordinanzi dwar it-Trasferimenti ta' Fondi għal Guernsey, Sark u Alderney (Bailiwick ta' Guernsey) [“Transfers of Funds Ordinances for Guernsey, Sark and Alderney (Bailiwick of Guernsey)”], l-ordni ta' l-Isle of Man ta' l-2007 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar it-trasferimenti elettroniċi tal-Komunitajiet Ewropej [“Isle of Man's European Communities (Wire Transfers Regulation) (Application) Order 2007”] u bir-Regolament ta' l-2007 ta' l-Isle of Man dwar it-Trasferimenti Elettroniċi [“Isle of Man's EC Wire Transfer Regulations 2007”].

(7)

L-Ordni ta' l-2008 dwar il-Ħasil ta' Flus (Jersey) [“Money Laundering (Jersey) Order 2008”], issupplimentata bil-Manwal dwar il-Prevenzjoni u l-Iskoperta tal-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu [“Handbook for the Prevention and Detection of Money Laundering and the Financing of Terrorism”], ir-Regolamenti ta' l-2007 tal-Ġustizzja Kriminali tal-Bailiwick ta' Guernsey (Rikavati mill-Kriminalità) [“Bailiwick of Guernsey's Criminal Justice (Proceeds of Crime) Regulations 2007”], issupplimentat bil-Manwal għan-Negozji tas-Servizzi Finanzjarji dwar il-Ġlieda kontra l-Kriminalità Finanzjarja u l-Finanzjament tat-Terroriżmu [“Handbook for Financial Services Businesses on Countering Financial Crime and Terrorist Financing”], u l-Kodiċi ta' l-2007 tal-Ġustizzja Kriminali (Ħasil tal-Flus) ta' l-Isle of Man [“Isle of Man's Criminal Justice (Money Laundering) Code 2007”], issupplimentat bil-Manwal ta' Noti ta' Gwida kontra l-Ħasil tal-Flus [“Anti-Money Laundering Guidance Notes Handbook”], rispettivament jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' reġim sod kontra l-ħasil tal-flus f'dawn it-tliet ġurisdizzjonijiet.

(8)

L-Ordni ta' l-2001 (SI 2001 Nru 3363) dwar it-Terroriżmu (Miżuri tan-Nazzjonijiet Unit) (Channel Islands) [“Terrorism (United Nations Measures) (Channel Islands) Order 2001 (SI 2001 No 3363)”] u l-Ordni ta' l-2001 (SI 2001 Nru 3364) dwar it-Terroriżmu (Miżuri tan-Nazzjonijiet Unit) (Isle of Man) [“Terrorism (United Nations Measures) (Isle of Man) Order 2001 (SI 2001 No 3364)”], kif ukoll l-Ordni ta' l-2002 (SI 2002 Nru 258) dwar l-Al-Qa’ida u t-Taliban (Miżuri tan-Nazzjonijiet Unit) (Channel Islands) [“Al-Qaida and Taliban (United Nations Measures) (Channel Islands) Order 2002 (SI 2002 No 258)”] u ukoll l-Ordni ta' l-2002 (SI 2002 Nru 259) dwar l-Al-Qa’ida u t-Taliban (Miżuri tan-Nazzjonijiet Unit) (Channel Islands) [“Al-Qa’ida and Taliban (United Nations Measures) (Isle of Man) Order 2002 (SI 2002 No 259)”], flimkien ma' l-użu ta' lista kkonsolidata ta' assi identifikati biex jiġu ffriżati, maħruġa mir-Renju Unit, li tkopri l-miri għal sanzjonijiet finanzjarji elenkati min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Ewropea u mir-Renju Unit, jiżguraw li jeżistu miżuri xierqa fil-Bailiwick ta' Jersey, fil-Bailiwick ta' Guernsey u fl-Isle of Man sabiex jimponu penali finanzjarji fuq entitajiet jew persuni elenkati min-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Unjoni Ewropea.

(9)

Għalhekk, il-Bailiwick ta' Jersey, il-Bailiwick ta' Guernsey u l-Isle of Man adottaw l-istess regoli bħal dawk stabbiliti skond ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 u jeżiġu li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament rispettivi tagħhom japplikawhom u b'hekk jissodisfaw il-kriterju stipulat fl-Artikolu 17(1)(c) ta' dak ir-Regolament.

(10)

Huwa għalhekk xieraq li r-Renju Unit jingħata d-deroga mitluba.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jkun awtorizzat jikkonkludi ftehimiet mal-Bailiwick ta' Jersey, mal-Bailiwick ta' Guernsey u ma' l-Isle of Man rispettivament, sabiex it-trasferimenti ta' fondi bejn il-Bailiwick ta' Jersey, il-Bailiwick ta' Guernsey u l-Isle of Man rispettivament u r-Renju Unit jitqiesu bħala trasferimenti ta' fondi fi ħdan ir-Renju Unit għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.


Fuq