This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Il-politika monetarja għandha x’taqsam mad-deċiżjonijiet meħudin mill-banek ċentrali sabiex jinfluwenzaw il-kost u d-disponibilità tal-flus f’ekonomija. Fil-każ tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l-objettiv ewlieni tal-politika monetarja huwa li żżomm l-istabbilità tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro, li hija definita bħala inflazzjoni ta’ sena wara sena ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju (kif imkejla bl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur). L-impenn tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE għall-mira ta’ inflazzjoni ta’ 2 % huwa simetriku, li jfisser li devjazzjonijiet negattivi u pożittivi mill-mira t-tnejn jitqiesu bħala mhux mixtieqa.
L-għodda tal-politika monetarja l-aktar importanti tal-BĊE hija l-kontroll tar-rati tal-imgħax tal-politika. Tibdiliet fir-rati ewlenin jaffettwaw ir-rati tal-imgħax offruti minn banek kummerċjali għas-self jew depożitu ta’ flus, u dan jinfluwenza l-infiq tal-konsumaturi u d-deċiżjonijiet tan-negozji fuq l-investimenti.
Jekk il-kanali normali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja jiġu mfixkla u/jew ir-rati tal-politika joqorbu l-limitu inferjuri effettiv tagħhom, il-banek ċentrali (inkluż il-BĊE) jistgħu jadottaw ukoll miżuri tal-politika monetarja mhux standard, bħal programmi ta’ xiri ta’ assi u operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq perjodu ta’ żmien itwal, fit-twettiq tal-objettiv(i) tal-politika monetarja tagħhom.