EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0354

L-Afrika t'Isfel: massakru tal-minaturi fuq strajk Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Settembru 2012 dwar l-Afrika t'Isfel: il-massakru tal-minaturi li qed jistrajkjaw (2012/2783(RSP))

ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 141–144 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/141


Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2012
L-Afrika t'Isfel: massakru tal-minaturi fuq strajk

P7_TA(2012)0354

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2012 dwar l-Afrika t'Isfel: il-massakru tal-minaturi li qed jistrajkjaw (2012/2783(RSP))

2013/C 353 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għall-Isħubija Strateġika bejn l-Afrika t'Isfel u l-UE, li sal-lum, hi l-unika sħubija tat-tip tagħha li qatt ġiet konkluża bejn l-UE u pajjiż Afrikan,

wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ('Il-Ftehimta’ Cotonou'),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-segwitu tagħha,

wara li kkunsidra l-inizjattiva tan-NU "Global Compact" u l-Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

wara li kkunsidra l-Kunsill Internazzjonali għal Qafas ta' Żvilupp Sostenibbli għat-Tħaffir u l-Metalli,

wara li kkunsidra il-ftehim għall-kummerċ, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika t'Isfel fl-1999, komplut fl-2009 b'dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni politika u ekonomika,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-President Jacob Zuma tas-17 ta' Awwissu 2012,

wara li kkunsidra r-rimarki mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-23 u tal-24 ta' Awwissu 2012, wara l-11-il Djalogu Politika Ministerjali bejn l-Afrika t'Isfel u l-UE mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Nkoana-Mashabane,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-30 ta' Mejju 2012 dwar l-impatt soċjali u ambjentali tat-tħaffir fil-minjieri fil-pajjiżi AKP,

wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi 34 persuna ġew maqtula u minn tal-inqas 78 ġew midruba fis-16 ta' Awwissu 2012 f'konfronti bejn il-pulizija u l-minaturi li qed jistrajkjaw fil-minjiera tal-platinu ta' Marikana Lonmin li tinsab fil-Provinċja tal-Majjistral, l-Afrika t'Isfel; billi dawn l-avvenimenti kienu preċeduti minn bosta jiem ta' azzjonijiet ta' strajks vjolenti, bir-riżultat li nqatlu 10 persuni, inkluż żewġ gwardji tas-sigurtà u żewġ uffiċjali tal-pulizija;

B.

billi 270 ħaddiem fil-minjieri ġew arrestati tul l-istrajks u ġew akkużati bil-qtil ta' sħabhom stess skont liġi ta' żmien l-apartheid magħrufa bħala l-liġi dwar l-"iskop komuni";

C.

billi, wara protesti pubbliċi, il-prosekuturi rtiraw l-akkużi ta' qtil kontra l-minaturi arrestati fis-16 ta' Awwissu 2012, filwaqt li l-każ kontrihom għal vjolenza pubblika ġie postpost sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet;

D.

billi din l-isparatura tikkostitwixxi l-iktar inċident mdemmi li seħħ bejn il-pulizija u d-dimostranti sa minn tmiem l-apartheid fl-1994;

E.

billi dan l-inċident għandu jiġi eżaminat f'perspettiva aktar wiesa' ta' żbilanċi soċjoekonomiċi kbar li l-pajjiż ilu jiffaċċja; billi l-Afrika t'Isfel, sa mil-waqa' tar-reġim ta' apartheid, irnexxielha tibni stat demokratiku iżda għadha qed tiffaċċja sfidi ekonomiċi u soċjali kruċjali, b'inugwaljanza qawwija u persistenti, kif ukoll b'rata għolja ta' faqar u qgħad;

F.

billi, wara dawn l-avvenimenti mdemmija, il-President Zuma ddeplora b'mod pubbliku din is-sitwazzjoni traġika;

G.

billi ġiet stabbilita Kummissjoni Ġudizzjarja ta' Inkjesta mill-President Zuma biex tinvestiga l-qtil, u d-Direttorat Investigattiv Indipendenti tal-Pulizija tal-Afrika t'Isfel (IPID) ukoll nieda investigazzjoni dwar il-qtil; billi nħoloq kumitat inter-ministerjali responsabbli għas-sejba ta' soluzzjoni dejjiema għall-problemi li kkawżaw dan il-qtil;

H.

billi n-nuqqas ta' riforma tal-mekkaniżmi ta' tilwim dwar ix-xogħol wasslet għal telf ekonomiku konsiderevoli għall-Afrika t'Isfel u kien deterrent għall-investiment barrani;

I.

billi l-minaturi li qed jistrajkjaw kienu f'nofs tilwima dwar il-pagi ma' sid il-minjiera, Lonmin, kumpanija għat-tħaffir tal-platinu li hi rreġistrata Londra - u li hi t-tielet l-ikbar kumpanija fid-dinja;

J.

billi r-rivalità politika qawwija bejn il-unjins kompliet saħħnet it-tilwima, b'mod partikolari t-tensjonijiet li hemm bejn il-Unjin Nazzjonali tal-Ħaddiema fil-Minjieri (NUM) u l-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema fil-Minjieri u l-Unjin ta' Kostruzzjoni (AMCU);

K.

billi l-eks president imkeċċi tal-Lega taż-Żgħażagħ tal-Kungress Nazzjonali Afrikan (ANCYL), Julius Malema, kien qed jappoġġja l-minaturi li qed jistrajkjaw u l-AMCU;

L.

billi l-minerali u l-prodotti tat-tħaffir fil-minjieri mill-Afrika t'Isfel huma esportati, anke f'pajjiżi tal-Unjoni Ewropea; billi s-settur tat-tħaffir fil-minjieri hu effettwat min-nuqqas ta' talba u minn spejjeż operattivi dejjem jiżdiedu;

M.

billi xi ħaddiema fil-minjiera tal-platinu ta' Marikana Lonmin għadhom jinsabu fuq strajk biex jiksbu pagi aħjar;

N.

billi fil-5 ta' Settembru 2012 kien hemm skjerament qawwi tal-pulizija, meta aktar minn 3 000 minaturi li qed jistrajkja ipprotestaw fit-toroq qrib il-minjiera ta' Marikana fit-tieni l-akbar protesta non-vjolenti sa mill-isparatura tas-16 ta' Awwissu 2012;

O.

billi din l-azzjoni ta' protesta xterrdet f'minjieri oħrajn, b'erba' persuni jiġu midruba fil-5 ta' Settembru 2012 f'konfrontazzjoni fil-minjiera Gold One Modder East, meta gwardji tas-sigurtà sparaw balal tal-lastiku kontra l-minaturi li qed jistrajkjaw;

1.

Jikkundanna bil-qawwi l-qtil brutali tal-minaturi li qed jistrajkjaw tas-16 ta' Awwissu 2012 kif ukoll il-vjolenza preċedenti li wasslet għall-mewt ta' 10 persuni, inkluż ta' żewġ gwardji tas-sigurtà u ta' żewġ uffiċjali tal-pulizija;

2.

Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji ta' dawk kollha li tilfu ħajjithom sa mill-bidu tal-kriżi fil-minjiera ta' Marikana;

3.

Jilqa' kemm id-deċiżjoni tal-President Zuma li jistabbilixxi Kummissjoni ta' Inkjesta u ukoll l-inizjattiva IPID għall-investigazzjoni tal-qtil;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni ta' Inkjesta tipproteġi t-trasparenza, sabiex taġixxi b'mod indipendenti u imparzjali immens, u biex tiżgura li l-investigazzjonijiet tagħha jikkumplimentaw dawk tal-IPID;

5.

Iħeġġeġ lill-partijiet kollha milquta biex jikkollaboraw mal-Kummissjoni ta' Inkjjesta biex jistabbilixxu l-fatti dwar l-avvenimenti li seħħew f'Marikana;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni ta' Inkjesta biex tinvestiga l-kawża ewlenija tal-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija, u jesprimi tħassib serju dwar l-użu, mill-awtoritajiet, tal-liġi dwar "skop komuni" ta' żmien l-apartheid;

7.

Jinsab imħasseb li l-imsieħba soċjali stabbiliti fl-Afrika t'Isfel qed jitilfu l-leġittimità tagħhom fost iċ-ċittadini kaġun tal-evidenza kontinwa ta' korruzzjoni fil-livelli kollha;

8.

Jitlob lill-awtoritajiet tal-Afrika t'Isfel u lil Lonmin sabiex jiżguraw li l-vittmi u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għall-ġustizzja u jiġu kumpensati u jingħataw kura;

9.

Jitlob li dawk kollha li ġew arrestati jiġu trattati b'mod ġust bi qbil mal-proċeduri ġudizzjarji, inkluż permezz ta' investigazzjonijiet imparzjali u trasparenti tal-pulizija;

10.

Jiddispjaċih għan-nuqqas min-naħa ta' Lonmin li tittratta t-tilwima dwar ix-xogħol bis-sensittività li kien jistħoqqilha, u għall-falliment tagħha li tassumi kwalunkwe tip ta' responsabilità, iżda jilqa' d-dikjarazzjoni tal-kumpanija li mhijiex se tkeċċi lill-ħaddiema li qed jistrajkjaw jekk huma ma jirritornawx għax-xogħol, kif kienet qed titlob qabel;

11.

Jinsab imħasseb bil-qawwi dwar it-theddida ta' vjolenza mill-minaturi li qed jistrajkjaw, b'mod partikolari fir-rigward tar-rapporti ta' intimidazzjoni fuq dawk il-ħaddiema fil-minjieri li ġew mhedda bil-mewt jekk ikomplu jaħdmu; jitlob lill-partijiet kollha involuti biex jiżguraw li l-protesti jibqgħu paċifiċi;

12.

Jinsab imħasseb li l-konfrontazzjoni fil-minjiera Gold One Modder East hi sinjal li l-inkwiet dwar ix-xogħol jista' jinfirex ukoll fis-settur tad-deheb bil-konsegwenza li jwassal għall-possibilità ta' espansjoni tal-vjolenza;

13.

Ifakkar lill-partijiet kollha dwar l-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipji u l-prijoritajiet tal-ILO, u l-Kostituzzjoni tal-Afrika t'Isfel li tiggarantixxi d-drittijiet ta' għaqda, assemblea u tal-libertà ta' espressjoni;

14.

Jitlob lill-awtoritajiet tal-Afrika t'Isfel, lit-trejdunjins u lil Lonmin biex ikomplu jagħmlu l-almu tagħhom biex jilħqu soluzzjoni rapida, komprensiva u ġusta għall-kunflitt u għat-tilwima dwar il-pagi, bil-għan li jintlaħaq l-obbjettiv ta' paċi u stabbilità fiż-żona;

15.

Jitlob li tinstab soluzzjoni urġenti għat-tilwima u l-kunflitti kontinwi bejn in-NUM u l-AMCU;

16.

Jinsisti li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' salarji adegwati għall-ħaddiema fil-minjieri tal-Afrika t'Isfel kif ukoll l-inugwaljanza fl-iskala tal-pagi;

17.

Jirrikonoxxi li l-Gvern tal-Afrika t'Isfel ħa numru ta' miżuri biex itejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-minjieri u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu bl-isforzi tagħhom;

18.

Jitlob lill-Gvern tal-Afrika t'Isfel biex jindirizza l-bżonn ta' żvilupp ta' ħiliet fi ħdan is-Servizz tal-Pulizija tal-Afrika t'Isfel, b'mod partikolari rigward il-kontroll ta' dimostrazzjonijiet vjolenti u l-użu ta' munizzjon attiv; jitlob li tkun intensifikata l-kooperazzjoni għat-taħriġ tal-pulizija bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta' kontroll bil-għan li tipprevjeni l-importazzjoni lejn l-UE ta' prodotti tal-minjieri li jiġu estratti mingħajr garanziji soċjali, ta' xogħol, ta' sigurtà u ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi tikketta ta' kwalità għall-prodotti tal-minjieri li jiġu estratti bi qbil mal-istandards soċjali, ta' xogħol, ta' sigurtà u ambjentali minimi;

20.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Afrika t'Isfel li jindirizza l-kważi fundamentali tal-vjolenza li seħħet, inkluż id-diskrepanza preokkupanti bejn il-għonja u l-fqar, iż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kondizzjonijiet ta' xogħol u ta' għajcien tal-ħaddiema, sabiex b'hekk tintemm l-inugwaljanza ekonomika estrema;

21.

Jinsab lest li jkompli jappoġġa lill-Afrika t'Isfel, u jenfasizza l-ħtieġa ta' sħubija sostnuta u aktar iffokata sabiex il-pajjiż jiġi megħjun jindirizza l-isfidi soċjo-ekonomiċi li qed jiffaċċja;

22.

Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Afrika t'Isfel, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Unjoni Afrikana.


Top