Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)

L-UEM tinvolvi l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali, politika monetarja komuni, u munita komuni — l-euro. Filwaqt li s-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) kollha jieħdu sehem fl-unjoni ekonomika, xi pajjiżi ħadu l-integrazzjoni fi stadju oltrè u adottaw l-euro. Flimkien, dawn il-pajjiżi jiffurmaw iż-żona tal-euro.

L-integrazzjoni ekonomika ġġib magħha l-benefiċċji ta’ daqs akbar, effiċjenza interna u robustezza lill-ekonomija tal-UE kollha kemm hi u lill-ekonomiji tal-pajjiżi individwali tal-UE. Dan, min-naħa tiegħu, joffri opportunitajiet għall-istabbiltà ekonomika, tkabbir ogħla u aktar impjiegi — riżultati ta’ benefiċċju dirett għaċ-ċittadini tal-UE.

F’termini prattiċi, l-UEM tfisser:

  • il-koordinazzjoni ta’ tfassil ta’ politika ekonomika bejn il-pajjiżi tal-UE;
  • il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali, b’mod partikolari l-limiti fuq id-dejn u d-defiċit tal-gvern;
  • politika monetarja indipendenti mmexxija mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fiż-żona tal-euro;
  • regoli u superviżjoni uniċi tal-istituzzjonijiet finanzjarji fiż-żona tal-euro;
  • il-munita unika u ż-żona tal-euro.

Mill-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 ’l hawn, l-UE saħħet ħafna s-sistemi tagħha ta’ governanza ekonomika biex tidentifika, tipprevjeni, u tikkoreġi aħjar problemi ekonomiċi potenzjali bħal defiċits eċċessivi tal-gvern, livelli ta’ dejn pubbliku jew żbilanċi makroekonomiċi, u biex tiżgura li l-Ewropa tkun imħejjija aħjar għal skossi ekonomiċi futuri.

ARA WKOLL

Top