This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill Ewropew sar istituzzjoni tal-UE. Il-President tal-Kunsill Ewropew jiġi elett, b’maġġoranza kwalifikata, għal mandat ta’ sentejn u nofs. Fl-2019, Charles Michel ġie elett President tal-Kunsill Ewropew.
Il-Kunsill Ewropew jiltaqa’ mill-inqas 4 darbiet fis-sena, u jikkonsisti mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri tal-UE, flimkien mal-President tiegħu u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jieħu sehem fix-xogħol tiegħu.
Ir-rwol tal-Kunsill Ewropew huwa li jipprovdi l-impetu, id-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali għall-iżvilupp tal-UE (L-Artikolu 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — TUE), li jinkludi:
Ma jeżerċita l-ebda funzjoni leġiżlattiva. Madankollu, dan jiddefinixxi l-linji gwida strateġiċi għal ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (l-Artikolu 68 TFUE). Jista’ jintervjeni wkoll fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (l-Artikolu 48 TFUE) jew f’materji kriminali (l-Artikoli 82 u 83 TFUE) fejn membru tal-Kunsill, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, jitlob abbozz ta’ att leġiżlattiv li għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill Ewropew.
Il-Kunsill Ewropew jista’ wkoll, b’mod unanimu, jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata minflok b’unanimità meta jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas pluriennali (l-Artikolu 312(2) TFUE). Huwa jadotta wkoll deċiżjonijiet dwar il-funzjonament tal-Kunsill (l-Artikolu 236 TFUE) u l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 14 TUE).
Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens jew, fejn dan ikun provdut mit-trattati, b’unanimità, b’maġġoranza kwalifikata jew b’maġġoranza sempliċi. Il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-aġenda politika tal-UE, tradizzjonalment billi jadotta “konklużjonijiet” matul il-laqgħat tiegħu li jidentifikaw kwistjonijiet ta’ tħassib u azzjonijiet li għandhom jittieħdu.