Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ajru Uniku Ewropew (SES)

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2024/2803 dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2024/2803 għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-mod li bih l-ispazju tal-ajru Ewropew u l-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru huma regolati, organizzati u ġestiti. Ir-regolament huwa allinjat ukoll mar-Regolament (UE) 2018/1139 (ir-Regolament Bażiku tal-EASA), b’mod partikolari biex jiġi indirizzat it-trikkib.

Dan jiffoka fuq:

  • l-iżgurar li s-sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) issir aktar effiċjenti, sostenibbli u kapaċi timmaniġġja d-domandi futuri tat-traffiku tal-ajru filwaqt li żżomm livell għoli ta’ sikurezza;
  • l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ġodda sabiex jiġu indirizzati l-isfidi persistenti fis-settur Ewropew tal-ATM.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) 2024/2803 għandu diversi objettivi ewlenin:

  • jagħmel il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (l-ATM) inqas frammentata sabiex jinħoloq netwerk Ewropew bla xkiel u spazju tal-ajru Ewropew aktar integrat;
  • jagħmel l-użu tal-ispazju tal-ajru aktar effiċjenti, inaqqas id-dewmien u jnaqqas l-ispejjeż operattivi tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs) għal-linji tal-ajru;
  • jippromwovi s-sostenibbiltà, jimminimizza l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni billi jirrikjedi rotot tat-titjiriet ottimizzati għall-klima u jnaqqas l-emissjonijiet;
  • jiżgura livell għoli ta’ sikurezza tal-ATM fl-Unjoni Ewropea (UE);
  • jinkoraġġixxi l-innovazzjoni, u b’hekk jitħaffu l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet diġitali li għandhom l-għan li jimmodernizzaw is-sistemi tal-ATM;
  • iżid il-kapaċità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u jiżgura li s-sistema tal-ATM tkun tista’ timmaniġġja l-volumi tat-traffiku tal-ajru li qed jikbru b’mod rapidu.

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament japplika għal dawn li ġejjin:

  • l-Istati Membri tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali. Ir-regolament jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-istruttura istituzzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali u jindirizza wkoll il-kooperazzjoni ċivili-militari.
  • Fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs). Entitajiet responsabbli għall-ġestjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.
  • Utenti tal-ispazju tal-ajru. Dawn jinkludu l-linji tal-ajru, l-operaturi tal-merkanzija u operaturi oħra tal-inġenji tal-ajru.
  • Ajruporti. B’mod partikolari dawk b’volumi sinifikanti ta’ traffiku.
  • Il-maniġer tan-netwerk. L-entità ċentrali responsabbli sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-funzjonijiet tan-netwerk, b’mod partikolari l-koordinazzjoni tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru madwar l-UE.
  • Il-Bord ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni. Il-bord stabbilit sabiex jgħin lill-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni ekonomika tal-ANSPs monopolistiċi.

Miżuri ewlenin

Ir-regolament jintroduċi diversi titjib sabiex jintlaħqu l-objettivi tiegħu.

  • Aktar għażla għall-ANSPs dwar kif jorganizzaw il-forniment tas-servizzi, inkluża l-għażla li jixtru servizzi fis-suq. Dan huwa akkumpanjat mill-bidliet legali meħtieġa sabiex jippermettu l-ħolqien ta’ suq għas-servizzi ta’ appoġġ (data, komunikazzjonijiet, meteoroloġija, radars, eċċ.).
  • Regolamentazzjoni ekonomika simplifikata, flimkien ma’ Bord ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni permanenti u indipendenti sabiex jagħti pariri lill-Kummissjoni, sabiex ir-regolamentazzjoni ssir aktar effettiva u s-servizzi jsiru aktar kosteffiċjenti.
  • Regolazzjoni ċara tal-prezzijiet għas-servizzi upstream ta’ monopolju meħtieġa għall-ġestjoni tat-traffiku tad-droni.
  • Rekwiżiti ta’ indipendenza aktar b’saħħithom għar-regolaturi nazzjonali mill-ANSPs (entitajiet regolati).
  • Maniġer tan-network tat-traffiku tal-ajru kkoordinat tajjeb, mifrux mal-Ewropa kollha, li jikkoordina u jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tan-network.

Struttura istituzzjonali

Ir-regolament jinkludi rekwiżiti aktar b’saħħithom sabiex jiġi żgurat li l-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (NSAs) (regolaturi nazzjonali) jkunu indipendenti mill-ANSPs (entitajiet regolati). Din l-indipendenza tirreferi b’mod partikolari għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u l-Istati Membri jridu jistabbilixxu regoli sabiex jevitaw kunflitti ta’ interess. Jekk l-NSA ma tkunx legalment separata mill-ANSP, l-Istat Membru jeħtieġ li juri kif jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ indipendenza. Barra minn hekk, l-NSA ma tistax tfittex, jew tieħu struzzjonijiet mill-ġerarkija fi ħdan l-amministrazzjoni b’awtorità fuq l-ANSP. Ir-rekwiżiti l-ġodda se jidħlu fis-seħħ fit-.

Barra minn hekk, hemm distinzjoni ċara bejn:

  • l-NSA, li hija stabbilita skont dan ir-Regolament, u li l-kompiti tagħha jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament – l-aktar ir-regolamentazzjoni ekonomika tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru; u
  • l-awtorità nazzjonali kompetenti stabbilita skont ir-Regolament Bażiku tal-EASA, u li l-kompiti tagħha jikkonċernaw is-sorveljanza tas-sikurezza.

Iż-żewġ awtoritajiet jistgħu jkunu lokalizzati flimkien (awtorità konġunta), iżda d-deċiżjonijiet tal-NSA jridu jittieħdu indipendentement minn deċiżjonijiet oħra mill-awtorità konġunta.

Ċertifikazzjoni

Ir-regolament jintegra r-rekwiżiti eżistenti għaċ-ċertifikazzjoni tal-ANSPs fir-Regolament Bażiku tal-EASA u jiċċara r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali fil-proċess taċ-ċertifikazzjoni. Huwa jintroduċi wkoll rekwiżiti essenzjali għas-servizzi tad-data dwar it-traffiku tal-ajru.

Rekwiżiti għall-forniment ta’ servizzi

Ir-regolament jinkludi kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni mill-Istati Membri tal-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u tal-fornituri tas-servizzi meteoroloġiċi fuq bażi esklużiva. Huwa jintroduċi wkoll rekwiżiti u kundizzjonijiet għall-akkwist ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (servizzi tat-traffiku tal-ajru fit-terminal, komunikazzjoni, radar, meteoroloġija, servizzi tad-data, eċċ.) fejn dawk is-servizzi ma jiġux ipprovduti direttament mill-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru.

Skemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti

Ir-regolament jinkludi regoli riveduti dwar l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti biex jirregolaw l-ANSPs monopolistiċi. Dawn se japplikaw għall-perjodu li jibda fl-2030. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti miri ta’ prestazzjoni fit-tliet oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin li ġejjin.

  • L-ambjent u l-klima. Il-minimizzazzjoni tal-impatt ambjentali u klimatiku tal-avjazzjoni.
  • Kapaċità. Iż-żieda fil-kapaċità li jiġi mmaniġġjat il-livell tal-volumi tat-traffiku tal-ajru.
  • Il-kosteffiċjenza. L-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ kostijiet, il-prevenzjoni ta’ imposti eċċessivi għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

Il-miri huma stabbiliti fil-livell tal-UE mill-Kummissjoni, appoġġati mill-Bord ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni. Il-Kummissjoni mbagħad tivvaluta u tapprova l-miri nazzjonali vinkolanti ppreżentati mill-Istati Membri. Hemm monitoraġġ u rappurtar regolari biex tiġi żgurata l-konformità. Barra minn hekk, is-sigurtà għadha qed tiġi mmonitorjata.

It-tisħiħ tar-rwol tal-maniġer tan-network

Il-maniġer tan-network għandu l-kompitu li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-funzjonijiet tan-network, li hija r-responsabbiltà tal-partijiet ikkonċernati operazzjonali kollha. Ir-responsabbiltajiet ewlenin jinkludu:

  • il-koordinazzjoni tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru u l-iżgurar tal-użu effiċjenti tal-ispazju tal-ajru, b’mod partikolari f’żoni b’konġestjoni;
  • il-koordinazzjoni tat-twassil ta’ kapaċità adegwata għall-ġestjoni tal-volumi tat-traffiku fin-netwerk Ewropew;
  • l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u l-monitoraġġ tal-funzjonament tal-infrastruttura tal-ATM fin-network kollu.

Innovazzjoni u diġitalizzazzjoni

Ir-regolament jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni fl-immodernizzar tas-sistema tal-ATM, b’mod partikolari permezz taċ-ċiklu tal-innovazzjoni tal-proġett SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew), u proġetti komuni li jiffukaw fuq:

  • l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-ATM bi prestazzjoni għolja, standardizzata u interoperabbli b’teknoloġiji aktar diġitali u mmexxija mid-data;
  • il-koordinazzjoni tal-użu mill-ANSPs u partijiet ikkonċernati oħra ta’ teknoloġiji ġodda, li jġibu benefiċċji għan-network tal-UE f’termini ta’ effiċjenza u impatt ambjentali mnaqqas.

Is-sostenibbiltà

Ir-regolament jinkludi miżuri sabiex titnaqqas l-impronta ambjentali tal-avjazzjoni, b’allinjament mal-għanijiet klimatiċi usa’ tal-UE, inkluż Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi:

  • it-titjib tal-koordinazzjoni tan-netwerk u l-ottimizzazzjoni tar-rotot tat-titjiriet sabiex jitnaqqsu l-konġestjoni, il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet;
  • l-istabbiliment ta’ miri għal prestazzjoni mtejba dwar l-aspetti klimatiċi u ambjentali mill-ANSPs;
  • l-appoġġ ta’ inċentivi finanzjarji għal prestazzjoni ambjentali aħjar mil-linji tal-ajru, possibbilment l-appoġġ għall-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jew inġenji tal-ajru aktar effiċjenti.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-.

L-Istati Membri għandhom sa sabiex jimplimentaw il-bidliet meħtieġa fl-istruttura istituzzjonali tal-NSAs, dwar l-iżgurar li l-ANSPs jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar it-trasparenza tal-kontijiet u dwar l-istabbiliment ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tar-regolament.

Il-Bord ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni ġie stabbilit fit-. Ir-regoli dwar l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti japplikaw għall-ħames perjodu ta’ referenza ’l quddiem.

Kompiti ġodda għall-maniġer tan-network se japplikaw ladarba deċiżjoni dwar il-ħatra tiegħu tkopri tali kompiti.

SFOND

Ir-regolament jemenda r-Regolament (UE) 2018/1139 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nri Nru 549/2004, Nru 550/2004 u Nru 551/2004.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2024/2803 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni) (ĠU L, 2024/2803, ).

l-aħħar aġġornament

Top