This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Iċ-ċibersigurtà, magħrufa wkoll bħala teknoloġija tal-informazzjoni jew sigurtà tal-kompjuter, tinvolvi l-istabbiliment ta’ miżuri li jipproteġu s-sistemi u n-networks mid-divulgazzjoni tal-informazzjoni, is-serq jew il-ħsara lill-ħardwer, is-softwer jew id-data elettronika tagħhom, u mit-tfixkil jew id-direzzjoni ħażina tas-servizzi li jipprovdu.
Iċ-ċibersigurtà ilha prijorità tal-Unjoni Ewropea (UE). Dan ġie rifless reċentement fil-baġit fit-tul tagħha (qafas finanzjarju pluriennali) għall-perjodu 2021–2027, fejn finanzjament sinifikanti ġie allokat biex jappoġġja r-riċerka, l-innovazzjoni u l-infrastruttura taċ-ċibersigurtà, iċ-ċiberdifiża u l-industrija taċ-ċibersigurtà.
Mill-2004, u msaħħa bl-Att dwar iċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2019, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) ilha taħdem mal-Istati Membri tal-UE u partijiet rilevanti oħra, tagħti pariri u soluzzjonijiet u tibni l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tagħhom biex tirrispondi b’mod konġunt għal inċidenti transkonfinali taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.
Is-strateġija taċ-ċibersigurtà l-iktar riċenti tal-UE, ippreżentata fl-2020, tfittex li ssaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tagħha kontra t-theddid ċibernetiku u tgħin biex tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn servizzi u għodod diġitali affidabbli u ta’ min joqgħod fuqhom. Din fiha proposti għal inizjattivi regolatorji, ta’ investiment u ta’ politika li għandhom jittieħdu fi tliet oqsma.