Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-istrateġija tal-UE għas-Sirja

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni konġunta (JOIN(2017) 11 final) — l-istrateġija tal-UE għas-Sirja

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA?

Hija tistabbilixxi elementi għal strateġija tal-UE (li għandha tiġi approvata mill-Kunsill) dwar kif l-UE tista’ ttejjeb u tikkontribwixxi aħjar għal soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja taħt il-qafas eżistenti maqbul min-NU.

Il-komunikazzjoni hija l-aktar dokument strateġiku riċenti li jindirizza l-kriżi tas-Sirja. Hija ssegwi l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja stabbilita f’Marzu 2015 (u riveduta fl-2016) bħala parti mill-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u għall-Iraq, u għat-theddida tal-ISIL/Da’esh. Dak id-dokument stess segwa komunikazzjoni tal-2013 dwar approċċ komprensiv għall-kriżi tas-Sirja.

PUNTI EWLENIN

Għanijiet strateġiċi

Il-komunikazzjoni tistabbilixxi 5 għanijiet strateġiċi:

  • Sirja Waħda — pajjiż magħqud u integrali fuq livell territorjali għaċ-ċittadini kollha Sirjani.
  • Sirja demokratika — gvern leġittimu u sistema politika pluralistika li tirrispetta l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-individwu — abbażi ta’ ċittadinanza ugwali.
  • Sirja diversa u inklużiva — pajjiż multikulturali fejn il-gruppi etniċi u reliġjużi kollha jħossu li l-identitajiet tagħhom huma protetti u li għandhom aċċess ugwali għall-gvern.
  • Sirja b’saħħitha u sikura — stat effettiv b’istituzzjonijiet funzjonali, b’enfasi fuq is-sigurtà u s-servizzi taċ-ċittadini, armata nazzjonali waħda u forzi tas-sigurtà u tal-pulizija responsabbli.
  • Sirja stabbli — sistema politika stabbli u ekonomija b’saħħitha, li tipprovdi edukazzjoni u kura tas-saħħa xierqa lill-popolazzjoni tagħha, kif ukoll li tkun attraenti għall-investiment barrani, filwaqt li żżomm relazzjonijiet tajba mal-ġirien kollha tagħha u ssir sieħeb kostruttiv fil-komunità internazzjonali.

Wieħed jittama li l-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet iwassal għar-ritorn sikur, dinjituż u volontarju tar-refuġjati u ta’ persuni spostati oħrajn.

Objettivi

Il-komunikazzjoni tivvaluta r-riskji u t-theddid li ħolqot il-gwerra tas-Sirja għall-interessi ewlenin tal-UE, u l-istabbiltà reġjonali u globali. B’reazzjoni għal dan, hija tistabbilixxi lista ta’ objettivi tal-UE inkluż:

  • it-tmiem tal-gwerra permezz ta’ proċess ta’ tranżizzjoni politika nnegozjat mill-partijiet għall-kunflitt bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja u atturi reġjonali u internazzjonali ewlenin;
  • il-promozzjoni ta’ tranżizzjoni inklużiva u li tagħmel sens fis-Sirja permezz tal-appoġġ għat-tisħiħ tal-oppożizzjoni politika, f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2254 u l-Komunikat ta’ Ġinevra;
  • il-promozzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni permezz tat-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Sirjana;
  • il-promozzjoni ta’ proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali bbażat fuq sforzi għall-bini ta’ paċi u l-ħidma kontra l-estremiżmu vjolenti u s-settarjaniżmu, inkluż approċċ għal ġustizzja tranżizzjonali li jenħtieġ li jinkludi r-responsabbiltà għal delitti tal-gwerra;
  • is-salvataġġ ta’ ħajjiet billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji tal-aktar Sirjani vulnerabbli fil-ħin, b’mod effiċjenti u ta’ prinċipju;
  • l-appoġġ tar-reżiljenza tal-popolazzjoni Sirjana, tal-istituzzjonijiet Sirjani u tas-soċjetà Sirjana.

Azzjonijiet

Sabiex dawn l-objettivi jiġu implimentati, il-komunikazzjoni tistabbilixxi għadd ta’ azzjonijiet li għandhom jitwettqu f’koordinazzjoni mill-qrib mal-isħab reġjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawn jinknludu:

  • inizjattiva, koordinata man-NU, sabiex jiġi stabbilit djalogu politiku mal-atturi ewlenin mir-reġjun biex tiġi identifikata bażi komuni għar-riżultat finali fis-Sirja u l-kundizzjonijiet għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u rikostruzzjoni;
  • l-Inizjattiva tal-UE għall-Appoġġ għall-Proċess ta’ Paċi fis-Sirja qed tiżviluppa pjattaforma konkreta sabiex tappoġġja l-proċess ta’ paċi u l-waqfien mill-ġlied, issaħħaħ il-partijiet fl-oppożizzjoni u tikkontribwixxi għad-djalogu mas-soċjetà ċivili;
  • issaħħaħ id-djalogu mal-gruppi tal-oppożizzjoni u l-partijiet ikkonċernati Sirjani, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-mexxejja reliġjużi u tribali, il-komunità tan-negozju u l-assoċjazzjonijiet tan-nisa, bil-għan li tinkorpora l-fehimiet tagħhom fi pjattaforma politika;
  • tassisti l-elementi differenti tas-soċjetà Sirjana biex jappoġġjaw il-koeżistenza paċifika u r-reżiljenza tal-komunità bħala prerekwiżit għall-bini ta’ Sirja demokratika futura.

Ippjanar bikri għar-rikostruzzjoni u t-tranżizzjoni

Sabiex tkun lesta taġixxi malajr u b’mod effettiv ladarba t-tranżizzjoni politika tkun bdiet, il-komunikazzjoni tistabbilixxi passi li jkopru:

  • ippjanar ta’ wara l-ftehim — dan jinkludi li tkompli tkun involuta u tikkontribwixxi fl-eżerċizzju tal-ippjanar ta’ wara l-ftehim imwettaq mit-Task Force Interaġenziji tan-NU;
  • l-irwol tal-UE fir-rikostruzzjoni tas-Sirja — dawn jistgħu jinkludu t-tneħħija ta’ sanzjonijiet, it-tkomplija ta’ kooperazzjoni u l-immobilizzar ta’ finanzjament.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja (JOIN(2017) 11 final, )

l-aħħar aġġornament

Top