Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli riveduti għas-servizzi ta’ pagament fl-UE

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2015/2366 dwar is-servizzi ta’ pagamenti fis-suq intern

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva (UE) 2015/2366 (magħrufa bħala d-direttiva riveduta dwar is-servizz ta’ pagament jew il-PSD2) tipprovdi l-bażi legali għall-iżvilupp ulterjuri ta’ suq intern integrat aħjar għall-pagamenti elettroniċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE).
  • Hija tistabbilixxi regoli komprensivi għal servizzi ta’ pagament1, bil-għan li tassikura regoli armonizzati għall-provdiment ta’ servizzi fl-UE u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
  • Din għandha l-għan li tiftaħ is-swieq tal-pagamenti għal parteċipanti ġodda, li jwassal għal aktar kompetizzjoni, aktar għażla u prezzijiet aħjar għall-konsumaturi.
  • Tipprovdi wkoll il-pjattaforma legali neċessarja għaż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro.
  • Ir-Regolament (UE) 2024/886 jemenda d-Direttiva (UE) 2015/2366 fir-rigward ta’ ċerti arranġamenti li fornituri tas-servizz tal-pagament mhux bil-bank irid ikollhom fis-seħħ qabel ma jitolbu parteċipazzjoni fis-sistema ta’ pagamenti maħsuba għalhekk taħt id-Direttiva 98/26/KE

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 irrevokat d-Direttiva 2007/64/KE mit-.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

  • reġim ta’ liċenzjar għal istituzzjonijiet ta’ pagamenti, inklużi dawk li joffru informazzjoni dwar il-kont u servizzi ta’ bidu ta’ pagament (ibbankjar miftuħ);
  • it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għas-servizzi ta’ pagament, inklużi miżati;
  • id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-utenti u l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament;
  • rekwiżiti tas-sigurtà stretti għall-pagamenti elettroniċi u l-protezzjoni tad-data finanzjarja tal-konsumaturi, biex jiggarantixxu awtentikazzjoni sigura u jnaqqsu r-riskju tal-frodi.

Id-direttiva hija kkomplementata permezz tar-Regolament (UE) 2015/751 li jillimita t-tariffi tal-interkambju imposti bejn il-banek għal tranżazzjonijiet b’kard. Dan huwa mistenni jnaqqas l-ispejjeż għall-impriżi fl-aċċettazzjoni tal-kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumaturi.

Lejn integrazzjoni aħjar tas-suq tal-pagamenti tal-UE

Id-direttiva tistabbilixxi sett ta’ regoli ċar u komprensiv li japplika għall-fornituri eżistenti u ġodda ta’ servizzi ta’ pagament innovattivi. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw li dawn l-atturi jikkompetu fuq termini ugwali, li jwassal għal aktar effiċjenza, għażla u trasparenza fis-servizzi ta’ pagament, filwaqt li jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi f’suq tal-pagamenti armonizzat.

Il-ftuħ tas-suq tal-UE għal servizzi u fornituri ġodda

Id-direttiva għandha wkoll l-għan li tiftaħ is-suq tal-pagamenti tal-UE għal kumpaniji li joffru servizzi ta’ pagament orjentati lejn il-konsumatur jew lejn in-negozju bbażati fuq l-aċċess għall-kont ta’ pagament, b’mod partikolari:

  • servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet, li jippermettu lill-utenti tas-servizz ta’ pagament li, pereżempju, ikollhom ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fi kwalunkwe ħin, u b’hekk l-utenti jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il-finanzi personali tagħhom aħjar;
  • servizzi ta’ bidu ta’ pagament, li jibdew ordni fuq talba tal-utent ta’ servizz ta’ pagament fir-rigward ta’ kont ta’ pagament miżmum minn fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament.

Drittijiet tal-konsumatur

  • Id-drittijiet tal-konsumaturi huma msaħħa, inkluż:
    • responsabbiltà mnaqqsa għal pagamenti mhux awtorizzati minn EUR 150 għal EUR 50;
    • dritt ta’ rifużjoni mingħajr kundizzjonijiet għal debiti diretti bl-euro għal perjodu ta’ 8 ġimgħat;
    • it-tneħħija tal-ħlasijiet addizzjonali għall-użu ta’ kards ta’ kreditu jew ta’ debitu tal-konsumatur.
  • Il-Kummissjoni Ewropea pproduċiet fuljett elettroniku li jiffavorixxi l-utent li jelenka d-drittijiet tal-konsumaturi taħt id-direttiva u d-dritt tal-UE relatati.

Awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pagament

Id-direttiva ma tbiddilx il-kundizzjonijiet sostanzjalment għall-għoti tal-awtorizzazzjoni lil istituzzjonijiet ta’ pagament meta mqabbla mad-Direttiva 2007/64/KE. Madanakollu, l-istituzzjonijiet ta’ pagament li joffru servizzi ta’ bidu ta’ pagament jew servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet se jkunu meħtieġa li jkollhom assigurazzjoni ta’ indemnità professjonali jew garanzija komparabbli bħala kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni, rispettivament.

Id-direttiva fiha wkoll regoli dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pagament awtorizzati, flimkien ma’ miżuri fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Ir-Rwol tal-Awtorità Bankarja Ewropea

Ir-rwol tal-Awtorità Bankarja Ewropea huwa msaħħaħ, sabiex:

  • tiżviluppa reġistru ċentrali aċċessibbli għall-pubbliku ta’ istituzzjonijiet ta’ pagament awtorizzati, li għandu jinżamm aġġornat mill-awtoritajiet nazzjonali;
  • tassisti fir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-awtoritajiet nazzjonali;
  • tiżviluppa standards tekniċi regolatorji għall-items inklużi:
    • l-awtentikazzjoni msaħħa tal-klijent u mezzi ta’ komunikazzjoni siguri li jridu jikkonformaw magħhom il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament kollha,
    • tiżviluppa standards tekniċi regolatorji għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji.

Trasferimenti istantanji ta’ kreditu

Ir-Regolament (UE) 2024/886 dwar trasferimenti istantanji ta’ kreditu fl-euro jemenda d-Direttiva (UE) 2015/2366 fir-rigward ta’ ċerti arranġamenti li istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi jridu jimplimentaw qabel ma jitolbu parteċipazzjoni f’sistema ta’ pagamenti u, jekk jingħataw aċċess, matul parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagamenti maħsuba għalhekk taħt id-Direttiva 98/26/KE. Tali istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi ser ikollhom fis-seħħ:

  • deskrizzjoni tal-miżuri li ttieħdu biex jipproteġu l-fondi ta’ utenti tas-servizz ta’ pagament, pereżempju billi jiddepożitaw fondi ġo kont separat f’istituzzjoni ta’ kreditu jew bank ċentrali, jew billi jinvestuhom ġo assi likwidi sikuri, ta’ riskju baxx, kif definit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari;
  • deskrizzjoni tal-arranġamenti dwar governanza u mekkaniżmi interni ta’ kontroll għas-servizzi ta’ pagamenti jew servizzi ta’ flus elettroniċi li għandhom il-ħsieb li jużaw, inkluża ġestjoni tar-riskju u amminstrattivi u proċeduri ta’ kontabilità.
  • pjan ta’ likwidazzjoni fil-każ ta’ falliment.

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

Il-Kummissjoni adottat l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati li ġejjin fir-rigward tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni jew regolatorji rispettivament.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/2055 dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti marbuta mad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi tal-istituzzjonijiet ta’ pagament.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/389 (kif emendat mir-Regolament Delegat (UE) 2022/2360) dwar l-awtentikazzjoni tal-klijent u standards miftuħin ta’ komunikazzjoni li jkunu komuni u sikuri.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/410 dwar id-dettalji u struttura tal-informazzjoni li trid tkun notifikata minn awtoritajiet rilevanti lill-Awtorità Bankarja Ewropea fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/411 dwar l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni tar-reġistru elettroniku ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament, u dwar l-aċċess għall-informazzjoni li jinsab f’dan ir-reġistru.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1423 dwar il-kriterji għall-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament u dwar il-funzjonijiet ta’ dawk il-punti ta’ kuntatt ċentrali.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1722 dwar il-qafas għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri fil-kuntest tal-provvista transkonfinali tas-servizzi ta’ pagament.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-. Ir-regoli li hemm fid-direttiva ilhom japplikaw mill-istess data.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

  1. Servizzi ta’ pagament. Servizzi li jippermettu li flus jitqiegħdu fi jew jinġibdu minn kont ta’ pagament, flimkien mal-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim tal-kont. Dan jista’ jinkludi trasferimenti ta’ fondi, debiti diretti, trasferimenti ta’ kreditu u pagamenti bil-kard. Id-direttiva ma tkoprix tranżazzjonijiet stampati.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, , pp. 35–127).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2015/2366 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament

Top