EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015JC0002

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da’esh

/* JOIN/2015/0002 final */

52015JC0002

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da’esh /* JOIN/2015/0002 final */


ELEMENTI GĦAL STRATEĠIJA REĠJONALI TAL-UE GĦAS-SIRJA U L-IRAQ

KIF UKOLL GĦAT-THEDDIDA TAD-DA’ESH

Sommarju

Fl-20 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin esprima d-determinazzjoni tal-UE biex tindirizza b’mod komprensiv u koordinat il-kriżi fis-Sirja u l-Iraq u t-theddida li qed joffri d-Da'esh[1]. Għal dan il-għan, huwa sejjaħ lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jiżviluppaw strateġija reġjonali komprensiva tal-UE.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni Konġunta huwa li tispjega l-azzjonijiet li l-UE u l-Istati Membri tagħha se jieħdu biex iġibu lura l-paċi u s-sigurtà fis-Sirja u l-Iraq. L-azzjonijiet huma bbażati fuq analiżi fil-fond tas-sitwazzjonijiet fiż-żewġ pajjiżi u l-fatturi li jikkontribwixxu għall-kriżi kurrenti, li jinkludu tmexxija dittattorjali ripressiva, kunflitti bl-armi, tmexxija esklussiva u korrotta, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, diviżjonijiet settarji, il-perċezzjoni ta’ sezzjonijiet tal-popolazzjoni Sunnita li jħossuhom emarġinati kif ukoll tensjonijiet bejn poteri reġjonali li għandhom impatt negattiv fuq l-affarijiet interni tas-Sirja u l-Iraq.

Ir-rispons tal-UE spjegat hawn jibni fuq l-analiżi u l-istrateġiji eżistenti[2], u jfittex li:

- Jidentifika l-interessi tal-UE u jistabbilixxi l-kontribut tal-UE għall-isforz usa’ internazzjonali biex tinkiseb il-paċi u s-sigurtà għal tul ta’ żmien fis-Sirja, l-Iraq u r-reġjun usa’ kif ukoll biex tkun miġġielda t-theddida tad-Da'esh;

- Jikseb kumplimentarjetà bejn l-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tal-UE, billi l-istrateġija titqies bħala waħda konġunta u billi jiġu identifikati għanijiet komuni;

- Jindirizza l-elementi komuni tal-kriżijiet fl-Iraq u s-Sirja (prinċipalment it-theddida terroristika u l-implikazzjonijiet umanitarji serji li dawn il-kriżijiet ġabu magħhom) kif ukoll l-elementi speċifiċi tagħhom;

- Jinkoraġġixxi l-pajjiżi tar-reġjun biex jieħdu responsabbiltà partikolari biex itemmu l-kriżijiet u jittrattaw l-estremiżmu vjolenti tad-Da'esh u ta’ gruppi terroristi oħrajn li jhedded primarjament lilhom, u joffri appoġġ xieraq tal-UE għall-isforzi tagħhom;

- Jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet inerenti tal-interventi ta’ sigurtà u ta’ kontra t-terroriżmu, tkun kemm tkun meħtieġa l-azzjoni militari fuq terminu ta’ żmien qasir. Ir-rispons tal-UE għalhekk jenfasizza l-ħtieġa ta’ ħidma sostnuta u komprensiva li tindirizza d-dinamiċi fundamentali tal-kunflitt permezz ta’ ħidma diplomatika u appoġġ fuq terminu twil għal riformi politiċi, żvilupp soċjoekonomiku u rikonċiljazzjoni etnosettarji.

L-azzjonijiet ippreżentati f’din il-komunikazzjoni konġunta jirrinfurzaw lil xulxin u għalhekk għandhom jittieħdu ġeneralment b’mod parallel. L-ordni dettaljata ta’ prijorità ta’ azzjonijiet differenti proposti għandha tkun iddeterminata b’mod dinamiku matul l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija, minħabba li l-UE għandha tirrispondi għal ċirkustanzi li qed jevolvu fuq il-post u tfittex il-kumplimentarjetà mal-isforzi tal-komunità internazzjonali.

Biex tilħaq l-għanijiet tagħha u tiżgura l-effettività tar-rispons tagħha, l-UE għandha tiżgura finanzjament sigur sostenibbli u prevedibbli li jkun proporzjonat mal-livell mingħajr preċedent tal-ħtiġijiet fir-reġjun. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi pakkett ta’ għajnuna ta’ EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE għas-snin 2015 u 2016. Id-dettalji ta’ din il-proposta huma mressqa fl-Istqarrija Finanzjarja annessa ma’ din il-komunikazzjoni.

1- KUNTEST

Il-ħtieġa għal qafas politiku komprensiv tal-UE għas-Sirja u l-Iraq

Il-Lvant Nofsani bħalissa għaddej minn kriżi profonda. Il-kunflitti fis-Sirja u l-Iraq huma kemm riflessjoni kif ukoll mutur ta’ din il-kriżi, bil-potenzjal dejjem akbar li jiġu destabilizzati pajjiżi ġirien u r-reġjun usa’. Dawn il-kriżijiet ħolqu diżastru umanitarju li qed jaffettwa iktar minn 13.5 miljun ruħ li kienu mġiegħla jaħarbu minn darhom (3.8 miljun refuġjat Sirjan fil-pajjiżi ġirien – hekk kif il-UNHCR qed tbassar 4.3 miljun sa tmiem l-2015 – u 7.6 miljun persuna spostati internament fis-Sirja biss), u iktar minn 17-il miljun ruħ bi ħtieġa ta’ għajnuna umanitarja (12.2 fis-Sirja u 5.2 fl-Iraq).

Wara iktar minn erba’ snin ta’ kunflitt brutali fis-Sirja, l-isforz iddikjarat tad-Da'esh li jaġixxi bħala stat alternattiv u ideoloġikament radikali appella għall-estremisti fir-reġjun u lil hinn, partikolarment f’żoni fis-Sirja u fl-Iraq fejn l-awtorità tal-istat ikkrollat u fejn jiddomina sentiment ta’ emarġinazzjoni soċjoekonomika.

Bħala attur importanti fir-reġjun, l-UE għandha responsabbiltà li tiżgura li tuża l-influwenza tagħha u l-istrumenti numerużi tagħha b’mod effettiv u koerenti biex tiddefendi l-ħajjiet, id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem, u li tgħin biex issolvi dawn il-kriżijiet, b’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab reġjonali u internazzjonali. B’mod partikolari, din l-istrateġija se tibni fuq u tikkumplimenta l-Istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu/il-ġellieda barranin u l-Komunikazzjoni Konġunta: Lejn approċċ komprensiv tal-UE għall-kriżi fis-Sirja. Barra minn hekk, hemm raġunijiet fundamentali ta’ interess dirett tal-UE biex iżżid l-impenn tagħha fis-Sirja, l-Iraq u l-pajjiżi ġirien. Dawn jinkludu: il-ksur ta’ valuri u drittijiet rikonoxxuti universalment li huma fil-qalba tal-politika barranija Ewropea; ir-riskju ta’ kollass tal-awtorità pubblika u kaos politiku f’pajjiżi li jkollhom jilqgħu refuġjati iktar milli jifilħu, bħal-Libanu u l-Ġordan, li jkomplu jżidu mal-pressjonijiet migratorji li jirriżultaw minn spostar tal-popolazzjoni u traffikar relatat tal-persuni; il-kontroll ta’ territorju minn Da'esh li jinfirex fuq żewġ stati; ir-riskju li tip ta’ terroriżmu ta’ Da'esh jinxtered għal pajjiżi oħrajn u iktar destabbilizzazzjoni tar-reġjun; it-theddida għas-sigurtà tal-UE minn ċittadini tal-UE (u oħrajn) li ngħaqdu ma’ gruppi terroristiċi bħala ġellieda terroristi barranin; il-konsegwenza li s-Sirja u l-Iraq jintilfu bħala sħab għall-paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani, bħala sħab fin-negozju u fornituri tal-enerġija; u t-telf ta’ wirt kulturali.

Sfond

Is-Sirja esperjenzat perjodu ta’ stabbiltà repressiva u koeżistenza interkonfessjonali wara li kolp militari fl-1966 introduċa t-tmexxija awtokratika tal-partit Baath. Bashar al-Assad ħa l-poter wara l-mewt ta’ missieru fis-sena 2000 b’wegħdiet ta’ riforma politika u ekonomika gradwali li ma kinux imwettqa biżżejjed. Il-ftuħ tal-ekonomija tas-Sirja u t-tkabbir segwenti tas-settur privat kixef żbilanċ soċjali kbir. Ir-riformi strutturali meħtieġa, li l-UE inkoraġġiet billi offriet lis-Sirja l-prospett ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni[3], ma twettqux b’mod suffiċjenti. Il-liberalizzazzjoni tal-ekonomija nazzjonali wasslet għal tkabbir ekonomiku li bbenefika l-iktar lill-klassi għolja assoċjata mar-reġim u l-apparat ta’ sigurtà tagħha, u li ma sarrafx fi żvilupp sostenibbli u ġust.

Fl-2011, movimenti ta’ protesti paċifiċi Sirjani b’aspirazzjonijiet demokratiċi, imnebbħa mill-movimenti tar-“Rebbiegħa Għarbija” f’pajjiżi oħrajn u mmexxija minn sens ta’ frustrazzjoni bl-ordni politiku u ekonomiku mhux inklużiv, ġew imrażżna b’mod brutali mir-reġim ta’ Assad. Dan wassal lil proporzjon tal-popolazzjoni Sirjana għal rewwixta bl-armi. Ir-ripressjoni brutali tal-protesti u r-rewwixta min-naħa tar-reġim ta’ Assad, il-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, it-tfixkil sistematiku ta’ riformi demokratiċi, u t-tkomplija tal-kunflitt mingħajr għan aħħari ċar wasslu biex il-forzi estremisti akkwistaw aktar poter għad-detriment tal-oppożizzjoni moderata. Il-partijiet fil-gwerra rċevew appoġġ minn poteri esterni, li kompla jgħarraq is-sitwazzjoni. Jabhat al-Nusra, il-fergħa uffiċjali tal-al-Qaeda fis-Sirja, u mbagħad id-Da'esh, bdew jiġbdu aktar nies lejhom u saħħew il-kapaċitajiet tagħhom. Fl-2014, id-Da'esh b’mod partikolari rnexxielu jestendi l-kontroll tiegħu fuq żoni għonja biż-żejt u l-gass fil-Lvant tas-Sirja, il-Punent tal-Iraq u fil-postijiet ta' qsim tal-fruntieri tul il-fruntiera Sirja-Turkija wara ġlied ma’ gruppi armati oħrajn.

Fl-Iraq, il-waqgħa tar-reġim ta’ Saddam Hussein fl-2003 kienet segwita minn nuqqas ta’ stabbiltà, kunflitt settarju u vjolenza terroristika li ġew indirizzati bi sforzi intensivi mill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni fl-Iraq. Fl-2012, l-UE ffirmat il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (PCA) mal-Iraq. Iżda filwaqt li ġiet stabbilita kostituzzjoni demokratika, żdiedet il-produzzjoni taż-żejt u tjiebet l-istabbiltà makroekonomika, it-tranżizzjoni tal-Iraq kienet ostakolata minn vjolenza kontinwa, instabbiltà politika, tmexxija awtoritarja, politika ta’ esklużjoni mill-gvern, korruzzjoni għolja u nuqqas ta’ riformi strutturali.

Dawn it-tendenzi negattivi kibru wara t-tluq tat-truppi tal-Istati Uniti fi tmiem l-2011. B’mod partikolari, ħafna Sunniti ħassewhom dejjem iktar imwarrba mis-sistema politika stabbilita wara l-2003 minħabba: emarġinazzjoni mit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali ta’ żoni Sunniti li wassal għal provvista inadegwata ta’ servizzi bażiċi; applikazzjoni arbitrarja ta’ leġiżlazzjoni ta’ “de-Baathifikazzjoni”; esklużjoni ta’ persunal militari tal-era ta’ Saddam mill-Forzi tas-Sigurtà Iraqin (ISF); kontroll qawwi taż-żoni Sunniti inkluż il-qtil dokumentat ta’ ċittadini Sunniti; qafas dgħajjef ta’ drittijiet tal-bniedem; u korruzzjoni u nepotiżmu mifruxa. Fl-istess ħin, il-komunità Xiita kienet qed issib postha fis-sistema l-ġdida wara snin ta’ oppressjoni ddominata mis-Sunniti, u l-gvern iddominat mix-Xiiti qatt ma kiseb aċċettazzjoni sħiħa madwar il-pajjiż. L-attakki terroristiċi mis-Sunniti kontra l-popolazzjoni tax-Xiiti kkontribwiet biex tkompli tkabbar il-firda settarja. Sa mill-2013, partijiet mill-popolazzjoni Sunnita rribellaw kontra l-gvern federali, u fetħu l-bibien għall-qawmien mill-ġdid tal-gruppi terroristiċi mnebbħa mill-al-Qaeda, b’mod partikolari d-Da'esh u gruppi neo-Baathisti li f’Ġunju 2014 ħadu żoni kbar ta’ territorju fil-Punent u t-Tramuntana tal-Iraq.

Id-Da'esh għalhekk uża u sfrutta n-nuqqas ta’ kuntentizza ta’ partijiet tal-popolazzjoni Sunnita kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq biex jifrex l-għanijiet tiegħu.

It-theddida tad-Da'esh għas-Sirja, l-Iraq u l-pajjiżi ġirien

Id-Da'esh u gruppi terroristi oħrajn jippreżentaw theddida ġdida għas-Sirja, l-Iraq, ir-reġjun usa’ u l-komunità internazzjonali b’mod ġenerali.

· Id-Da'esh huwa fenomenu transfruntier mifrux bejn żewġ stati sovrani, bil-għan li jaġixxi bħala stat (kontroll tat-territorju, organizzazzjoni ta’ dħul li jiffinanzja baġit ċentrali, impożizzjonijiet ta’ taxxi, provvista ta’ servizzi bażiċi, eċċ.). Jidher ċar li l-azzjonijiet terroristiċi u kriminali fis-Sirja u l-Iraq huma kkombinati ma’ azzjonijiet militari li jqarrbu lejn ribelljoni. Huwa rċieva wegħdiet ta’ alleanza u appoġġ minn organizzazzjonijiet simili f’numru ta’ pajjiżi Għarab, Afrikani u Asjatiċi.

· Id-Da'esh ċinikament jisfrutta xbihat tal-Epoka tad-Deheb tal-istorja politika Islamika. Il-Kalifat huwa ppreżentat bħala dak li jiġbor fi ħdanu l-aspirazzjonijiet għall-għaqda politika u kulturali. Huwa għandu ambizzjonijiet iddikjarati biex iwessa’ t-territorju tiegħu għall-pajjiżi ġirien bħal-Libanu, il-Ġordan u l-pajjiżi tal-Golf. L-ambizzjonijiet territorjali, il-kapaċitajiet, il-forom ta’ kif jilħaq nies oħrajn u n-netwerking, b’mod partikolar bis-saħħa tal-użu sofistikat tal-midja soċjali, huma bla preċedent. L-azzjonijiet tiegħu jappellaw għal gruppi oħrajn fir-reġjun, fl-Afrika ta’ Fuq u fl-Afrika tas-Sub-Saħara, u fl-Asja. Uħud minn dawn esprimew alleanza għad-Da'esh. It-tħabbira tal-hekk imsejjaħ “Kalifat”, segwit mit-tnedija ta’ azzjoni militari internazzjonali biex tittratta din it-theddida terroristika, wasslu għal fluss sinjifikanti ta’ ġellieda barranin li ngħaqdu mal-grupp fis-Sirja u l-Iraq.

· Bħala parti minn tattika maħsuba biex isaħħaħ l-awtorità tiegħu f’żoni fejn l-awtorità tal-istat ikkrollat, id-Da'esh qed iwettaq abbużi ħorox tad-drittijiet tal-bniedem li jammontaw għal reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra, inkluż qtil massiv ta’ persuni pajżani, jasar, tortura, eżekuzzjonijiet arbitrarji, vjolenza sesswali u vjolenza bbażata fuq is-sesswalità tal-persuna, li huma mmirati lejn minoranzi etniċi u reliġjużi iżda wkoll lejn membri tal-komunitajiet Sunniti li huma meqjusa bħala theddida. Dan diġà wassal għal spostar konsiderevoli tal-popolazzjoni fir-reġjun, ikkawża trawma sinifikattiva għall-persuni spostati, b’mod partikolari nisa u tfal, ikkawża influss massiv ta’ refuġjati lejn pajjiżi ġirien u żied ukoll il-pressjoni tal-migrazzjoni fuq l-UE.

· Id-Da'esh iħeġġeġ l-iskavar illeċitu ta’ oġġetti arkeoloġiċi u kulturali u juża siti ta’ wirt umanitarju, inklużi proprjetajiet tal-Wirt Dinji, għal għanijiet militari, li jwasslu għal qerda gradwali.

· Jista’ jkun li issa sar organizzazzjoni terroristika li kapaċi tiffinanzja lilha nnifisha bid-dħul tagħha stess minn sorsi bħall-bejgħ illegali taż-żejt u affarijiet oħrajn, l-impożizzjoni tat-taxxi, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar illegali fl-oġġetti kulturali, il-ħtif ta’ persuni għall-fidwa u s-serq (inkluż serq minn banek), biex b’hekk ma jibqax jiddependi fuq donazzjonijiet minn sponsors reġjonali.

Il-kwistjoni tal-Kurdi

Iż-żieda fil-vjolenza inkoraġġiet lill-komunitajiet Kurdi biex isaħħu t-tmexxija tagħhom infushom, jew biex ifittxu l-indipendenza, b’implikazzjonijiet konkomitanti għall-integrità, u potenzjalment l-istabbiltà fuq terminu twil, taż-żewġ pajjiżi.

Fl-Iraq, id-differenzi bejn ir-reġjun tal-Kurdistan u l-gvern federali li qatt ma ssolvew għal numru ta’ snin, bħall-adozzjoni ta’ mekkaniżmi permanenti għall-qsim tad-dħul (liġi tal-idrokarboni) u l-istatus ta’ territorji kkontestati, illum qed iżidu mal-piż ġenerali tal-kompiti li l-gvern tal-Iraq għandu jittratta b’mod urġenti minbarra l-isforzi li qed jagħmel biex jegħleb lid-Da'esh.

Il-Kurdi fis-Sirja kienu mġiegħla mir-reġim Sirjan biex jibqgħu barra mir-ribelljoni Sirjana sa mill-bidu tal-2011 bi skambju ma’ awtonomija de facto fir-reġjuni li huma prinċipalment popolati mill-Kurdi fil-grigal tas-Sirja. Minn meta feġġ id-Da’esh, il-Kurdi Sirjani kienu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontrih, flimkien mal-Kurdi minn pajjiżi ġirien. L-ewwel, huma ddefendew prinċipalment żoni ppopolati mill-Kurdi fis-Sirja (2013) u fl-Iraq (Muntanja Sinjar fl-2014) u l-aċċess mis-Sirja għall-bqija tar-reġjun tal-Kurdistan fl-Iraq. Sussegwentement, huma ddefendew ukoll il-belt assedjata ta’ Kobani u dawk li kienu msejħa “distretti awtonomi” prinċipalment ippopolati mill-Kurdi.

Kwalunkwe appoġġ tal-UE għar-reżistenza armata mill-Kurdi kontra d-Da'esh għandu jkun akkumpanjat minn assigurazzjonijiet qawwija lill-istati tar-reġjun tar-rispett tal-UE għall-integrità territorjali tagħhom.

Ir-riskju ta’ tixrid lejn pajjiżi ġirien

Il-Libanu

Il-kunflitt fis-Sirja u n-numru kbir ta’ refuġjati rreġistrati u mhux irreġistrati fil-Libanu (madwar 1.2 miljun f’Jannar 2015, li jirrappreżentaw iktar minn 25% tal-popolazzjoni tal-Libanu) qed iħarrax it-tensjonijiet eżistenti fis-soċjetà, l-istituzzjonijiet u l-komunitajiet Libaniżi u qed ikun ta’ piż fuq ir-riżorsi naturali skarsi. Filwaqt li l-Gvern Libaniż għażel l-hekk imsejjaħ “politika ta’ diżassoċjazzjoni” mill-kunflitt tas-Sirja, ibbażat fuq id-Dikjarazzjoni Baabda ta’ Ġunju 2012, il-gruppi terroristiċi tal-Ħeżbollaħ u s-Sunniti gradwalment żiedu l-parteċipazzjoni diretta tagħhom fil-kunflitt. Ġlied bejn il-forzi tas-sigurtà Libaniżi u gruppi armati Sirjani f'Arsal u madwaru f’Bekaa tal-Lvant f’Awwissu 2014 u ġlied ripetut fi Tripli enfasizza t-theddida għat-tramuntana tal-Libanu b’mod partikolari.

Il-Ġordan

Il-Ġordan għandu popolazzjoni ħafna iktar omoġenja mil-Libanu, għall-inqas fir-rigward tal-affiljazzjoni reliġjuża. Iżda l-preżenza ta’ iktar minn 600,000 refuġjat Sirjan qed tkun ta’ piż fuq l-għoti tas-servizzi u fuq ir-riżorsi naturali skarsi, b’mod partikolari l-ilma. Bħal fil-Libanu, il-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-opportunitajiet tax-xogħol ġġorr magħha riskji għall-futur u għall-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati.

It-Turkija

B’iktar minn 1.65 miljun refuġjat Sirjan fuq l-art Torka (ċifri tal-Gvern), it-Turkija issa qed tospita l-ikbar komunità ta’ refuġjati mis-Sirja. Hija qed tipprovdi wkoll għajnuna umanitarja sinjifikanti (iktar minn 4 biljun dollaru mill-2011 skont stimi tal-gvern). It-Turkija qed issejjaħ għal appoġġ internazzjonali msaħħaħ biex tittratta l-konsegwenzi tal-kriżi.

2- GĦANIJIET

L-għanijiet ġenerali ta’ din l-istrateġija huma li tiġi miġġielda t-theddida li joffru d-Da'esh u gruppi terroristi oħrajn għall-istabbiltà reġjonali u internazzjonali u, fl-istess ħin, biex toħloq il-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni politika inklużiva fis-Sirja u stabbiltà dejjiema fis-Sirja u l-Iraq kif ukoll fil-pajjiżi li jospitaw ir-refuġjati fir-reġjun, filwaqt li tnaqqas it-tbatija umana kkawżata mill-vjolenza u l-ispostar kontinwi.

L-istrateġija tbassar taħlita ta’ impenn diplomatiku fuq livell politiku u uffiċjali, ħidma ta’ komunikazzjoni u miżuri ta’ appoġġ prattiku. Biex tikseb l-għanijiet tagħha u tiżgura l-effettività tar-rispons tagħha, l-UE għandha tiżgura finanzjar sigur sostenibbli u prevedibbli li jkun proporzjonat mal-livell mingħajr preċedent tal-ħtiġijiet fir-reġjun. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi pakkett ta’ għajnuna ta’ EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE għas-snin 2015 u 2016. Id-dettalji ta’ din il-proposta huma mressqa fl-Istqarrija Finanzjarja annessa mal-komunikazzjoni.

Rekwiżit importanti għas-suċċess tal-istrateġija tal-UE huwa l-kisba tas-sinerġija u l-kumplimentarjetà bejn l-azzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tal-UE, kemm fuq livell politiku kif ukoll fuq livell operattiv. Fuq livell politiku, din l-istrateġija għandha tipprovdi l-qafas biex tallinja aħjar l-isforzi diplomatiċi tal-UE u l-Istati Membri. Fuq livell operattiv b’mod partikolari, l-istrateġija għandha tipprovdi qafas ġenerali biex iżżid l-iffinanzjar kif ukoll il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE u programmar konġunt (inkluż permezz tat-Trust Fund reġjonali tal-UE b’rispons għall-kriżi tas-Sirja, il-“Fond Madad”). L-Istati Membri huma mħeġġa li jkomplu jimmobilizzaw l-għajnuna fuq livell bilaterali biex jassiguraw li r-rispons kollettiv għall-inqas jaqbel mal-isforzi li saru permezz tal-baġit tal-UE.

L-għajnuna umanitarja se tkompli tingħata lill-popolazzjonijiet vulnerabbli fuq il-bażi tal-ħtiġijiet u b’rispett sħiħ tal-prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment bħall-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza.

2.1       GĦANIJIET KOMUNI GĦAS-SIRJA, L-IRAQ U L-PAJJIŻI MILQUTA

2.1.1    Jiġi promoss l-impenn reġjonali b’appoġġ għas-sigurtà u l-paċi fuq terminu twil

Id-diplomazija f’livell għoli sostnuta mill-UE fir-reġjun hija kruċjali biex tikkontribbwixxi għall-bidliet meħtieġa. Pajjiżi tar-reġjun, notevolment l-Istati tal-Golf, l-Eġittu, it-Turkija u l- Iran, huma f’ħafna modi kkonċernati direttament u f’qagħda aħjar, fil-fehma tal-opinjoni pubblika fil-Lvant Nofsani, biex jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra d-Da'esh minn dawk tal-komunità internazzjonali usa’. Huma għandhom ukoll interess li jagħmlu dan minħabba li kwalunkwe tixrid tal-kriżi fis-Sirja u fl-Iraq jhedded lilhom l-ewwel. Barra minn hekk, ir-rivalitajiet bejn atturi reġjonali ewlenin huma fost il-muturi tal-vjolenza u t-tensjonijiet settarji fis-Sirja, fl-Iraq u f’pajjiżi oħra milquta li komplew isaħħu d-Da'esh. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-atturi reġjonali għandhom ikunu mħeġġa b’mod attiv mill-UE biex jieħdu responsabbiltà speċjali biex jindirizzaw it-theddida tad-Da'esh u jippromwovu l-paċi fir-reġjun, waqt li jiffukaw fuq oqsma fejn l-interessi tagħhom jiltaqgħu. Jeħtieġ ukoll li l-UE tħeġġeġ u ssaħħaħ il-vuċijiet moderati fir-reġjun u tippromwovi viżjoni alternattiva għal dik tal-gruppi terroristiċi.

Mezzi tal-impenn tal-UE:

Impenn politiku u diplomatiku ffokat mal-pajjiżi tar-reġjun b’mod bilaterali u kollettiv permezz tal-Lega Għarbija, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Islamika, kif ukoll ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet oħra li jagħtu appoġġ. Minbarra kundanna ċara għad-Da'esh, dan għandu jinkludi djalogu fuq id-diversità kulturali, ir-reliġjon u l-ideoloġija bil-għan li jopponu l-estremiżmu vjolenti, l-appoġġ għad-diplomazija tax-xjenza u forom oħrajn ta’ kuntatti bejn il-persuni, u sforzi biex jitnaqqsu perċezzjonijiet żbaljati fi ħdan l-UE dwar l-iżviluppi fir-reġjun.

2.1.2    Tiżola u ttellef lid-Da'esh bħala forza militari u bħala organizzazzjoni terrorista u topponi l-influwenza ideoloġika tagħha

o Tappoġġa u ssaħħaħ il-forzi kontra d-Da'esh

Ir-rispons militari tal-Koalizzjoni Globali biex topponi d-Da'esh[4] jipprevedi attakki mill-ajru kontra l-forzi tad-Da'esh kif ukoll il-forniment ta’ tagħmir letali jew mhux letali, appoġġ ta’ taħriġ u intelliġenza għall-Forzi tas-Sigurtà Iraqin (ISF), il-Pexmerga Kurdi u, sakemm huwa prattiku, għall-oppożizzjoni moderata fis-Sirja. Il-Kunsill ma adotta l-ebda deċiżjoni biex jimpenja ruħu fuq il-livell tal-UE f’operazzjonijiet militari għal dan il-għan. L-UE lanqas ma ngħatat responsabbiltà għall-koordinazzjoni, jew biex taġixxi bħala kamra tal-ikklerjar għall-informazzjoni dwar il-forniment tal-armi jew assistenza militari oħrajn, għalkemm dan jista’ jkun ikkunsidrat. Barra minn hekk, l-UE tiżgura li l-linji ta’ sforz tagħha jibqgħu adegwatament flessibbli u risponsivi għall-operazzjonijiet militari li jkunu qed jiżviluppaw.

o Twaqqaf l-influss ta’ ġellieda terroristi barranin, il-fondi u l-armi lejn Da'esh

Bi qbil mal-Istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu/ġellieda barranin, li hija parti mill-istrateġija reġjonali komprensiva, l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżola d-Da'esh u tipprevjeni l-fluss ta’ riżorsi li teħtieġ għall-operazzjonijiet tagħha, skont ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u b’rispett sħiħ għall-istandards tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u dawk internazzjonali. Dan jeħtieġ djalogu politiku miftuħ u mtejjeb mat-Turkija u l-Istati tal-Golf, koordinat ma’ sħab oħrajn (inklużi l-Istati Uniti). Dan id-djalogu jkun marbut ma’ appoġġ prattiku għall-bini tal-kapaċità biex ikun assigurat li l-pajjiżi fir-reġjun ikunu kapaċi jindirizzaw it-theddida tal-ġellieda barranin b’mod effettiv kif ukoll li s-sanzjonijiet u miżuri oħrajn kontra d-Da'esh ikunu applikati b’mod effettiv, permezz tat-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri. Għan assoċjat ta’ dawn il-miżuri huwa li jkunu rintraċċati l-individwi involuti f’reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra, li jiġu indirizzati l-korruzzjoni u l-kuntrabandu li qegħdin jibbenefikaw lid-Da'esh u li tittieħed azzjoni legali kontra dawk involuti. Iktar minn hekk, ikun meħtieġ kontroll imtejjeb tal-flussi finanzjarji permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll permezz ta’ netwerks finanzjarji tradizzjonali.

L-UE se tfittex ukoll li tipprevjeni estremiżmu vjolenti fil-pajjiżi tar-reġjun, programmi ta’ deradikalizzazzjoni u prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. L-appoġġ tal-UE għall-bini tal-kapaċità fil-qasam ta’ kontra t-terroriżmu/ġellieda barranin għandu jkun ipprovdut bħala kwistjoni ta’ prijorità u jqis il-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jilħqu l-punti ta’ riferiment tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili u politiċi. Qasam ewlieni ta’ riforma li l-UE għandha tappoġġa huwa r-riforma ta’ liġijiet kontra t-terroriżmu f’pajjiżi tar-reġjun.

Għall-kredibilità tal-isforz kontra t-terroriżmu, huwa essenzjali li ssir distinzjoni bejn id-Da'esh u organizzazzjonijiet oħra terroristiċi minn naħa waħda, u gruppi li jiddefendu forom mhux vjolenti ta’ Islam politiku min-naħa l-oħra. Għan tad-diplomazija tal-UE għandu jkun li twissi dwar ir-riskju li s-soppressjoni ta’ dawn il-gruppi tista’ twassal għar-radikalizzazzjoni tagħhom. Huwa importanti li jkun assigurat li l-miżuri tal-infurzar tal-liġi tal-pajjiżi sħab ikunu meħtieġa u proporzjonati, u li ma jnaqqsux l-istandards minimi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Mezzi tal-impenn tal-UE: L-impenn tal-UE f’dan il-qasam ikun magħmul minn azzjonijiet tal-Istati Membri u tal-UE, ibbażati fuq il-valutazzjoni tal-probabbiltà tagħhom u l-prijoritajiet li qed jevolvu. Dan għandu jinkludi impenn politiku u fuq livell ta’ esperti mal-istituzzjonijiet rilevanti tal-pajjiżi tar-reġjun; kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE; u strumenti li jikkontribwixxu għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP), l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI) u l-iffinanzjar tal-PESK fejn dan ikun xieraq. L-azzjonijiet tal-UE għandhom ikunu implimentati skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Ġellieda barranin

- Azzjonijiet immirati li jwaqqfu l-fluss ta’ ġellieda barranin lejn is-Sirja/l-Iraq u jittrattaw ma’ dawk li jirritornaw (li għandhom ikunu ddefiniti f’iktar dettall fil-bidu tal-2015 skont l-għanijiet imressqa fl-UE fl-istrateġija kontra t-terroriżmu/ġellieda barranin).

- Appoġġ għat-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan biex tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri.

- Bini tal-kapaċità fir-reġjun biex tkun implimentata l-UNSCR 2178, kif ukoll fil-qasam tal-immaniġġar u s-sigurtà tal-fruntieri, inkluża l-iskoperta ta’ traċċi splussivi u ħila esperta dwar l-infrastruttura u t-tqassim tal-ajruporti.

- Tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja biex: tappoġġa investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ ġellieda barranin; tirrintraċċa u żżomm rekord ta’ movimenti ta’ ġellieda barranin, inkluż permezz tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar skambji ta’ Rekords ta’ Ismijiet ta’ Passiġġieri mas-sħab ewlenin tal-UE skont il-prinċipji tal-proporzjonalità fir-rigward ta’ restrizzjonijiet fuq id-drittijiet għall-protezzjoni tad-dejta; tidentifika sorsi kriminali ta’ finanzjament, inkluż it-traffikar tal-persuni; tħarbat mezzi ta’ forniment ta’ armi/munizzjonijiet illeċiti; u tipprevjeni l-użu kriminali tal-internet għal reklutaġġ ta’ terroristi u tixrid ta’ prattiċi terroristiċi.

- Żvilupp ta’ approċċ intern u estern konġunt u netwerks ta’ esperti relatati biex jindirizzaw il-metodoloġiji dejjem jevolvu ta’ komunikazzjoni u propaganda tad-Da'esh.

- Kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali inklużi l-ġbir ta’ evidenza, l-identifikazzjoni ta’ kriminali u l-ġbir ta’ testimonjanzi mogħtija mix-xhieda.

Kontronarrativa u l-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti (CVE)

- Appoġġ għall-kampanji mwettqa minn atturi rilevanti fis-Sirja, l-Iraq u fir-reġjun (f’pajjiżi tal-oriġini tal-ġellieda barranin) biex tkun skreditata l-ideoloġija tad-Da'esh u jiġi ddenunzjat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u biex ikun miġġieled l-estremiżmu vjolenti u d-diskors ta’ mibegħda marbut ma’ gruppi oħrajn fir-reġjun.

- Appoġġ għal proġetti kontra l-estremiżmu vjolenti fil-Libanu u l-Ġordan u possibbilment pajjiżi oħra fir-reġjun, immirat lejn l-iktar segmenti esposti tal-popolazzjonijiet, b’mod partikolari ż-żgħażagħ.

- Prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet permezz ta’ programm integrat ta’ integrazzjoni mill-ġdid jew diżimpenn għal membri ta’ gruppi terroristiċi miżmuma l-ħabs jew li jirritornaw lejn il-ħabs, fir-reġjun u fl-UE.

- Jiġu mħeġġa l-gvernijiet u l-atturi soċjetali rilevanti fir-reġjun biex jindirizzaw miżuri mmirati li jipprevjenu u jnaqqsu r-radikalizzazzjoni u t-tixwix f’postijiet pubbliċi (inklużi universitajiet).

Iffinanzjar tat-terroristi/sanzjonijiet

- Appoġġ għas-sanzjonijiet tan-NU, fosthom l-inklużjoni ta’ persuni fil-lista tas-sanzjonijiet u miżuri mmirati lejn il-finanzi tad-Da'esh. Implimentazzjoni u monitoraġġ (permezz ta’ konsultazzjonijiet internazzjonali).

- Appoġġ għall-bini tal-kapaċità għall-pajjiżi ġirien kontra l-iffinanzjar tat-terroristi u korruzzjoni relatata.

- Jiġu mħeġġa talbiet lill-Kumitat tan-NU għas-Sanzjonijiet kontra l-al-Qaeda sabiex jikkunsidra jinkludi fil-lista individwi u entitajiet oħrajn li jappoġġaw lid-Da'esh skont ir-Riżoluzzjoni UNSC 2170, pereżempju intermedjarji fis-suq illeċitu taż-żejt fis-Sirja u l-Iraq.

- Jekk meħtieġ, l-UE tista’ toħloq reġim ta’ sanzjonijiet awtonomu biex tissupplimenta r-reġim ta’ sanzjonijiet tan-NU kontra l-al-Qaeda. Kwalunkwe sanzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-ġurisprudenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE[5].

- Jiġu mħeġġa investigazzjonijiet kriminali u kooperazzjoni ġudizzjarja mmirati lejn il-prosekuzzjoni ta’ ġellieda barranin u organizzazzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ ġellieda barranin, u l-ikkonfiskar tal-assi u l-għodod kriminali tagħhom.

L-appoġġ kontinwu tal-UE lil popolazzjonijiet milquta mill-kunflitt, refuġjati u popolazzjonijiet spostati (għajxien u edukazzjoni b’mod partikolari) u inizjattivi biex jibnu r-reżiljenza tal-komunità filwaqt li jindirizzaw il-ħtiġijiet bażiċi jistgħu wkoll jikkostitwixxu mezz effettiv biex titnaqqas il-ġibda ta’ gruppi terroristiċi.

2.1.3    Prevenzjoni tat-tixrid reġjonali u tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri

Ikun kruċjali li d-Da'esh ma jitħalliex jirbaħ preżenza moħbija jew mikxufa fil-pajjiżi ġirien. Il-Libanu b’mod partikolari ġarrab attakki terroristiċi orkestrati mill-assoċjati tad-Da'esh fil-pajjiż. Il-Ġordan irnexxielu jrażżan kwalunkwe forma ta’ vjolenza minkejja dimostrazzjonijiet minuri ta’ simpatija popolari għad-Da'esh. It-Turkija, li hija impenjata fi proċess ta’ paċi delikat mal-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK), irċeviet kritika li mhux qed tagħti importanza biżżejjed lill-ġlieda kontra d-Da'esh. It-Turkija qed tiffaċċa wkoll ir-riskju ta’ infiltrazzjoni ta’ terroristi. Il-prevenzjoni ta’ tixrid reġjonali tal-kriżi Sirjana u Iraqija teħtieġ żieda sostanzjali fil-livell ta’ għajnuna mogħtija lil pajjiżi ġirien biex tgħinhom ilaħħqu mal-influss tar-refuġjati (ara 2.1.5).

L-appoġġ għal-Libanu u l-Ġordan huwa meħtieġ fil-qasam tas-sigurtà u l-immaniġġar tal-fruntieri. Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-Libanu beda f’Diċembru 2014 filwaqt li Sħubija ta’ Mobilità mal-Ġordan kienet iffirmata f’Ottubru 2014. Minbarra dan qed ikun ikkunsidrat dan li ġej:

- appoġġ kontinwu tal-UE u l-Istati Membri lir-riforma tas-settur tas-sigurtà tal-Libanu u l-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-UE lill-Forzi Armati tal-Libanu (LAF) f’oqsma bħall-kooperazzjoni ċivili-militari, is-sigurtà marittima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-taħriġ u l-edukazzjoni militari;

- iktar appoġġ, b’mod adegwat, immirat lejn (i) it-tisħiħ tal-kapaċità tal-ippjanar u t-tmexxija ta’ operazzjonijiet; (ii) it-tisħiħ tas-sistema loġika tal-LAF; (iii) l-istabbiliment ta’ ċiklu ta’ taħriġ għal-LAF; (iv) l-għajnuna lil-LAF fl-Immaniġġar tal-Fruntieri u s-Sigurtà tal-Fruntieri; (v) l-iżvilupp ta’ kunċett ta’ sigurtà tal-forzi tal-fruntieri tal-LAF orjentat lejn il-futur; (vi) it-titjib tar-rwol tal-LAF fil-ġlieda kontra t-terroriżmu b’enfasi fuq l-aspetti leġiżlattivi, strateġiċi u istituzzjonali; u (vii) ir-reviżjoni tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-LAF; u

- stabbiliment ta’ djalogu ta’ sigurtà mal-Ġordan biex tiġi rriveduta s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun u li tgħin biex tiffaċilita l-kooperazzjoni għal iktar sigurtà u kontra t-terroriżmu. Valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-forzi tas-sigurtà tal-Ġordan (inklużi Reġimenti tal-Fruntieri tal-Art) f’dak il-kuntest u kunsiderazzjoni tal-għażliet biex jikkumplimentaw l-appoġġ li l-Ġordan se jirċievi bħala parti mill-Inizjattiva tal-Bini tal-Kapaċità dwar id-Difiża tan-NATO.

Fil-każ tat-Turkija, huwa kkunsidrat dan li ġej:

- appoġġ kontinwu lit-Turkija għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħha għall-istabbiliment ta’ Tmexxija Integrata tal-Fruntieri, inkluż permezz tar-riforma u l-immodernizzar tat-tekniki ta’ sorveljanza matul il-fruntieri tal-art tagħha u kontrolli fil-punt ta’ qsim bejn il-fruntieri; u

- id-djalogu diġà kontinwu bejn l-UE u t-Turkija dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu jista’ jikkontribwixxi biex jidentifika oqsma fejn jista’ jingħata appoġġ speċifiku tal-UE lill-awtoritajiet tat-Turkija bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jikkontrollaw il-fluss tal-persuni u l-materjal bejn il-fruntieri u biex jidentifikaw u jiskopru persuni li għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib, armi tan-nar, splussivi u sustanzi oħra perikolużi.

Mezzi tal-impenn tal-UE: IcSP, ENI, IPA u kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri.

2.1.4    Għoti ta’ għajnuna umanitarja li ssalva l-ħajjiet u protezzjoni internazzjonali

L-UE kienet id-donatur internazzjonali ewlieni b’rispons għall-kriżi tas-Sirja b’iktar minn EUR 3.3 biljun – inkluż iktar minn EUR 2 biljun f’għajnuna umanitarja – allokata għall-popolazzjonijiet milquta fis-Sirja, l-Iraq u l-pajjiżi ġirien (l-iktar notevoli l-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija u l-Eġittu). Filwaqt li l-ħtiġijiet qegħdin dejjem jikbru, l-UE u l-Istati Membri tagħhom għandhom ikomplu jipprovdu għajnuna umanitarja u protezzjoni internazzjonali lis-Sirjani u lill-Iraqin milquta, inklużi refuġjati u persuni spostati internament (IDPs), għal perjodu prolongat fis-Sirja u l-Iraq kif ukoll f’pajjiżi ġirien. Huwa wkoll essenzjali li l-isforzi umanitarji jintrabtu aħjar mal-għajnuna fuq terminu medju jew twil lil persuni spostati, b’mod partikolari tfal u żgħażagħ, bħala mezz li jippromowovi r-reżiljenza, l-irkuprar u l-integrazzjoni mill-ġdid u l-iżvilupp wara l-kunflitt, u biex tkun miġġielda r-radikalizzazzjoni potenzjali fost il-popolazzjonijiet tar-refuġjati. Fid-dawl tal-limitazzjonijiet severi tal-baġit tal-UE, għandhom jiġu esplorati modi innovattivi ta’ finanzjament flimkien mal-Istati Membri tal-UE.

Mezzi tal-impenn tal-UE:

Koordinazzjoni:

Tibqa’ tipprovdi appoġġ lis-sistema ta’ koordinazzjoni mmexxija min-NU, skont il-kunsens tal-UE dwar l-Għajnuna Umanitarja u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali.

Aċċess:

- Użu tal-mudelli kollha possibbli ta’ twassil (inkluża għajnuna bejn il-fruntieri u bejn il-linji) biex ikun assigurat aċċess għall-persuni kollha fil-bżonn inkluż f’żoni li diffiċli jintlaħqu (4.8 miljun persuna fis-Sirja, 3.6 miljun madwar l-Iraq sa nofs Jannar 2015).

- Impenn proattiv mal-partijiet kollha għall-kunflitt biex jiżdied l-ispazju umanitarju fis-Sirja u l-Iraq u l-aċċess għall-persuni kollha fil-bżonn.

- Tisħiħ tal-kapaċità tan-NU biex tinnegozja l-aċċess, b’mod partikolari fis-Sirja u l-Iraq permezz tal-OCHA, u tiżgura koordinazzjoni aħjar, b’mod partikolari f’operazzjonijiet transfruntieri u bejn il-linji.

- Tisħiħ tal-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi lokali (NGOs) biex tingħata l-għajnuna.

Protezzjoni:

- Tassigura l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet milquta; tippromwovi d-dritt internazzjonali, il-liġijiet dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju.

- Tinsisti mal-awtoritajiet tal-pajjiżi milquta li l-politika tal-gvern għandha tkun konformi mad-dritt umanitarju Internazzjonali, biex tipprevjeni żbalji oħrajn jew il-ħolqien ta’ kampijiet informali mhux protetti f’żoni li ma jappartjenu lil ħadd, tiggarantixxi li jkunu stabbiliti mekkaniżmi ta’ reġistrazzjoni u dokumentazzjoni xierqa għall-persuni spostati internament (IDPs) u r-refuġjati, u li persuni vulnerabbli spostati u refuġjati, nisa u tfal b’mod partikolari, ikollhom aċċess għal pariri legali u protezzjoni adegwata. Iktar minn hekk, tappoġġa lill-UNHCR u lill-isforzi tal-atturi oħrajn biex jassiguraw li l-politika tal-gvern tilħaq dawn l-istandards.

- Tkompli tisħaq fuq is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u li l- faċilitajiet tas-saħħa u dawk edukattivi jkunu konformi mal-liġi.

Relazzjonijiet ċivili/militari

- Issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni ċivili/militari mmexxija min-NU li tiżgura konformità mad-dritt umanitarju Internazzjonali u r-rispett tal-prinċipji umanitarji filwaqt li ttaffi r-riskji għas-sigurtà tal-atturi umanitarji u ttejjeb l-aċċess għall-popolazzjonijiet fil-bżonn.

Approċċi speċifiċi għall-pajjiż

- Tinkoraġġixxi lin-NU biex tadotta approċċi nondiskriminatorji u inklużivi speċifiċi għall-pajjiż ("Is-Sirja Sħiħa" u "L-Iraq Kollu").

- Tkompli tiġġieled għal appelli integrati u prijoritizzati fil-qasam umanitarju u tal-iżvilupp u analiżi konġunta tad-distakk, kif ukoll l-implimentazzjoni tat-3RPs (Regional Refugee and Resilience Plan - Pjan Reġjonali għar-Refuġjati u r-Reżiljenza) permezz ta’ pjanijiet ta’ rispons nazzjonali f’pajjiżi ġirien.

Kapaċità ta’ Rispons f’waqtu u monitoraġġ

- Issaħħaħ sistema ta’ twissija bikrija mifruxa mal-pajjiż u multisettorjali.

- Iżżid il-livell ta’ preparazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ rispons f’waqtu billi tintegra iktar flessibilità fil-ftehimiet eżistenti mas-sħab, biex tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet emerġenti, tistabbilixxi arranġamenti ta’ stokk ta’ kontinġenza, u tikkunsidra kontribuzzjonijiet għal fondi eżistenti għal rispons għal emerġenza.

Diplomazija pubblika u viżibilità tal-għajnuna

- Ittejjeb il-komunikazzjoni dwar l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp tal-UE kemm fir-reġjun kif ukoll fl-UE, jekk meħtieġ fuq il-bażi ta’ linji gwida riveduti dwar komunikazzjoni/viżibilità.

Tipprovdi għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp fuq terminu twil ta’ persuni spostati

- Tiffoka parti mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fis-Sirja u l-Iraq kif ukoll fil-pajjiżi ġirien dwar il-ħtiġijiet tal-persuni, b’mod partikolari l-edukazzjoni tat-tfal u t-taħriġ vokazzjonali jew it-taħriġ mill-ġdid għall-adulti li jiffoka fuq l-impjiegi meħtieġa f’ambjent wara l-kunflitt. Dan it-taħriġ vokazzjonali għandu jinkludi taħriġ lin-nisa biex isaħħaħ ir-rwol ekonomiku u soċjali tagħhom f’rikostruzzjoni ta’ wara l-kunflitt.

Risistemazzjoni u ażil

- Tkompli tappoġġa l-kapaċità fuq terminu twil ta’ stati ospitanti biex jindirizzaw il-flussi ta’ refuġjati b’mod partikolari permezz tal-Programmi għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Protezzjoni (RDPPs) fil-Ġordan, il-Libanu u l-Iraq, u billi tgħin lit-Turkija biex tipprovdi għajnuna umanitarja lir-refuġjati Sirjani u tappoġġaha fl-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ sistema moderna u stabbli ta’ ażil.

- Tkompli toffri prospetti ta’ risistemazzjoni lir-refuġjati Sirjani (u fejn xieraq lill-Iraqin) fl-UE. Filwaqt li l-UNHCR għamlet sejħa lill-komunità internazzjonali għar- risistemazzjoni/ammissjoni umanitarja ta’ mill-inqas 130,000 Sirjan, b’mod partikolari l-iktar individwi vulnerabbli, l-Istati Membri tal-UE wiegħdu madwar 36,000 post, li jagħmluha l-ikbar wegħda fl-istorja tal-isforzi tar-risistemazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi ta’ risistemazzjoni taħt il-Fond tal-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

2.1.5 Issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ reżiljenza fis-Sirja, l-Iraq u l-pajjiżi ġirien milquta

Biex tipprevjeni iktar reklutaġġ mid-Da'esh, kif ukoll vjolenza fil-futur minn u bejn popolazzjonijiet spostati u komunitajiet ospitanti, l-għajnuna u l-perspettivi għal futur aħjar għal dawn il-popolazzjonijiet huma essenzjali. L-isforzi umanitarji għandhom jintrabtu mal-ħtiġijiet ta’ żvilupp fuq terminu twil tal-persuna milquta bħala mezz li jippromwovi l-integrazzjoni mill-ġdid u l-iżvilupp ta’ wara l-kunflitt u jiġġieled l-estremiżmu potenzjali fost il-popolazzjonijiet tar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti. L-istat tad-dritt bażiku, il-provvista ta’ servizzi bażiċi u l-attivitajiet ekonomiċi għandhom ikunu stabbiliti mill-ġdid kemm jista’ jkun malajr f’żoni meħlusa mid-Da’esh kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq, biex tevita li d-Da’esh isir iktar attraenti u biex toħloq il-kundizzjonijiet minimi għar-ritorn volontarju tal-persuni spostati internazzjonalment (IDPs) u r-refuġjati fis-sigurtà u d-dinjità.

Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu mmirati biex jappoġġaw ir-reżiljenza tal-individwi, il-komunitajiet u l-istituzzjonijiet biex ilaħħqu mal-effetti tal-kriżi.

B’mod parallel ma’ din l-għajnuna, huwa meħtieġ djalogu politiku ta’ livell għoli kemm kollettiv kif ukoll bilaterali mal-pajjiżi li qed jospitaw refuġjati Sirjani li jassigura li l-protezzjoni u l-perspettivi ikunu jistgħu jiġu offruti lir-refuġjati (notevolment dwar l-aċċess għall-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, eċċ.).

Mezzi tal-impenn tal-UE:

Għajnuna u appoġġ dwar ir-reżiljenza/irkuprar lil komunitajiet lokali u lill-atturi soċjali fis-Sirja u l-Iraq u l-pajjiżi ġirien permezz tal-“Fond Madad”, l-IcSP, u l-kontribuzzjonijiet diretti tal-Istati Membri, b’mod partikolari:

- tibni fuq oqfsa eżistenti konġunti ta’ għajnuna umanitarja/żvilupp fil-qasam u tistabbilixxi programmar konġunt fis-Sirja, l-Iraq, il-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija;

- tuża l-“Fond Madad” għall-għajnuna għall-istabillizzazzjoni u r-reżiljenza lill-komunitajiet tar-refuġjati u ospitanti fl-Iraq, il-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija, u l-Eġittu. Dan għandu jinkiseb b’mod olistiku, b’koordinazzjoni mal-mekkaniżmi eżistenti ta’ ffinanzjar u skont l-ippjanar nazzjonali kurrenti tal-gvern u l-approċċ 3RP tan-NU;

- tappoġġa lill-gvernijiet tar-reġjun biex iwettqu politika li twassal għat-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika fost ir-refuġjati u l-komunitajiet opsitanti, tippromwovi prospetti għaż-żgħażagħ u tirrispetta l-ugwaljanza bejn is-sessi; u

- timplimenta l-programm ta’ għajnuna addizzjonali lit-Turkija li tħabbar wara l-kriżi Kobani, immirata li tappoġġa l-isforz tal-awtoritajiet Torok biex jipprovdu ospitalità u għajnuna fuq terminu twil lir-refuġjati Sirjani li sabu kenn fit-Turkija.

B’mod iktar ġenerali, għandu jkun ikkunsidrat l-impenn mal-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora rilevanti fl-Ewropa biex jittejjeb l-ilħuq tal-UE u jsaħħaħ l-effettività tal-azzjonijiet tagħha.

2.2       GĦANIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-PAJJIŻ – IS-SIRJA

2.2.1    Ħidma lejn tranżizzjoni politika

F’koerenza mal-għanijiet u l-azzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni Konġunta “Lejn approċċ komprensiv tal-UE għall-kriżi fis-Sirja”, l-UE se tkompli tesplora l-modi u l-mezzi kollha li jkomplu mill-ġdid il-proċess politiku f’koordinazzjoni mas-sħab reġjonali u internazzjonali biex tinkiseb tranżizzjoni mmexxija mis-Sirja. B’mod partikolari hija għandha:

- tappoġġa bi sħiħ l-isforzi tal-Invjat Speċjali de Mistura tan-NU biex tinkiseb deskalazzjoni strateġika tal-vjolenza bħala bażi għal proċess politiku sostenibbli usa’; tappoġġa b’mod konkret l-iżvilupp tal-proposti tiegħu, b’mod partikolari l-proposta li tibni fuq perjodi twal lokali ta’ ostilità skont id-dritt umanitarju internazzjonali; fi ħdan dan l-approċċ, l-azzjoni umanitarja u dwar ir-reżiljenza li tkun imsejsa fuq il-prinċipju għandha tibqa’ distinta u seperata min-negozjati politiċi u dwar is-sigurtà;

- tappoġġa l-medjazzjoni lokali u internazzjonali u l-isforzi tad-djalogu, inklużi inizjattivi li jippromwovu ftehimiet fuq livell lokali u inizjattivi oħrajn lokali għall-bini tal-paċi li jistgħu jinkludu kooperazzjoni bejn il-linji b’kunsiderazzjoni xierqa għall-parteċipazzjoni tan-nisa;

- tfittex kunsens internazzjonali fuq livell tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tfittex kunsens reġjonali (interessi komuni jinkludu r-riżoluzzjoni tagħna li nipproteġu l-għaqda, l-integrità territorjali u s-sovranità tas-Sirja u l-ġlieda kontra t-terroriżmu) u l-appoġġ reġjonali għal proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jwassal għat-tranżizzjoni, skont ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Komunikat ta’ Ġinevra tat-30 ta’ Ġunju 2012; u

- tinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ grupp ta’ appoġġ għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU jew ir-Rappreżentant fis-Sirja li jiffaċilita kunsens usa’ favur proċess politiku nazzjonali f’dak l-ispirtu.

Mezzi tal-impenn tal-UE: Impenn politiku u diplomatiku mal-pajjiżi tar-reġjun u s-sħab internazzjonali bil-għan li jkun hemm deskalazzazzjoni tat-tensjonijiet reġjonali minn naħa waħda, u l-gwerra bejn ir-reġim ta’ Assad u l-oppożizzjoni armata min-naħa oħra, filwaqt li tinċentiva tranżizzjoni Sirjana fuq bażi wiesgħa bbażata fuq il-Komunikat ta’ Ġinevra. Tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim ta’ Assad, notevolment permezz ta’ iktar sanzjonijiet immirati u miżuri restrittivi xierqa oħrajn b’impatt limitat fuq il-popolazzjoni ċivili. Jiġu infurzati bis-saħħa s-sanzjonijiet tal-UE fuq iż-żejt kontra s-Sirja u jiġu mħeġġa pajjiżi terzi biex jagħmlu dan. Jiżdied id-djalogu mas-sħab, speċjalment fir-reġjun.

Jissaħħaħ il-persunal politiku tad-Delegazzjoni tal-UE għas-Sirja (li se tibqa’ ospitata mid-Delegazzjoni tal-UE f’Bejrut). Sakemm il-kundizzjonijiet għall-ftuħ mill-ġdid tad-Delegazzjoni tal-UE f’Damasku ma jintlaħqux, jibqgħu jsiru żjarat regolari fis-Sirja.

2.2.2    Tissaħħaħ l-oppożizzjoni moderata u l-atturi tas-soċjetà ċivili

- Tibqa’ tappoġġa l-oppożizzjoni moderata, inkluża l-Koalizzjoni Nazzjonali tal-Forzi Rivoluzzjonarji u tal-Oppożizzjoni Sirjani (SOC), iżda ma teskludix forzi oħra domestiċi kostruttivi tas-soċjetà ċivili jew politiċi, bil-għan li trawwem l-inklużività tagħha (inklużi minoranzi reliġjużi u etniċi), l-effiċjenza u l-opportunitajiet indaqs. Ma jkunx hemm paċi fit-tul fis-Sirja jekk in-nuqqasijiet speċifiċi tal-gruppi etniċi u reliġjużi kollha ma jkunux indirizzati ugwalment u l-karattru plurireliġjuż tal-pajjiż ma jinżammx.

- Tkompli tesplora u tappoġġa fejn xieraq inizjattivi track 2 u track 3 li eventwalment jistgħu jgħinu jsawru mudell ta’ tranżizzjoni bbażat fuq l-inklużjoni ta’ avversarji kredibbli fi Gvern ġdid ta’ tranżizzjoni, u proċess ta’ stabbilizzazzjoni fuq livell lokali u nazzjonali. Tingħata attenzjoni speċjali lill-parteċipazzjoni tan-nisa f’dawn l-inizjattivi.

- Tkompli tappoġġa l-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Sirjani.

Mezzi tal-impenn tal-UE: Appoġġ kontinwu lill-isforzi ta’ bini tal-paċi u ta’ medjazzjoni b’mira li jinbnew il-kapaċitajiet tal-atturi tas-soċjetà ċivili interna u attivitajiet tar-reżiljenza permezz tal-IcSP u ENI.

2.2.3    Tipprovdi servizzi bażiċi u tikkontribwixxi għall-bini mill-ġdid tal- amministrazzjoni f’oqsma ta’ vjolenza mnaqqsa

- Issaħħaħ il-livell ta’ għoti ta’ għajnuna mhux umanitarja bejn il-fruntieri u bejn il-linji fis-Sirja.

- Tgħin lill-oppożizzjoni moderata u lill-entitajiet tas-soċjetà ċivili jistabbilixxu mill-ġdid amministrazzjoni u servizzi pubbliċi (inkluża protezzjoni ċivili, saħħa, edukazzjoni), f’oqsma ta’ vjolenza mnaqqsa, f’żoni li kienu okkupati mid-Da’esh, u fir-reġjuni fejn hemm prinċipalment popolazzjoni Sirjana Kurda fit-Tramuntana tas-Sirja.

- Tappoġġa l-għoti ta’ servizzi bażiċi f’oqsma ewlenin, ibbażati fuq il-prinċipji ta’ inklużività, it-tmexxija tajba u l-konsultazzjoni mal-komunità, u tappoġġa attivitajiet ta’ reżiljenza, inkluż l-immaniġġjar sostenibbli u l-protezzjoni ta’ riżorsi naturali.

Mezzi tal-impenn tal-UE:

Għajnuna għal reżiljenza msaħħa/irkuprar bħal attivitajiet immirati ffinanzjati mill-UE jew mill-Istati Membri li jappoġġaw lill-komunitajiet lokali u lill-atturi soċjali (inklużi operazzjonijiet immaniġġati minn Gaziantep bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ Stati Membri), appoġġati permezz tal-“Fond Madad”, IcSP jew ENI.

Fuq terminu qasir, il-proġetti tas-soċjeta ċivili tal-UE ffinanzjati permezz tal-ENI (17-il miljun euro) u l-IcSP (12-il miljun euro) se jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-għoti tas-servizzi bażiċi, il-miżuri tal-istat tad-dritt, u l-iżvilupp ta’ ambjent politiku inklużiv, parteċipatorju fuq livell lokali. Jistgħu jkunu esplorati wkoll programmi mmirati għall-minoranzi biex tkun assigurata s-sigurtà tal-komunitajiet etniċi u reliġjużi kollha, tkun assigurata tranżizzjoni inklużiva, jintlaħqu l-ħtiġijiet speċjali u tiġi appoġġata l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà.

2.2.4    Tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem/id-dritt umanitarju internazzjonali u tiżgura responsabbiltà

- Tkompli tinvestiga u tiddokumenta reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità, b’mod partikolari b’appoġġ ta’ possibbiltà ta’ responsabbiltà kriminali fil-futur.

- Taħdem mas-sħab b’appoġġ lill-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU u inizjattivi oħrajn ta’ responsabbiltà biex tipprepara għal proċess ta’ responsabbiltà u tisfida l-kultura ta’ impunità.

- Tkompli tappoġġa l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW), b’mod partikolari l-missjoni tal-verifika u d-distruzzjoni tal-armi kimiċi Sirjani u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni.

- Tkompli tfittex modi biex tirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u tappoġġa mekkaniżmi kumplimentari ta’ responsabbiltà, inkluż fuq livell nazzjonali.

Mezzi ta’ impenn tal-UE: Impenn diplomatiku, inkluż fuq livell tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u approċċ prattiku għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-IcSP u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), kooperazzjoni ġudizzjarja.

2.2.5    Tipprepara għall-“jum ta’ wara”

- Tkompli tippjana għall-irkuprar fuq terminu twil u r-rikostruzzjoni tas-Sirja u tiffaċilita t-triq għar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament, notevolment permezz ta’ valutazzjonijiet regolari tal-ħsara u l-ħtiġijiet.

- Tkompli tibni l-kapaċitajiet taċ-ċittadini Sirjani u s-soċjetà ċivili Sirjana, inklużi organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni, biex tippermetti lis-Sirjani ordinarji jkollhom rwol attiv fir-rikostruzzjoni tas-Sirja.

- Tesplora iktar opportunitajiet għall-istudenti u r-riċerkaturi Sirjani permezz ta’ boroż ta’ studju fl-Ewropa u opportunitajiet ta’ taħriġ vokazzjonali fir-reġjun.

- Tkompli tidentifika opportunitajiet għall-bini tal-kapaċità u tal-ħiliet tas-Sirjani biex imexxu t-tranżizzjoni (f’oqsma bħar-regolazzjoni tal-midja, id-deċentralizzazzjoni, l-amministrazzjoni tal-muniċipalitajiet, l-abbozzar tal-kostituzzjoni, eċċ.) b’kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtiġijiet u r-rwol tan-nisa.

- Tkompli tippjana b’reqqa għall-proċess ta’ diżarmament, demobilizzazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid bħala parti mir-riforma tas-settur tas-sigurtà.

- Tkompli tivvaluta regolarment jekk il-kundizzjonijiet kurrenti jippermettux it-tħejjija għal miżuri tranżitorji ta’ ġustizzja mfassla biex jippromwovu l-fiduċja u jsaħħu l-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni tagħhom.

- Twitti t-triq b’attenzjoni għar-riforma kostituzzjonali u elettorali, inklużi l-liġijiet dwar il-partiti politiċi.

- Tirrifletti fuq mezzi biex tipproteġi l-wirt kulturali li baqa’ u biex tippromwovi d-diversità kulturali, b’mod partikolari permezz ta’ kampanji edukattivi u ta’ sensibilizzazzjoni.

- Iżżomm ir-rwol ewlieni tal-UE fil-koordinazzjoni tad-donaturi biex issaħħaħ il-koerenza, il-koordinazzjoni u t-tbassir tal-għajnuna internazzjonali għar-rikostruzzjoni tas-Sirja.

- Tagħmel użu sħiħ tal-potenzjal tal-programm Erasmus+ li jiffinanzja boroż ta’ studju għall-mobilità tal-istudenti Sirjani u proġetti ta’ kooperazzjoni li jinvolvu istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Sirjani mmirati lejn l-immodernizzar tagħhom. Tesplora possibilitajiet oħrajn biex tappoġġa pajjiżi ġirien u universitajiet biex jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni għolja lil studenti Sirjani.

L-UE se ssegwi dawk l-isforzi, u żżomm f’moħħha li l-kollass tal-istituzzjonijiet tal-Istat fis-Sirja għandu jiġi evitat.

Mezzi tal-impenn tal-UE: ENI, “Fond Madad”, IcSP ("Programm Tahdir: Preparazzjoni għat-Tranżizzjoni fis-Sirja"), ftehimiet trilaterali bejn in-NU, il-Bank Dinji u l-UE dwar Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet ta’ Wara l-Kunflitt, Erasmus+.

2.3       GĦANIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-PAJJIŻ – L-IRAQ

2.3.1    Appoġġ għall-gvern Iraqi biex jagħmel l-inklużività realtà

L-għan ewlieni għall-UE fl-Iraq għandu jkun li jappoġġa gvern Iraqi inklużiv fl-isforzi tiegħu biex jindirizza l-ilmenti leġittimi taċ-ċittadini Iraqin u biex jippromwovi proċess fuq terminu twil ta’ bini tal-istat u rikonċiljazzjoni nazzjonali, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Iraqija. Il-programm tal-gvern (2014-2018) u l-Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali Iraqi (2014-2017) huma bażi tajba għal dan, u l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq, li partijiet minnu huma diġà applikati fuq bażi provviżorja, jipprovdu qafas għall-kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet. Filwaqt li l-ilmenti tas-Sunniti għandhom jiġu indirizzati, iż-żieda tas-settarjiżmu u r-radikalizzazzjoni fost il-maġġoranza tal-komunitajiet Iraqin għandha tkun ittrattata b’mod komprensiv u madwar il-pajjiż kollu. L-UE se tfittex li tikkoopera mal-UNAMI u mal-aġanziji tan-NU li qed joperaw fl-Iraq bl-iktar mod qrib possibli.

o Impenn mal-gruppi Sunniti moderati emarġinati

Il-gvern tal-Iraq għandu jkun appoġġat fl-impenn tiegħu mal-komponenti kollha tas-soċjetà Iraqija, speċjalment gruppi reliġjużi u politiċi moderati, sabiex ikollhom sehem fil-futur tal-Iraq. Iżda, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-komunità Sunnita biex twaqqaf kwalunkwe appoġġ lid-Da'esh. Dan għandu jkun pass meħud b’mod parallel ma’ kwalunkwe talba lil dawn il-gruppi biex jirreżistu u jeħduha kontra d-Da'esh. Il-komunikazzjoni mal-komunità Sunnita għandha tispjega l-miżuri li jindirizzaw l-ilmenti magħrufa u tippromwovi r-rikonċiljazzjoni, biex tassigura s-sigurtà tal-popolazzjoni (partikolarment gruppi li jingħaqdu fil-ġlieda kontra d-Da'esh) u tipprovdi garanziji ta’ konsultazzjoni futura dwar it-twettiq tal-politika. Fl-istess ħin komunitajiet Xiiti moderati u gruppi tas-soċjetà ċivili għandhom jingħataw appoġġ biex jopponu l-istigmatizzazzjoni u r-reazzjoni vjolenti kontra l-komunità Sunnita.

o Impenn mar-reġjun Kurd tal-Iraq

Ir-riżoluzzjoni tat-tilwim tal-gvern federali mal-gvern tar-reġjun Kurd, inkluż ftehim finali u dejjiemi dwar it-trasferiment tad-dħul miż-żejt, u t-territorji miġġielda, hija prijorità ewlenija u se ttejjeb b’mod sinjifikanti il-klima politika fl-Iraq. L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-gvern federali u lill-gvern reġjonali Kurd biex jiftehmu fuq pjan ċar bi skadenzi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali.

o Tikkonsolida istituzzjonijiet immexxija demokratikament u tappoġġa r-riforma politika u leġiżlattiva

L-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-gvern tal-Iraq fl-isforzi tiegħu biex iniedi programm ta’ riforma amministrattiva li jsaħħaħ il-kapaċità tal-entitajiet tal-gvern ċivili bbażata fuq priniċipji moderni ta’ amministrazzjoni u mmaniġġar finanzjarju. Il-prinċipji funadamentali ta’ din ir-riforma għandhom ikunu s-separazzjoni tal-pożizzjonijiet politiċi u amministrattivi, il-ħolqien ta’ servizz ċivili indipendenti, u l-applikazzjoni ta’ politika ta’ opportunitajiet ugwali mhux settarji bbażati fuq il-kwalifiki u l-kompetenza.

Għandu jkun ikkunsidrat appoġġ għal inizjattivi politiċi u leġiżlattivi, imressqa mill-gvern, is-soċjetà ċivili u partijiet oħra, fil-qafas tal-kostituzzjoni Iraqija, jekk dawn isaħħu r-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp nazzjonali.

o Ristrutturar tas-settur tas-sigurtà

Ir-riforma tas-settur tas-sigurtà tkopri numru kbir ta’ attivitajiet mill-appoġġ għall-forzi militari, għal riformi tal-qafas legali. Kwalunkwe attività futura tal-UE f’dan il-qasam għandha tqis l-attivitajiet tal-Koalizzjoni Globali biex topponi d-Da'esh u l-isforzi bilaterali tal-Istati Membri tal-UE biex tinkiseb il-kumplimentarjetà. L-Istati Membri tal-UE preżentament huma impenjati fi sforzi biex jirristrutturaw u jħarrġu l-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali (ISF). Konsegwenza tad-dgħufija tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali (ISF) kienet l-emerġenza mill-ġdid tal-milizja irregolari li, filwaqt li ssaħħaħ l-isforzi tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali (ISF), hija wkoll responsabbli għal numru ta’ atroċitajiet u ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Id-demobilizzazzjoni progressiva tal-militanti Xiiti u gruppi armati oħrajn u s-sostituzzjoni tagħhom b’forzi tas-sigurtà Iraqin transsettarji hija kruċjali għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali. Il-gvern tal-Iraq għandu d-dmir ta’ ħarsien sabiex jiżgura li jkun hu biss li jżomm l-armi, u li jwaqqaf kwalunkwe formazzjoni armata barra mill-qafas tal-gvern, b’mod konformi mal-Kostituzzjoni Iraqija. Fl-istess ħin il-preżenza u l-kompetenzi tal-forzi tal-pulizija ċivili għandhom jissaħħu.

o Riformi ġudizzjarji u l-integrazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem

In-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt huma fil-qalba tal-kriżi fl-Iraq. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkunsidraw isaħħu l-appoġġ tagħhom lill-gvern tal-Iraq fl-introduzzjoni ta’ miżuri li jsaħħu l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika Iraqija. Dan għandu jinkludi r-riforma ta’ leġiżlazzjoni kontroversjali eżistenti u l-implimentazzjoni tagħha, li kienu muturi ta’ radikalizzazzjoni u reżistenza għall-gvern tal-Iraq. Għandu jsir sforz determinat biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-istituzzjonijiet, speċjalment tal-ġudikatura. It-taħriġ fuq id-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fil-kurrikuli tal-forzi tas-sigurtà ċivili u militari, u għandha tittejjeb il-kooperazzjoni tal-forzi tas-sigurtà mal-istituzzjonijiet legali, kif ukoll il-korpi ta’ kontroll tal-pulizija. L-istatus u l-kapaċità tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem għandhom jissaħħu. Rispett ikbar għad-drittijiet tal-bniedem fis-sistema penitenzjarja għandu jikkontribwixxi biex tkun miġġielda r-radikalizzazzjoni. Il-kapaċitajiet ġudizzjarji li jittrattaw ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi għandhom jissaħħu. L-UE għandha tħeġġeġ l-aċċess tal-Iraq għall-Istatut ta’ Ruma bil-għan li tiffaċilita prosekuzzjonijiet internazzjonali fil-futur. F’dawn l-impenji kollha huwa essenzjali li jittieħdu l-lezzjonijiet mill-appoġġ preċedenti tal-UE għall-isforzi għar-riforma fil-ġustizzja taħt il-missjoni EUJUSTLEX. Fuq terminu twil, l-Iraq għandu jitħeġġeġ jistabbilixxi pjan li jwassal għat-tmiem tal-piena tal-mewt fid-dawl tan-nuqqas ta’ effettività tagħha u r-rwol potenzjali tagħha fir-radikalizzazzjoni.

o Issaħħaħ l-amministrazzjoni reġjonali u lokali

Il-kostituzzjoni Iraqija tipprevedi l-possibbiltà ta’ awtonomija reġjonali u lokali ikbar bil-gvern Iraqi nnifsu jindika fil-programm tiegħu li d-deċentralizzazzjoni tkun possibbiltà. Awtonomija politika u finanzjarja ikbar fit-tmexxija ta’ affarijiet provinċali u lokali, inkluż kontroll lokali tal-apparat lokali tas-sigurtà, kif ukoll qrubija ikbar lejn il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jista’ jgħin biex jindirizza l-ilmenti lokali. Dan, madankollu, għandu jkun akkumpanjat minn sistema li tappoġġa d-distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi fost il-lokalitajiet u miżuri ta’ bini ta’ kunfidenza transettarja, pereżempju permezz ta’ infrastruttura reġjonali u proġetti oħra ta’ kooperazzjoni.

Mezzi tal-impenn tal-UE:

Kwistjonijiet istituzzjonali

- Kuntatti fuq livelli politiċi u uffiċjali, notevolment fil-qafas tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-ratifikazzjoni ta’ malajr tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tagħti sinjal qawwi tal-impenn tal-UE.

- Fid-dawl tar-rwol ewlieni tar-reġjun Kurd fil-ġlieda kontra d-Da’esh u fir-riżoluzzjoni tal-kriżi politika tal-Iraq, l-UE se tfittex li żżid il-preżenza tagħha f’Erbil, b’rispett sħiħ tal-ordni kostituzzjonali tal-Iraq. Suġġett għall-ftehim tal-gvern ċentrali u l-limitazzjonijiet baġitjarji, se tkun stabbilita antenna tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Iraq f’Erbil. L-UE se tfittex li tiffaċilita l-fluss ta’ informazzjoni bejn Baghdad u Erbil. Kif xieraq, se tippromwovi wkoll l-involviment tal-Gvern tar-Reġjun Kurd (KRG) fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq.

- Il-possibbiltà ta’ appoġġ għad-diplomazija mmexxija mill-Iraq li tilħaq pajjiżi fir-reġjun u lil hinn, billi tibni fuq l-esperjenza u l-għarfien miksub mill-Iraq fl-isforzi tiegħu ta’ riabilitazzjoni internazzjonali bejn l-2003 u l-2010, għandha tkun eżaminata.

- Id-Delegazzjoni tal-UE fl-Iraq għandha tissaħħaħ, flimkien mal-esperti tas-sigurtà mill-Istati Membri.

Għajnuna teknika

- L-UE tista’ timmobilizza l-ħila esperta disponibbli fl-Istati Membri biex tħarreġ u tagħti konsulenza lill-istituzzjonijiet statali Iraqin f’oqsma bħar-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, miżuri kontra t-terroriżmu li jkunu konformi mad-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà tal-fruntieri/Immaniġġar Integrat tal-Fruntieri (IBM), li jibni fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fuq il-kooperazzjoni stabbiliti taħt it-Titolu III, li huma applikati b’mod provviżorju.

- Fis-settur tas-sigurtà, l-appoġġ tal-UE jista’ jgħin biex jibni l-kapaċità tal-Iraq biex irażżan id-Da'esh. L-użu tal-istrumenti tal-UE jkun esplorat aktar kif meħtieġ. Biex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, huwa importanti, iżda, li jkun imfakkar l-impenn eżistenti tal-Istati Membri fl-għoti ta’ appoġġ militari lill-Iraq primarjament permezz tal-Koalizzjoni Globali biex tiġġieled lid-Da'esh u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu, kif ukoll permezz tan-NATO li qed tikkunsidra li tappoġġa lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Iraq fil-qafas tal-Inizjattiva tal-Bini tal-Kapaċità tad-Difiża. Biex ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-persuni spostati internament (IDPs) lejn territorji meħuda mid-Da’esh, tista’ tingħata għajnuna teknika għall-operazzjonijiet ta’ tneħħija ta’ mini u għan-newtralizzazzjoni ta’ apparat splussiv ippjantat mid-Da’esh.

- Se jingħata appoġġ għall-bini tal-kapaċità CT (aspetti ċivili), f’armonija mal-isforzi tal-Koalizzjoni Globali u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu biex jinkoraġġixxi lill-gvern tal-Iraq jadotta approċċ ġdid lejn is-CT, ibbażat fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u ffukat fuq il-prevenzjoni. Oqsma possibbli ta’ appoġġ jinkludu: bini ta’ kapaċità; ġbir ta’ intelliġenza, analiżi, skambju u protezzjoni; u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

- L-isforzi tal-UE biex trawwem riformi istituzzjonali u legali u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jibnu fuq il-proġett tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) kontinwu tal-UE b’appoġġ tal-Istat tad-Dritt, miżuri ta’ appoġġ futur fil-qafas tal-Ipprogrammar Indikattiv Pluriennali tad-DCI għall-2014-2017, u lezzjonijiet li kienu mitgħallma mill-missjoni EUJUSTLEX.

- Fuq talba tal-Gvern tal-Iraq, u jekk l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw dawn l-operazzjonijiet, l-UE tista’ tibni fuq multitudni ta’ mudelli fi ħdan l-UE u esperti kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll tal-UE (Kumitat tar-Reġjuni) biex tagħti pariri lill-gvern tal-Iraq dwar kif l-aħjar jimplimenta d-devoluzzjoni fil-prattika.

- Ikun importanti li jintlaħaq il-Kunsill tar-Rappreżentanti Iraqi. Il-Parlament Ewropew u l-parlament nazzjonali huma mħeġġa li jkollhom rwol prominenti.

- L-UE se tistabbilixxi pjanijiet ta’ kontinġenza għall-għoti ta’ appoġġ ta’ malajr lill-gvern tal-Iraq fl-isforzi tiegħu biex jibni mill-ġdid u jsaħħaħ is-servizzi bażiċi f’żoni lliberati mid-Da'esh, biex tinkoriġġixxi r-ritorn volontarju, sigur u dinjituż l-iktar bikri ta’ IDPs lejn darhom waqt li jiġi pprovdut li l-garanziji ta’ protezzjoni minima jkunu fis-seħħ.

2.3.2    Tappoġġa s-servizzi bażiċi, l-iżvilupp ekonomiku u tiġġieled il-korruzzjoni

L-istabbiltà fl-Iraq tista’ biss tkun sostenibbli jekk ir-rikkezzi kbar tiegħu jintużaw għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha. Il-ġestjoni dgħajfa tal-finanzi pubbliċi b’mod ġenerali u korruzzjoni pervasiva wasslet għall-implimentazzjoni ineffiċjenti tal-baġit u għoti ta’ servizzi ta’ livell batut, kif ukoll, f’xi każijiet, għal degradazzjoni tal-ambjent u r-riżorsi naturali. Bħala konsegwenza tal-kriżi tas-sigurtà, l-ekonomija qed tiċkien u, hekk kif hemm tnaqqis fil-prezz taż-żejt, id-dħul pubbliku u r-riżervi barranin qed jonqsu. Riformi ekonomiċi u fiskali prudenti se jkunu meħtieġa biex jiżguraw sostenibbiltà fiskali li hija essenzjali biex tlaħħaq mal-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-ħtiġijiet soċjali u s-sigurtà.

F’termini tal-ambjent ta’ “Negozju” tagħha, għal iktar minn għaxar snin il-prestazzjoni tal-Iraq kienet taħt il-medja tar-reġjun bl-aċċess għall-kreditu jkun wieħed mill-agħar ostakli għall-iżvilupp tas-settur privat. Hija meħtieġa ġlieda determinata kontra l-korruzzjoni u titjib tal-kapaċita amministrattiva tal-Iraq. Il-provvista ta’ servizzi soċjali bażiċi (edukazzjoni, mediċina) u infrastruttura (elettriku, trasport) għandhom ikunu mtejba b’mod urġenti. It-tisħiħ tas-settur privat u l-promozzjoni ta’ klima li tħajjar l-investiment se jkunu meħtieġa biex jassiguraw li l-progress ekonomiku jkun sostenibbli.

Sfida ewlenija għall-Iraq hija r-rabta bejn l-iżvilupp sostenibbli mal-għajnuna umanitarja, filwaqt li jimmobilizza r-riżorsi neċessarji biex jagħti servizzi bażiċi għal persuni spostati u jiffaċilita r-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-IDPs. Dan jimplika l-għoti ta’ servizzi bażiċi bħall-ilma, l-enerġija, l-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għolja (l-azzjoni tal-bini ta’ kapaċità ta’ Erasmus+ disponibbli reċentament fl-Iraq), is-sigurtà, u l-aċċess għall-finanzi (eż. finanzi tal-SMEs u mikrofinanzi), bil-kunsiderazzjoni xierqa tingħata lill-emanċipazzjoni tan-nisa u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali.

Mezzi tal-impenn tal-UE:

L-għanijiet ewlenin tal-kooperazzjoni taħt il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq huma l-istabbiltà makroekonimika, is-sostenibilità tad-dejn u l-effettività tan-nefqa pubblika. Għal dan il-għan il-kooperazzjoni għandha takkumpanja riformi ekonomiċi u tan-negozju, b’mod partikolari fi ħdan is-sottokumitati dwar kwistjonijiet tan-negozju u ekonomiċi u dwar l-enerġija u t-trasport. Il-partijiet għandhom jesploraw: a) żviluppi makroekonmiċi b) politika ekonomika u fiskali ġenerali (it-tmexxija tad-dħul minn riżorsi naturali, it-tnaqqis ta’ sussidji u appoġġ lil intrapriżi proprjetà tal-istat, l-investimenti fid-distribuzzjoni tal-elettriku, il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-miżuri tal-użu effiċjenti tal-enerġija, iż-żieda fl-esportazzjoni taż-żejt u l-iffaċilitar tal-esportazzjoni futura tal-gass – iċ-Ċentru tal-Enerġija UE-Iraq u miżuri ta’ appoġġ relatati tal-UE u l-gvern tal-Iraq huma mistennija li jikkontribwixxu għal dan il-għan) ċ) l-iżvilupp tas-settur finanzjarju (l-approfondiment tas-suq finanzjarju, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu privat, u ż-żieda fl-inklużjoni finanzjarja) u d) l-għoti ta’ informazzjioni u ħila esperta teknika biex tgħin fit-titjib tal-produzzjoni agrikola. Qed tkun ikkunsidrata wkoll kooperazzjoni biex timminimizza l-impatt fuq terminu twil tas-settur tal-enerġija fuq l-ambjent u l-bidla fil-klima.

Tista’ tkun offruta wkoll għajnuna teknika permezz tad-DCI u strumenti oħrajn biex jittejjeb l-Immaniġġar tal-Finanzi Pubbliċi (fil-qasam tal-impenn koordinat mill-FMI, il-Bank Dinji u l-UE) u permezz ta’ konsulenza fuq ir-riformi ekonomiċi.

Il-“Fond Madad” u l-IcSP jistgħu jipprovdu flus inizjali fl-isforz biex tinħoloq rabta bejn l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Rabtiet bħal dawn għandhom jibnu fuq l-appoġġ eżistenti u jitwessgħu kemm jista’ jkun malajr biex jappoġġaw il-kundizzjonijiet ta’ spostar li jdum iktar mis-soltu u bi tħejjija għar-ritorn tal-IDPs lejn darhom, sabiex jibnu l-bażi għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Meta l-Ftehim dwar il-Qafas ikun fis-seħħ, il-BEI – il-Bank tal-UE – jista’ jikkunsidra li jibda operazzjonijiet fl-Iraq bl-għan ewlieni jkun dak li jappoġġa l-iżvilupp tal-infrastruttura ekonomika u soċjali. Il-BEI jista’ jagħmel disponibbli l-ħila esperta teknika tiegħu billi jipprovdi servizzi ta’ konsulenza upstream għall-identifikazzjoni u t-tħejjija ta’ proġetti ewlenin. Tista’ wkoll tkompli tappoġġa dawn il-proġetti billi tipprovdi ffinanzjar, jew permezz ta’ kapital ta’ riskju jew permezz ta’ self jew blending. Waqt li jibni fuq l-esperjenza tiegħu f’żoni ta’ wara kunflitt, il-BEI jista’ jinvestiga wkoll il-possibbiltà li jistabbilixxi u jimmaniġġa fondi fiduċjarji maħluqa apposta.

2.3.3    Tappoġġa l-bini tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-ġustizzja tranżitorja

Lil hinn mir-riformi politiċi, l-Iraq għandu jitħeġġeġ biex jaqbad it-triq tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u d-djalogu transettarju bil-għan li jiżviluppa sens ta’ ċittadinanza separat mill-identità settarja u etnika u jippromwovi r-rikkeza tad-diversità kulturali tal-Iraq. Il-gruppi tas-soċjetà ċivili Iraqin għandhom rwol ewlieni fil-bini tal-paċi, il-promozzjoni tal-identità nazzjonali Iraqija, il-ġlieda kontra l-propaganda settarja, il-protezzjoni tal-wirt u d-diversità kulturali, kif ukoll id-difiża ta’ dawn it-temi ewlenin mal-gvern.

Fuq il-kwistjoni tal-ġustizzja u rimedji, jeħtieġ li l-gvern tal-Iraq jagħmel għażliet diffiċli, pereżempju permezz ta’ proċess nazzjonali ta’ “verità u rikonċiljazzjoni” li jrid ikun transettarju u jindirizza reati mwettqa mhux biss mid-Da'esh u l-membri tal-komunità Sunnita iżda wkoll mill-milizja tax-Xiiti u l-forzi tas-sigurtà Iraqin. Dan il-proċess jista’ jkun essenzjali biex isaħħaħ iċ-ċittadinanza Iraqija.

Jista’ jkun meħtieġ li jingħata appoġġ internazzjonali għal operazzjonijiet politiċi/bini tal-paċi f’żoni fejn il-komunitajiet jibqgħu f’kunflitt ma’ xulxin.

Mezzi tal-impenn tal-UE: L-appoġġ lill-korpi ġudizzjarji u parlamentari, kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’appoġġ għall-bini tal-paċi u l-attivitajiet tal-ġustizzja tranżitorja għandu jkun ikkunsidrat taħt l-EIDHR u/jew il-“Fond Madad”.

Minħabba li twettqu reati tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, huwa importanti li dawn jiġu indirizzati għar-rikonċiljazzjoni. L-UE għandha tappoġġa l-isforzi tal-korpi pubbliċi, l- NGOs u l-QKI f’dan il-kuntest.

3 – SUPPOŻIZZJONIJIET, QAFAS TA’ ŻMIEN U REVIŻJONI

L-abbiltà tal-UE li tilħaq dawn l-għanijiet u twettaq dawn l-azzjonijiet stabbiliti hawn fuq tiddependi ħafna fuq is-sitwazzjoni li tkun qed tevolvi fuq il-post, inkluża l-ġlieda kontra d- Da'esh kif ukoll ir-rieda tal-atturi nazzjonali u reġjonali li jridu jaġixxu skont l-għanijiet stabbiliti.

Idealment d-Da'esh u gruppi terroristiċi oħrajn għandhom joħorġu telliefa kemm fl-Iraq kif ukoll fis-Sirja, u l-problemi politiċi tal-pajjiżi jkunu solvuti fl-istess żmien. It-twettiq tal-għanijiet kollha jew fis-Sirja jew fl-Iraq biss mingħajr progress korrispondenti fil-pajjiż l-ieħor jista’ jtellef l-istabbiltà dejjiema u l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun.

Il-qafas preżenti għandu orizzont pluriennali. Biex jibqa’ rilevanti, huwa meħtieġ grad għoli ta’ flessibilità biex jadatta għall-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fuq il-post. Huwa propost li jkun stabbilit proċess ta’ reviżjoni annwali biex jivvaluta l-impatt tal-politika tal-UE. Dan għandu jinkludi reviżjoni tal-perċezzjoni tal-politika tal-UE fost il-benfiċjarji primarji tagħha fis-Sirja, l-Iraq u r-reġjun usa’, sabiex tkun assigurata l-fiduċja kontinwa meħtieġa tal-popolazzjoni lokali fl-impenn tal-UE.

Jeħtieġ li l-UE tikkomunika l-impenn strateġiku tagħha bl-iktar mod effettiv, kemm liċ-ċittadini tal-UE, fid-dawl tal-impatt tal-kriżijiet fis-Sirja u l-Iraq fuq l-UE u l-impenji finanzjarji li jsiru, kif ukoll lill-popolazzjoni lokali f’dawk il-pajjiżi u r-reġjun usa’.

Anness

STQARRIJA FINANZJARJA

QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA 1.1. Titolu tal-proposta/inizjattiva

Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentanza Għolja għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà: “Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da' esh”

1.2. Qasam (Oqsma) politiċi kkonċernati fl-istruttura ABM/ABB [6]

Intestatura 4 – Ewropa Globali

TITOLU 19 — L-ISTRUMENTI TAL-POLITIKA BARRANIJA

TITOLU 21 — L-IŻVILUPP U L-KOOPERAZZJONI

TITOLU 22 — IT-TKABBIR

TITOLU 23 — L-GĦAJNUNA UMANITARJA U L-PROTEZZJONI ĊIVILI

1.3. Natura tal-proposta/inizjattiva

¨ Il-proposta/inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida

¨ Il-proposta/inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida wara proġett pilota/azzjoni preparatorja[7]

X Il-proposta/inizjattiva hija relatata mal-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti

¨ Il-proposta/inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ridiretta lejn azzjoni ġdida

1.4. Għan(ijiet)

1.4.1.     L-għan(ijiet) pluriennali strateġiċi tal-Kummissjoni indirizzati mill-proposta/inizjattiva

Ewropa Globali: Attur globali iktar b’saħħtu

Il-Lvant Nofsani bħalissa għaddej minn kriżi profonda. Il-kunflitti fis-Sirja u l-Iraq huma kemm riflessjoni kif ukoll mutur ta’ din il-kriżi, bil-potenzjal dejjem akbar li jiġu destabilizzati pajjiżi ġirien (inkluż il-pajjiż kandidat it-Turkija) u r-reġjun usa’. Dawn il-kriżijiet ħolqu diżastru umanitarju li qed jaffettwa iktar minn 13.5-il miljun ruħ li kienu mġiegħla jaħarbu minn darhom u iktar minn 17-il miljun ruħ fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja (12.2 fis-Sirja u 5.2 fl-Iraq).

Wara iktar minn erba’ snin ta’ kunflitt brutali fis-Sirja, l-isforz iddikjarat tad-Da'esh li jaġixxi bħala stat alternattiv u ideoloġikament radikali appella għall-estremisti fir-reġjun u lil hinn, partikolarment f’żoni fis-Sirja u fl-Iraq fejn l-awtorità tal-istat ikkrollat u fejn jiddomina sentiment ta’ emarġinazzjoni politika u soċjoekonomika.

Bħala attur importanti fir-reġjun, l-UE għandha responsabbiltà li tiżgura li tuża l-influwenza tagħha u l-istrumenti numerużi tagħha b’mod effettiv u koerenti biex tiddefendi l-ħajjiet, id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem, u li tgħin biex issolvi dawn il-kriżijiet, b’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab reġjonali u internazzjonali.

Barra minn hekk, hemm raġunijiet fundamentali ta’ interess dirett tal-UE biex iżżid l-impenn tagħha fis-Sirja, l-Iraq u l-pajjiżi ġirien.

1.4.2.     Għan(ijiet) speċifiċi u attività/ajiet ABM/ABB ikkonċernati

Attività/ajiet ikkonċernati:

19.02 – Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi – rispons għall-kriżi, prevenzjoni tal-kunflitt, bini tal-paċi u preparazzjoni għall-kriżi

21.02 – L-Istrument ta’ Żvilupp tal-Kooperazzjoni

21.03 – L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI)

21.04 – EIDHR

22.02 – Proċess u strateġija ta’ tkabbir

23.02 – Għajnuna umanitarja, għajnuna tal-ikel u preparazzjoni għal diżastri

Għanijiet speċifiċi li jirrelataw mal-attività ABM – 19.02

F’sitwazzjoni ta’ kriżi jew kriżi emerġenti, biex jikkontribwixxi malajr għall-istabbiltà billi jipprovdi rispons effettiv imfassal biex jgħin, jistabbilixxi jew jistabbilixxi mill-ġdid il-kundizzjonijiet essenzjali għall-implimentazzjoni xierqa tal-politika u azzjonijiet esterni tal-Unjoni skont l-Artikolu 31 TUE.

Għanijiet speċifiċi relatati mal-attività ABM - 21.02

Irawwem l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv f’pajjiżi u reġjuni sħab u l-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, it-tmexxija tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif previst fit-TUE, bil-għan primarju jkun dak tal-eradikazzjoni tal-faqar.

Għanijiet speċifiċi relatati mal-attività ABM - 21.03

Tippromwovi l-bini tal-kunfidenza u miżuri oħra li jikkontribwixxu għas-sigurtà u l-prevenzjoni u s-soluzzjoni tal-kunflitti.

Għan speċifiku relatat mal-attività ABM – 21.04

Issaħħaħ ir-rispett għal u l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Għan speċifiku relatat mal-attività ABM – 22.02

Tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali

Għan speċifiku relatat mal-attività ABM – 23.02

Tipprovdi għajnuna umanitarja li ssalva l-ħajjiet u protezzjoni internazzjonali

Dawk l-istrumenti kollha għandhom jipprovdu azzjonijiet b’appoġġ tal-għanijiet kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni fir-rigward ta’:

Għanijiet komuni għas-Sirja, l-Iraq u pajjiżi oħra milquta

1. Tippromowvi l-impenn reġjonali b’appoġġ għas-sigurtà u paċi għal terminu twil

2. Tiżola u tegħleb lid-Da'esh bħala forza militari u bħala organizzazzjoni terrorista u tikkontrolla l-influwenza ideoloġika tiegħu

3. Tipprevjeni t-tixrid reġjonali u jsaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri

4. Tipprovdi għajnuna umanitarja li ssalva l-ħajjiet u protezzjoni internazzjonali

5. Issaħħaħ il-kapaċitajiet tar-reżiljenza lokali fis-Sirja, l-Iraq u l-pajjiżi ġirien milquta fis-Sirja:

1. Taħdem lejn tranżizzjoni politika

2. Issaħħaħ l-oppożizzjoni moderata u l-atturi tas-soċjetà ċivili

3. Tipprovdi servizzi bażiċi u tikkontribwixxi għall-bini mill-ġdid tal-amministrazzjoni f’żoni fejn hemm inqas vjolenza

4. Tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem/id-dritt umanitarju internazzjonali u tassigura r-responsabbiltà

5. Tipprepara għall-“jum ta’ wara”

Fl-Iraq:

1. Jappoġġa lill-gvern tal-Iraq biex jagħmel l-inkużività realtà

2. Jappoġġa s-servizzi bażiċi, l-iżvilupp ekonomiku u jiġġieled il-korruzzjoni

3. Jappoġġa l-bini tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-ġustizzja tranżitorja

             

1.5. Argumenti għall-proposta/inizjattiva

1.5.1.     Rekwiżit(i) li għandhom ikunu sodisfatti fit-terminu qasir jew twil

L-UE għandha tiżgura finanzjament sostenibbli u prevedibbli proporzjonat għal-livell mingħajr preċedent ta’ ħtiġijiet fir-reġjun.

1.5.2.     Valur miżjud tal-involviment tal-UE

L-UE diġà tinsab fuq quddiem nett fl-isforzi internazzjonali ta’ appoġġ għall-poplu tas-Sirja b’mod partikolari. L-istrateġija proposta se tibni fuq u tikkumplimenta l-Istrateġija tal-UE kontra t-Terroriżmu/Ġellieda Barranin u l-Komunikazzjoni Konġunta: Lejn approċċ komprensiv tal-UE għall-kriżi Sirjana

1.5.3.     Lezzjonijiet mitgħallma minn esperjenzi fil-passat

Għandhom jintużaw numru ta’ strumenti biex tkun ittrattata l-kriżi minn angoli differenti u biex ikun evitat tixrid lejn pajjiżi ġirien, b’mod konformi mal-Komunikazzjoni Konġunta: Lejn approċċ komprensiv tal-UE għall-kriżi Sirjana. Il-koordinazzjoni effettiva tar-rispons hija essenzjali.

1.5.4.     Kompatibilità u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn

Il-proposta tikkunsidra taħlita ta’ strumenti differenti. L-attivitajiet isaħħu lil xulxin u għalhekk għandhom jitwettqu ġeneralment b’mod parallel.

1.6. Tul u impatt finanzjarju

X Proposta/inizjattiva ta’ tul limitat

– X Proposta/inizjattiva b’effett fl-2015 u l-2016

– X Impatt finanzjarju fl-2015 u l-2016

1.7. Mod(i) ta’ tmexxija ppjanati[8]

X Tmexxija diretta mill-Kummissjoni:

– X  mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

– X  mill-aġenziji eżekuttivi

X Tmexxija indiretta billi tafda ħidma tal-implimentazzjoni tal-baġit lil:

– X pajjiżi terzi jew il-korpi li ħatru;

– X organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (iridu jkunu speċifikati);

– ¨ il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investiment;

– ¨ korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209 tar-Regolament Finanzjarju;

– X korpi tad-dritt pubbliku;

– X korpi mmexxija mid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku sal-punt li huma jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

– ¨ korpi mmexxija mid-dritt privat ta’ Stat Membru li huma fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija bejn il-pubbliku u l-privat u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

– ¨ persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

– Jekk ikun indikat iktar minn mod ta’ tmexxija wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima “Kummenti”.

Kummenti

Modi ta’ tmexxija jkunu deċiżi skont l-istipulazzjonijiet tal-istrumenti rilevanti permezz tad-Deċiżjonijiet ta’ Finanzjament rispettivi.

2. MIŻURI TA’ TMEXXIJA 2.1. Regoli ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ

Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

Ikunu applikati r-regoli ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ kif stabbiliti fil-bażijiet legali rilevanti.

2.2. Sistema ta’ mmaniġġar u kontroll

2.2.1.     Risk ju/i identifikati

1) In-nuqqas ta’ stabbiltà politika u amministrattiva f’pajjiżi sħab jista’ jwassal għal diffikultajiet fit-tfassil ta’ programmi, dewmien fl-infiq tal-fondi u nuqqas ta’ effettività;

2) In-nuqqas ta’ ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni jista’ jtellef ir-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet problematiċi relatati mal-immaniġġar tal-għajnuna

2.2.2.     Informazzjoni li tikkonċerna t-twaqqif ta’ sistema ta’ kontroll intern

Il-metodi ta’ kontroll ikkunsidrati huma konformi mal-istandards ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni kif stabbiliti fil-Pjanijiet ta’ Tmexxija tas-servizzi rilevanti.

Fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, hemm sistema ta’ kontroll effettiva bbażata fuq l-użu ta’ esperti internazzjonali li jagħmlu valutazzjonijiet ex-ante ta’ proġetti u monitoraġġ, kif ukoll evalwazzjonijiet. Il-proġetti umanitarji huma suġġetti għal awditjar estern.

2.3. Miżuri li jipprevjenu l-frodi u l-irregolaritajiet

Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni eżistenti jew ikkunsidrati.

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet jiffurmaw parti integrali tal-bażijiet legali rilevanti. Il-monitoraġġ amministrattiv tal-kuntratti u l-ħlasijiet ikunu responsabbiltà tal-Uffiċjal Amministrattiv responsabbli, filwaqt li għall-għajnuna umanitarja r-responsabbiltà taqa’ taħt il-Kwartieri Ġenerali assistit mill-esperti ECHO fil-qasam. Tingħata attenzjoni partikolari lin-natura tal-ispiża (eliġibilità tal-ispiża), lir-rispett lejn il-baġit (spiża attwali) u lill-verifika tal-informazzjoni relatata u d-dokumentazzjoni (evidenza tal-ispiża).

3. STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA 3.1. Titolu/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u linja/i tal-baġit milquta

· Linji tal-baġit eżistenti

Fl-ordni ta’ titoli tal-qafas finanzjarju pluriennali u linji tal-baġit.

Titolu tal-qafas finanzjarju pluriennali || Linja tal-baġit || Tip ta’ Spiża || Kontribut

Numru  [Titolu………………………...……………] || Diff./ Mhux diff. [9] || minn pajjiżi EFTA[10] || minn pajjiżi kandidati[11] || minn pajjiżi terzi || fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

4 || 23.02.01 HUMA- Għajnuna umanitarja || Diff./ Mhux diff. || LE || LE || LE || LE

|| || || || || ||

3.2. Stima tal-impatt fuq l-ispiża

3.2.1.     Sommarju tal-istima tal-impatt fuq l-ispiża

                                                                                                                                                                                           EUR miljuni (sa tliet punti deċimali)

Titolu tal-qafas finanzjarju pluriennali || Numru || Titolu 4, Ewropa Globali

DĠ: ECHO || || || Sena N[12] || Sena N+1 || Sena N+2 || Sena N+3 || Daħħal in-numru ta’ snin meħtieġa biex turi t-tul tal-impatt (ara punt 1.6) || TOTAL

Ÿ Approprjazzjonijiet operattivi || || || || || || || ||

23.02.01 Għoti ta’ għajnuna umanitarja veloċi, effettiva u bbażata fuq il-ħtiġijiet || Impenji || (1) || 50 || || || || || || || 50

Pagamenti || (2) || 50 || || || || || || || 50

Pagamenti || (2a) || || || || || || || ||

Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-envelopp ta’ programmi speċifiċi[13] || N/A || || || || || || ||

Approprjazzjonijiet TOTALI għad-DĠ ECHO || Impenji || =1+1a +3 || 50 || || || || || || || 50

Pagamenti || =2+2a +3 || 50 || || || || || || || 50

Ÿ TOTAL tal-approprjazzjonijiet operattivi || Impenji || (4) || 50 || || || || || || || 50

Pagamenti || (5) || 50 || || || || || || || 50

Ÿ TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-envelopp għal programmi speċifiċi || (6) || N/A || || || || || || ||

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet taħt it-TITOLU 4 tal-qafas finanzjarju pluriennali || Impenji || =4+ 6 || 50 || || || || || || || 50

Pagamenti || =5+ 6 || 50 || || || || || || || 50

3.2.2.     Stima tal-impatt tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

3.2.1.1. Sommarju

– X Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

3.2.1.2. Stima tar-rekwiżiti tar-riżorsi umani

– X  Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġ l-ebda riżors uman addizzjonali.

3.2.3.     Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali preżenti

– X Il-proposta/inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali preżenti.

– X Il-proposta/inizjattiva tinkludi riprogrammar tat-titolu rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

L-iffinanzjar addizzjonali għall-attivitajiet identifikati f’din l-istqarrija jkun iffinanzjat totalment permezz tal-użu mill-ġdid u r-riprogrammar tal-enveloppi tal-istrumenti tar-relazzjonijiet esterni li huma parti mit-Titolu 4 tal-qafas finanzjarju pluriennali. Il-Kummissjoni se tipproponi trasferiment mir-Riżerva tal-Għajnuna għal Emerġenza għall-Għajnuna Umanitarja fl-2015, u kwalunkwe riallokazzjoni ta’ impenji meħtieġa fl-2016 tiġi saldata fil-qafas tal-proċedura baġitarja tal-2016.

Is-sorsi ta’ finanzjament huma deskritti fit-tabella ta’ hawn taħt.

Pakkett għall-kriżi fis-Sirja u pajjiżi ġirien fuq sentejn (2015-2016)

(Approprjazzjonijiet tal-Impenji)

DĠ || Strumenti Finanzjarji H4 || 2015 EUR miljuni || 2016 EUR miljuni || 2015-2016 EUR miljuni

ECHO || HUMA - HIP is-Sirja l-Iraq || 200 || 200 || 400

NEAR || ENI – Kriżi tas-Sirja || 72 || 72 || 144

IPA - It-Turkija || 78 || 78 || 156

DEVCO || DCI || 50 || 50 || 100

FPI || IcSP || 35 || 35 || 70

DEVCO || EIDHR || 7 || 8 || 15

ECFIN || Garanzija ta’ Self* || || 65 || 65

EAR || Riżerva ta’ Għajnuna għal Emerġenza* || 50 || || 50

Total || || 492 || 508 || 1,000

* Dawn l-approprjazzjonijiet se jkunu proposti għal trasferiment (fl-2015) jew riallokazzjoni (fl-Abbozz tal-Baġit 2016) għall-istrumenti rilevanti għall-implimentazzjoni.

3.2.4.     Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

– Il-proposta/inizjattiva ma tipprovdix għal kofinanzjament minn partijiet terzi.

3.3. Stima tal-impatt fuq id-dħul

– X  Il-proposta/inizjattiva ma għandha ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

 

[1] L-hekk imsejjaħ Stat Islamiku tal-Iraq u l-Lvant, l-akronomu tiegħu bl-Għarbi huwa Da’esh.

[2] Komunikazzjoni JOIN(2013)22 tal-24 ta’ Ġunju 24 2013 “Lejn approċċ komprensiv tal-UE għall-kriżi fir-Sirja”; “L-Istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu/ġellieda barranin” adottata mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-20 ta’ Ottubru 2014, ref 14451/14

[3] Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien innegozjat bejn l-1997 u l-2004 u kien irrivedut fl-2008 iżda qatt ma ġie ffirmat.

[4] Il-Koalizzjoni Globali tnediet f’Settembru 2014 u għandha l-appoġġ ta’ aktar minn 60 pajjiż, inklużi pajjiżi ewlenin fir-reġjun. L-UE tappoġġa l-isforzi ta’ din il-koalizzjoni, inkluża azzjoni militari skont id-dritt internazzjonali.

[5] Ara b’mod partikolari s-sentenza “Kadi II” tat-18 ta’ Lulju 2013 (Każijiet Magħquda C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10P)

[6]               ABM: immaniġġar ibbażat fuq attività; ABB: ibbaġitjar ibbażat fuq attività.

[7]               Kif imsemmi fl-Artikolu 54(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.

[8]               Dettalji tal-modi ta’ mmaniġġar u referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinstabu fuq is-sit tal- BudgWeb: http://www.cc.cec/budg/man/budgmanag/budgmanag_en.html

[9]               Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.

[10]             EFTA: European Free Trade Association (Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles).

[11]             Pajjiżi kandidati u, fejn applikabbli, pajjiżi kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.

[12]             Is-Sena N hija s-sena li matulha tibda l-implimentazzjoni tal-proposta/inizjattiva.

[13]             Għajnuna teknika u/jew amministrattiva b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ programmi u/jew azzjonijiet tal-UE (linji “BA” preċedenti), riċerka indiretta, riċerka diretta.

Top