EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0429

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-4 ta' Ottubru 2007.
Max Rampion u Marie-Jeanne Godard, miżżewġa Rampion vs Franfinance SA u K par K SAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal d'instance de Saintes - Franza.
Direttiva 87/102/KEE - Kreditu lill-konsumatur - Dritt tal-konsumatur li jieħu r-rimedji kontra l-persuna li tagħti l-kreditu f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni li mhijiex konformi mal-ftehim li jirrigwarda l-oġġetti jew is-servizzi ffinanzjati mill-kreditu - Kundizzjonijiet - Referenza għall-oġġett jew is-servizz ffinanzjat bl-offerta ta’ kreditu - Faċilità ta’ kreditu li tippermetti li l-kreditu mogħti jintuża diversi drabi - Possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tqajjem ex officio d-dritt tal-konsumatur li jieħu r-rimedji kontra l-persuna li tagħti l-kreditu.
Kawża C-429/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08017

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:575

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑429/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal d’Instance de Saintes (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-2 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura

Max Rampion,

Marie-Jeanne Godard, miżżewġa Rampion ,

vs

Franfinance SA ,

K par K SAS ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (relatur), President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Franfinance SA, minn B. Soltner, avukat,

– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u A. Dittrich, bħala aġenti,

– għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102 /KEE, tat-22 ta’ Dicembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU L 42, 1987, p. 48), kif emendata mid-Direttiva 98/7/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU L 101, p. 17, aktar ’il quddiem id-“Direttiva 87/102”), b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 14.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Rampion u s-Sinjura Godard, miżżewġa Rampion, (aktar ’il quddiem il-“miżżewġin Rampion”) u l-kumpanniji Franfinance SA (aktar ’il quddiem “Franfinance”) u K par K SAS (aktar ’il quddiem “K par K”) fir-rigward ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ twieqi u ta’ faċilità ta’ kreditu użata għall-finanzjament ta’ dan il-kuntratt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarja

3. Id-Direttiva 87/102 hija intiża għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur.

4. L-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżistenza ta’ ftehim ta’ kreditu m’għandu jaffettwa bl-ebda mod id-drittijiet tal-konsumatur kontra min jipprovdi xi oġġetti jew servizzi mixtrija permezz ta’ ftehim bħal dan f’każijiet meta l-merkanzija jew is-servizzi ma jiġux ipprovduti jew b’xi mod ieħor m’humiex konformi mal-kuntratt tal-provvista.

2. Fejn:

(a) biex jixtri xi oġġetti jew jikseb xi servizzi l-konsumatur jidħol f’xi ftehim ta’ kreditu ma’ xi persuna li ma tkunx dik li tipprovdihom;

u

(b) min ikun qed jagħti l-kreditu u min jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi għandhom xi ftehim minn qabel li taħtu l-kreditu huwa disponibbli biss minn dik il-persuna li qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li qiegħda tipprovdi għax-xiri tal-merkanzija jew tas-servizzi mingħand dik il-persuna li tipprovdihom;

u

(ċ) l-konsumatur imsemmi fis-subparagrafu (a) jikseb il-kreditu tiegħu skond dak il-ftehim li kien jeżisti minn qabel;

u

(d) l-merkanzija u s-servizzi li jaqgħu taħt il-ftehim ta’ kreditu m’humiex ipprovduti, jew parti tagħhom biss hija pprovduta, jew mhumiex konformi mal-kuntratt biex jiġu pprovduti;

u

(e) l-konsumatur ħa r-rimedji tiegħu kontra min jipprovdi iżda ma rnexxilux jikseb is-sodisfazzjon li għandu dritt għalih,

il-konsumatur ikollu d-dritt li jieħu r-rimedji kontra min jagħti l-kreditu.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet dawn ir-rimedji jistgħu jiġu eżerċitati.

3. Il-paragrafu 2 ma jgħoddx meta t-transazzjoni individwali in kwistjoni tkun għal somma ta’ anqas minn dik ekwivalenti għal 200 [euro].”

5. L-Artikolu 14 tad-Direttiva 87/102 jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrispondi ma’ din id-Direttiva.

2. Barra minn dan l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw biex jimplimentaw din id-direttiva ma jiġux evitati bħala riżultat tal-mod kif l-arranġamenti jiġu fformulati, b’mod partikolari bil-mezz li bih l-ammont tal-kreditu jitqassam fuq ħafna ftehim.”.

Id-dritt nazzjonali

6. L-Artikolu L. 311-20 tal-Code de la consommation (Il-Kodiċi ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur) jistabbilixxi, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva 87/102, illi, “[m]eta l-offerta preliminari ssemmi l-oġġett jew is-servizz iffinanzjat, l-obbligi ta’ min jissellef jidħlu fis-seħħ biss mill-mument tal-kunsinna ta’ l-oġġett jew tal-provvista tas-servizz; […]”.

7. F’dan ir-rigward, l-Artikolu L.311-21 tal-Kodiċi jippreċiża li, “[f]il-każ ta’ kontestazzjoni fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt prinċipali, it-Tribunal jista’, sabiex isolvi l-kontroversja, jissospendi l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ kreditu. Dan ta’ l-aħħar jiġi xolt jew annullat awtomatikament meta l-ftehim li għalih ġie konkluż jiġi, min-naħa tiegħu, xolt jew annullat b’sentenza. […]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8. Fil-5 ta’ Settembru 2003, wara żjara fid-dar tagħhom minn bejjiegħ bieb b’bieb, is-Sinjuri Rampion ordnaw xi twieqi min K par K għall-prezz totali ta’ EUR 6,150. Skond il-kuntratt ta’ bejgħ konkluż għal dan il-għan, it-twieqi kellhom ikunu kkonsenjati f’terminu ta’ bejn sitta u tmien ġimgħat minn meta t-tekniku jieħu l-qisien neċessarji.

9. Skond il-qorti tar-rinviju, dan il-kuntratt ta’ bejgħ jirreferi għal finanzjament totali tax-xiri permezz ta’ kreditu mogħti minn Franfinance.

10. Fl-istess ġurnata, is-Sinjuri Rampion ftehmu ma’ Franfinance dwar faċilità ta’ kreditu b’limitu massimu ekwivalenti għall-ammont tal-bejgħ. L-offerta ta’ kreditu tindika l-identità tal-bejjiegħ permezz tar-referenza “kont pjattaforma K par K”, iżda ma tispeċifikax l-oġġett ffinanzjat.

11. Fis-27 ta’ Novembru 2003, meta ġew ikkonsenjati t-twieqi ordnati, is-Sinjuri Rampion innutaw li l-frejm u s-sollijiet kienu impestati bil-parassiti. Ix-xogħlijiet ma tkomplewx u, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2004, il-persuni kkonċernati xoljew il-kuntratt ta’ bejgħ.

12. Peress li t-talba tagħhom ta’ xoljiment baqgħet mingħajr riżultat, il-miżżewġin Rampion, ressqu kawża fid-29 ta’ Ottubru u t-2 ta’ Novembru 2004, sabiex tiġi ddikjarata, fil-konfront ta’ K par K u ta’ Franfinance, in-nullità tal-kuntratt ta’ bejgħ u x-xoljiment sussegwenti tal-ftehim ta’ kreditu minħabba li l-kuntratt ta’ bejgħ, ma indikax b’mod preċiż it-terminu tal-kunsinna ta’ l-oġġetti kkonċernati, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-Kodiċi ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur.

13. Sussidjarjament, il-miżżewġin Rampion talbu x-xoljiment tal-kuntratt ta’ bejgħ minħabba nuqqas min-naħa ta’ K par K li tħares l-obbligu tagħha li tagħti parir, peress illi hija kienet issuġġeriet il-provvista u l-istallazzjoni ta’ xogħol ta’ l-injam minkejja li l-qafas tiegħu kien difettuż.

14. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali sostnew, b’mod partikolari, illi ma kien hemm l-ebda interdipendenza bejn iż-żewġ kuntratti, peress illi, kuntrarjament għall-eżiġenza ta’ l-Artikolu L. 311-20 tal-Kodiċi ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur, ma kien ebda referenza għall-oġġett ffinanzjat fl-offerta ta’ kreditu. Barra minn dan, din kienet tirrigwarda faċilità ta’ kreditu u mhux kreditu marbut mal-finanzjament tal-bejgħ.

15. Il-qorti tar-rinviju, matul is-seduti quddiemha, qajmet ex officio diversi motivi bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur li jirrigwardaw il-kreditur lill-konsumatur u l-bejgħ bieb b’bieb.

16. F’dan il-kuntest, it-Tribunal d’Instance de Saintes ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) L-Artikoli 11 u 14 tad-Direttiva 87/102/KEE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-qorti tapplika r-regoli fuq l-interdipendenza bejn il-ftehim ta’ kreditu u l-kuntratt għal provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, iffinanzjat bis-saħħa ta’ dan il-kreditu, meta l-ftehim ta’ kreditu ma jsemmix l-oġġett li l-akkwist tiegħu qed jiġi ffinanzjat jew ġie konkluż fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu mingħajr ma jissemma l-oġġett iffinanzjat?

2) Id-Direttiva 87/102/KEE […] għandha għan usa’ mis-sempliċi protezzjoni tal-konsumatur, li jestendi għall-organizzazzjoni tas-suq u li jippermetti lill-qorti tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li ġejjin?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-ammissibbiltà

17. Fl-ewwel lok, Franfinance issostni illi, peress li l-ewwel domanda fil-verità tikkonċerna biss l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tiġi kkonsatata l-eżistenza ta’ kreditu marbut ( tied credit ), mhuwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar dan. Fil-fatt, id-Direttiva 87/102 tistabbilixxi biss armonizzazzjoni minima u l-Artikolu 11 tagħha jippreċiża illi l-Istati Membri jiddeterminaw, b’mod partikolari, taħt liema kundizzjonijiet il-konsumatur jista’ jkollu rimedju kontra l-persuna li tagħti l-kreditu.

18. F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat illi d-Direttiva 87/102, kif jirriżulta mill-Artikolu 25 u mill-ħamsa u għoxrin premessa, li jistabbilixxu li din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumaturi, tistabbilixxi armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kreditu lill-konsumatur.

19. Madankollu, l-ewwel domanda tinvolvi espliċitament interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 11 ta’ l-imsemmija Direttiva, li, kif inhu paċifiku, ġiet trasposta fid-dritt Franċiż b’mod partikolari mill-Artikoli L. 311-20 u L. 311-21 tal-Kodiċi ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-persuna li tissellef li tikseb is-sospensjoni, ir-riżoluzzjoni jew l-annullament tal-ftehim ta’ kreditu.

20. Il-kwistjoni dwar jekk, u jekk ikun il-każ, safejn id-dritt għal rimedji, previst mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 u li jibbenefika minnu l-konsumatur kontra l-persuna li tagħti l-kreditu, jistax jiġi suġġett, fid-dritt nazzjonali, għal kundizzjonijiet oħra barra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni, taqa’ taħt l-analiżi tal-mertu ta’ l-ewwel domanda. Fil-fatt, iż-żieda ta’ kwalunkwe kundizzjoni supplimentari ġġib magħha r-riskju li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma jilħqux il-livell ta’ armonizzazzjoni li jrid jintlaħaq minn din id-Direttiva u għalhekk, ma tistax tiġi kkunsidrata awtomatikament bħala kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali biss.

21. Fit-tieni lok, Franfinance tqis illi l-Qorti tal-Ġustizzja inqas u inqas m’għandhiex ġurisdizzjoni li tiddeċedi fuq din il-kwistjoni peress li l-intenzjoni vera tal-qorti tar-rinviju mhijiex li tassigura illi, fil-kawża prinċipali, dawk li jisselfu għandhom rimedju effettiv kontra l-persuna li tagħti l-kreditu skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 87/102, iżda li tkun rikonoxxuta interdipendenza bejn il-kuntratti in kwistjoni għal għanijiet oħra. Fir-realtà, il-qorti tar-rinviju qed tipprova tapplika r-regoli tad-dritt Franċiż, li n-natura u l-għan tagħhom kienu differenti peress li ma kinux jikkonċernaw dan id-dritt għal rimedji, iżda kienu jipprovdu li l-persuna li tagħti l-kreditu hija awtomatikament imċaħħda mid-dritt tagħha għal imgħaxijiet meta ċerti dettalji dwar din l-interdipendenza ma jissemmewx fl-offerta ta’ kreditu.

22. Għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari jew il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondihom, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tesprimi riżerva bbażata fuq il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma indikatx bi preċiżjoni r-raġuni li għaliha risposta hija meħtieġa sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza fil-kawża prinċipali.

23. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u ta’ fatt li hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżattezza tagħhom ma tiġix ivverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, Ġabra p. I‑4899, punti 29 u 31, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et , C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25).

24. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma’ jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C‑466/04, Ġabra p. I‑5341, punt 48, u Cipolla et , iċċitata aktar ’il fuq, punt 25).

25. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat illi ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji mitluba mill-qorti tar-rinviju m’għandhom ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali lanqas li d-domandi huma ta’ natura ipotetika. Għalkemm l-ewwel domanda ssemmi, b’mod l-aktar ġenerali, l-applikazzjoni ta’ “regoli fuq l-interdipendenza bejn il-ftehim ta’ kreditu u l-kuntratt għal provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi”, ma jirriżultax mid-deċiżjoni ta’ rinviju illi, fil-verità, din id-domanda tikkonċerna biss l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali barra dawk li jittrasponu l-Artikolu 11 tad- Direttiva 87/102 jew li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar.

26. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni ta’ rilevanza illi hija marbuta ma’ l-ewwel domanda magħmula mhijiex irribattuta.

27. Madankollu, filwaqt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja istitwita mill-Artikolu 234 KE, għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha, jista’ jkun li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, Ġabra p. I-10465, punt 18; ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Ravil, C‑469/00, Ġabra. p. I-5053, punt 27, u ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Haug, C‑286/05, Ġabra p. I-4121, punt 17).

28. Għaldaqstant, permezz ta’ l-ewwel domanda għandu jinftiehem li qed jiġi mistoqsi jekk l-Artikoli 11 u 14 tad-Direttiva 87/102 għandhomx ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dritt għal rimedji, previst fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 u li jibbenefika minnu l-konsumatur kontra l-persuna li tagħti l-kreditu, milli jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-offerta minn qabel ta’ kreditu jkollha ssemmi l-oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi ffinanzjati.

29. Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, l-ewwel domanda għandha titqies bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

30. Il-gvernijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li d-dritt għal rimedji li jibbenefika minnu l-konsumatur skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 ma jistax ikun suġġett għal referenza espressa ta’ l-oġġett ffinanzjat fil-ftehim ta’ kreditu. F’dan ir-rigward, huma jibbażaw ruħhom kemm fuq il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll fuq l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi.

31. Min-naħa l-oħra, Franfinance ssostni li l-ftehim li hija kkonkludiet mal-miżżewġin Rampion jikkostitwixxi faċilità ta’ kreditu awtentika li jista’ jkollha użi differenti. Bid-differenza ta’ kreditu marbut, li jservi sabiex jiffinanzja operazzjoni waħda, faċilità ta’ kreditu bħal din ma tistax tkun suġġetta għar-regola ta’ interdipendenza stabbilita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 87/102, peress li l-persuna li tagħti l-kreditu tassumi r-riskji ekonomiċi kollha marbuta ma’ kull akkwist. Abbuż jew frodi eventwali għandhom ikunu evalwati każ b’każ.

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 87/102 u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu

32. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 87/102, din tapplika għal ftehim ta’ kreditu, li dan il-ftehim huwa ddefinit fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) bħala ftehim li bih “xi kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil xi konsumatur xi kreditu fil-forma ta’ ħlas bin-nifs, self jew xi ftehim finanzjarju ieħor bħal dawn.” Din id-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “ftehim ta’ kreditu” hija kkonfermata, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, mill-għaxar premessa tad-Direttiva 87/102, li tgħid li “protezzjoni aħjar tal-konsumaturi tista’ tinkiseb billi jiġu adottati u mitluba xi kundizzjonijiet li għandhom japplikaw għall-forom kollha ta’ kreditu”.

33. Madankollu, kif ukoll jirriżulta mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) u mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 87/102 kif ukoll mill-ħdax sa l-erbatax-il premessa ta’ din ta’ l-aħħar, uħud mill-ftehim ta’ kreditu jew tipi ta’ tranżazzjonijiet huma jew jistgħu jkunu, minħabba l-karattru speċifiku tagħhom, parzjalment jew kompletament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-faċilità ta’ kreditu ma tissemmiex fost l-ipoteżijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

34. Faċilità ta’ kreditu li l-għan prinċipali tagħha huwa li tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-konsumatur kreditu li jista’ jintuża diversi drabi lanqas hija eskluża, ta’ l-inqas parzjalment, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 87/102 skond l-Artikolu 2(1)(e) tagħha.

35. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar illi skond it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, id-Direttiva 87/102 ma tapplikax għal “kreditu f’forma ta’ ħlas minn quddiem fuq kont kurrenti mogħti minn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja li mhumiex fuq kontijiet ta’ karta ta’ kreditu.” Madankollu, skond dan l-Artikolu 2(1)(e), id-dispożizzjonijiet previsti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 87/102 japplikaw għal dan it-tip ta’ kreditu.

36. Il-kunċett ta’ “kont kurrenti” fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 2(1)(e), illi peress li huwa eċċezzjoni għandu jingħata interpetazzjoni stretta jippresupponi, kif jirriżulta mit-termini “kreditu f’forma ta’ ħlas minn quddiem fuq kont kurrenti” li l-għan ta’ dan il-kont mhuwiex limitat biss għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kreditu lil klijent. Għall-kuntrarju, dan il-kont jikkostitwixxi pjattaforma ftit jew wisq ġenerali li tippermetti lill-klijent li jagħmel tranżazzjonijiet finanzjarji, li hija kkaratterizzata mill-fatt li l-ammonti ttrasferiti għal dan il-kont, kemm jekk mill-konsumatur kif ukoll minn terza persuna, m’għandhomx neċessarjament l-għan li jġeddu kreditu mogħti fuq l-imsemmi kont. Fi kliem ieħor, bilanċ negattiv, awtorizzat fil-forma ta’ self korrenti, huwa biss wieħed mill-istati possibbli ta’ dan il-kont, peress li dan il-kont jista’ wkoll ikollu bilanċ pożittiv.

37. Barra minn dan, la l-iskema ġenerali u lanqas l-għan tad-Direttiva 87/102, li ssemmi b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumatur, ma jiffavvorixxu l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ta’ ftehim ta’ kreditu mogħtija fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu, li l-għan tagħhom huwa biss li jipprovdu lill-konsumatur bi kreditu li jista’ jintuża diversi drabi.

38. Għal dak li jikkonċerna aktar preċiżament il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102, kuntrarjament għal dak li ssostni Franfinance, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li hija tapplika biss għall-ftehim ta’ kreditu intiż li jiffinanzja kuntratt wieħed ta’ bejgħ jew ta’ servizzi.

39. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda element meħud mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma juri li ma tapplikax għall-faċilitajiet ta’ kreditu. B’mod partikolari, l-użu tal-kelma “kuntratt” fis-singular fl-aħħar ta’ l-Artikolu 11(2)(d) tad-Direttiva 87/102, illi, fost il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżistenza tad-dritt għal rimedji jirreferi għall-fatt li “l-merkanzija u s-servizzi li jaqgħu taħt il-ftehim ta’ kreditu m’humiex ipprovduti, jew parti tagħhom biss hija pprovduta, jew mhumiex konformi mal-kuntratt biex jiġu pprovduti”, ma jiġġustifikax l-interpretazzjoni stretta li Franfinance tagħti lil din id-dispożizzjoni.

40. Barra minn dan, l-Artikolu 11(3) ta’ l-istess Direttiva jistabbilixxi espressament eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Mhumiex, madankollu, il-faċilitajiet ta’ kreditu li huma esklużi b’mod ġenerali.

41. Dwar l-argument ta’ Franfinance li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 87/102 ma jistax japplika għal faċilità ta’ kreditu peress li l-persuna li tagħti l-kreditu ma tistax tieħu fuqha r-riskji ekonomiċi kollha marbuta ma’ kull akkwist, għandu jiġi kkonstatat li dawn ir-riskji huma kunsiderevolment imnaqqsa permezz tal-fatt li l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jagħti lill-konsumatur id-dritt għal rimedji kontra l-persuna li tagħti l-kreditu biss meta, skond il-kundizzjoni stabbilita fl-imsemmi paragrafu 2(b), “min ikun qed jagħti l-kreditu u min jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi għandhom xi ftehim minn qabel li taħtu l-kreditu huwa disponibbli biss minn dik il-persuna li qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li qiegħda tipprovdi għax-xiri tal-merkanzija jew tas-servizzi mingħand dik il-persuna li tipprovdihom” u li l-konsumatur, skond il-kundizzjoni stabbilita fl-istess paragrafu 2(c) jiskeb “il-kreditu tiegħu skond dak il-ftehim li kien jeżisti minn qabel”.

42. L-għan ta’ l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 jista’ jintlaħaq biss jekk din id-dispożizzjoni tapplika wkoll meta l-kreditu jippermetti diversi użi. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 87/102 li tistabbilixxi, b’mod partikolari, li “f’dak li għandu x’jaqsam ma’ oġġetti u servizzi li l-konsumatur ikkuntratta biex jixtri fuq kreditu, il-konsumatur għandu, għallanqas fiċ-ċirkustanzi mfissra hawn taħt, ikollu xi drittijiet rigward min ikun qed jagħti l-kreditu li huma miżjuda mad-dirttijiet tiegħu kuntrattwali normali kontrih u kontra min ikun qed jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi”.

43. Barra minn dan, il-fatt li akkwist fost diversi ffinazjati mill-istess faċilità ta’ kreditu jista’, skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, jista’ jippermetti lill-konsumatur jindirizza lill-persuna li tagħti l-kreditu ma jfissirx neċessarjament li dan ir-rikors jaffettwa l-faċilità tal-kreditu kollu kemm hi. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġeneral fil-punt 65 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 87/102 tippermetti li l-protezzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur skond dan l-Artikolu tieħu forom differenti sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura speċifika ta’ faċilità ta’ kreditu meta mqabbla ma’ kreditu marbut mogħti għal akkwist wieħed.

44. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 japplika kemm għal kreditu intiż li jiffinanzja tranżazzjoni waħda kif ukoll għal faċilità ta’ kreditu li tippermetti lill-konsumatur juża l-kreditu mogħti diversi drabi.

Fuq id-dritt għal rimedji kif previst mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102

45. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex kuntrarju għall-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 li d-dritt għal rimedji previst fih ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-offerta ta’ kreditu minn qabel ssemmi l-oġġett jew il-provvista tas-servizzi ffinazjat, għandu jiġi kkonstatat illi din il-kundizzjoni mhijiex fost il-ħames kundizzjonijiet kumulattivi li hemm fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

46. Huwa veru li t-tieni paragrafu ta’ din l-imsemmija dispożizzjoni jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet dawn ir-rimedji jistgħu jiġu eżerċitati”. Madankollu, kif osserva l-Gvern Ġermaniż u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tistax tkun interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri li jissuġġettaw id-dritt għal rimedji li jibbenefika minnu l-konsumatur għal aktar kundizzjonijiet minn dawk enumerati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 11(2) tad- Direttiva 87/102 .

47. Fil-fatt, min-naħa t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 11(2) tad- Direttiva 87/102, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu, jippresupponi li jeżisti dritt għal rimedji previst fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa kuntrarju għall-għan ta’ din id-Direttiva, li huwa prinċipalment li fl-Istati Membri jiġu assigurat livell minimu ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-kreditu lill-konsumatur, li jkun permess li d-dritt għal rimedji, li jibbenefika minnu l-konsumatur kontra l-persuna li tagħti l-kreditu skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-imsemmija Direttiva, ikun suġġett għal kundizzjoni ta’ forma bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

48. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 87/102, li jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplementa jew tikkorrispondi ma’ din id-Direttiva”, u mill-istess Artikolu 14(2) li tistabbilixxi li “[b]arra minn dan l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw biex jimplementaw din id-direttiva ma jiġux evitati bħala riżultat tal-mod kif l-arranġamenti jiġu fformulati […]”.

49. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 14 jenfasizza, b’mod ġenerali, l-importanza li l-leġiżlatur Komunitarju jagħti lid-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni previsti mid-Direttiva 87/102 u lill-applikazzjoni stretta tagħhom. Barra minn dan, kif sostnew il-Gvern Franċiż, Ġermaniż, Spanjol u dak Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu, b’mod partikolari, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna li tagħti kreditu milli tevita, permezz tas-sempliċi omissjoni ta’ referenza għall-oġġetti jew is-servizzi ffinanzjati, li tittieħed azzjoni kontriha mill-konsumatur skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva.

50. Fid-dawk ta’ dak kollu li ngħad preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 11 u 14 tad-Direttiva 87/102 għandhom jiġu interpretati fis-sens illi jipprekludu d-dritt għal rimedji, previst mill-Artikolu 11(2) ta’ din id-Direttiva u li jibbenefika minnu l-konsumatur kontra l-persuna li tagħti l-kreditu, milli jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-offerta minn qabel ta’ kreditu ssemmi l-oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi ffinanzjati.

Fuq it-tieni domanda

Fuq l-ammissibbiltà

51. Franfinance ssostni li t-tieni domanda, li mhijiex utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, hija inammissibbli. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma kellhiex bżonn tqajjem ex officio l-kwistjoni ta’ l-interdipendenza li hemm bejn il-ftehim prinċipali u l-ftehim ta’ kreditu, peress li din id-domanda kienet saret direttament mill-miżżewġin Rampion peress li dawn ta’ l-aħħar kienu talbu lill-qorti tar-rinviju tiddikjara n-nullità tal-kuntratt ta’ bejgħ u “konsegwentament”, ix-xoljiment tal-ftehim aċċessorju ta’ finanzjament.

52. Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna li l-miżżewġin Rampion kienu talbu lill-qorti tar-rinviju tiddikjara n-nullità tal-kuntratt ta’ bejgħ u x-xoljiment sussegwenti tal-ftehim ta’ kreditu billi invokaw diversi motivi, mingħajr ma bbażaw ruħhom madankollu fuq l-interdipendenza bejn iż-żewġ kuntratti in kwistjoni. Għalkemm il-qorti tar-rinviju madankollu kkunsidrat dan il-punt, hija m’għamlitx dan ex officio peress li, fir-risposta rispettiva tagħhom, kemm K par K kif ukoll Franfinance kienu sostnew illi, fin-nuqqas ta’ referenza għall-oġġett mibjugħ fl-offerta ta’ kreditu, il-ftehim ta’ kreditu ma jikkostitwixxix ftehim ta’ kreditu marbut.

53. Fis-seduta l-Kummissjoni osservat li ma kienx ċert jekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ġiet imġegħla tqajjem ex officio il-kwistjoni ta’ din l-interdipendenza. Fil-fatt, meta talbu, wara n-nullità tal-kuntratt ta’ bejgħ, ix-xoljiment tal-ftehim ta’ kreditu, il-miżżewġin Rampion kienu huma stess ibbażaw ruħhom fuq l-interdipendenza li hemm bejn iż-żewġ kuntratti. Barra minn dan, fid-dawl ta’ l-argumenti żviluppati bħala difiża minn K par K u minn Franfinance fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tista’ tqum id-domanda dwar jekk kienx diġà tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju l-argument ibbażat fuq l-imsemmija interdipendenza.

54. Għandu jiġi mfakkar illi, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha.

55. Fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha dwar it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tirrileva espliċitament li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli L. 311‑20 u L. 311‑21 tal-Kodiċi ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur ma ġewx imsemmija mill-miżżewġin Rampion. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li din id-domanda, li tirrigwarda l-possibbiltà li l-qorti tapplika ex officio dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, m’għandha ebda rabta mal-fatti jew is-suġġett tal-kawża prinċipali u li l-kwistjoni hija ipotetika.

56. Għaldaqstant, it-tieni domanda għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

57. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva 87/102 għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt intern l-Artikolu 11(2), b’mod partikolari minħabba l-fatt illi hija għandha għan aktar wiesa’ mis-sempliċi protezzjoni tal-konsumaturi, li jinkludi wkoll l-organizzazzjoni tas-suq.

58. Id-domanda dwar l-għan tad-D irettiva 87/102 hija magħmula fil-kuntest speċifiku tal-ġurisprudenza tal-Cour de Cassation (Franza) li tagħmel, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku intiżi li jirregolaw is-soċjetà ( règles d’ordre public de direction ), adottati fl-interess ġenerali u li jistgħu jiġu mqajma ex officio mill-Imħallef – u dawk ta’ ordni pubbliku intiżi li jipproteġu interess speċifiċi ( règles d’ordre public de protection ), adottati fl-interess ta’ kategorija ta’ persuni u li jistgħu jinvokawhom biss il-persuni li jifformaw parti minn din il-kategorija. Il-leġiżlazzjoni dwar il-kreditu lill-konsumatur taqa’ taħt it-tieni tip ta’ regoli.

59. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat repetutament illi, kif jirriżulta mill-premessi tagħha, id- Direttiva 87/102 ġiet adottata bil-għan doppju li tiżgura, minn naħa l-ħolqien ta’ suq komuni fil-kreditu lill-konsumatur (mit-tielet sal-ħames premessa) u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-konsumaturi li jieħdu dawn il-krediti (is-sitt, is-seba’ u d-disa’ premessi) (sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2000, Berliner Kindl Brauerei, C‑208/98, Ġabra p. I‑1741, punt 20, u ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Cofinoga, C‑264/02, Ġabra p. I-2157, punt 25).

60. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà li l-qorti tqajjem ex officio d-dispożizzjonijiet li joħorġu mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, p. 29), li jirriżultaw b’mod partikolari mis-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, (C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941), u tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, (C‑473/00, Ġabra. p. I‑10875), tistax tiġi applikata għad-Direttiva 87/102.

61. Fil-punt 26 tas-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet illi l-għan ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, li jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jassiguraw li klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur, ma jistax jintlaħaq jekk dawn ta’ l-aħħar jinsabu fl-obbligu li jqajmu huma stess in-natura abbużiva ta’ tali klawżoli. F’kawżi fejn l-ammonti involuti huma spiss limitati, l-ispejjeż ta’ l-avukat jistgħu jkunu ogħla mill-interessi in kwistjoni, fatt li jista’ jiddiswadi lill-konsumatur milli jiddefendi ruħu kontra l-applikazzjoni ta’ klawżola abbużiva. Minkejja li huwa minnu li, f’diversi Stati Membri, ir-regoli tal-proċedura jippermettu lill-individwi jiddefendu lilhom infushom f’kawżi bħal dawn, jeżisti riskju, li mhuwiex negliġibbli li, b’mod partikolari minħabba li ma jkunx jaf il-liġi, il-konsumatur ma jinvokax in-natura abbużiva tal-klawżola li tkun qed tiġi invokata kontrih. Minn dan isegwi li protezzjoni effettiva tal-konsumatur tista’ tinkiseb biss jekk jiġi rikonoxxut id-dritt li jevalwa ex officio tali klawsola.

62. Filwaqt li għamlet riferiment għal dan il-punt tas-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 33 tas-sentenza Cofidis, iċċitata aktar ’il fuq, ikkonfermat illi l-fakultà mogħtija lill-qorti li teżamina ex officio in-natura abbużiva ta’ klawżola ġiet ikkunsidrata bħala neċessarja sabiex tassigura lill-konsumatur protezzjoni effettiva, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju għoli li huwa ma jkunx jaf x’inhuma d-drittijiet tiegħu jew li jsib diffikultà biex jeżerċitahom (ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I-10421, punt 28).

63. Kif isostnu l-Gvern Spanjol u Taljan kif ukoll il-Kummissjoni u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 102 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu wkoll għal dan li jikkonċerna l-protezzjoni tal-konsumaturi prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102.

64. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dan l-Artikolu 11(2), li għandu għan doppju kif spjegat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, huwa intiż li jagħti lill-konsumatur, f’ċirkustanzi speċifiċi, drittijiet fir-rigward tal-persuna li tagħti l-kreditu apparti d-drittijiet kuntrattwali normali tiegħu fir-rigward tal-persuna li tagħti l-kreditu u fir-rigward tal-fornitur ta’ l-oġġetti jew tas-servizzi (ara l-punt 42 ta’ din is-sentenza).

65. Dan l-għan ma jistax jinkiseb b’mod effettiv jekk il-konsumatur ikun obbligat li jqajjem huwa stess id-dritt għal rimedji li huwa jgawdi fil-konfront tal-persuna li tagħti l-kreditu skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102, b’mod partikolari minħabba r-riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu jew jiltaqa’ ma diffikultajiet sabiex jeżerċitahom. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt illi l-kawża prinċipali ġiet mibdija mill-miżżewġin Rampion u li huma kienu rrappreżentati minn avukat ma jiġġustifikax konklużjoni differenti, peress li l-problema għandha tissolva billi ma jitqisux il-fatti konkreti ta’ din il-kawża.

66. Franfinance, madankollu, tenfasizza illi t-tieni domanda hija fil-fatt intiża li tawtorizza l-impożizzjoni ex officio ta’ penali prevista fid-dritt Franċiż fil-każ ta’ nuqqas ta’ ċerti referenzi illi, skond l-imsemmi dritt, għandhom jidhru fl-offerta minn qabel tal-kreditu marbut, jiġifieri r-revoka tad-dritt għal imgħaxijiet fir-rigward tal-persuna li tagħti l-kreditu. Din hija “penali bejn partijiet f’kuntratt privat” fil-veru sens tal-kelma li ma tista’ qatt tiġi imposta ex officio mingħajr ksur tal-prinċipju li l-partijiet jillimitaw is-suġġett tal-kawża u tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

67. Fl-istess sens, il-Gvern Franċiż osserva waqt is-seduta, meta għamel riferiment għas-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705), li, jekk konsumatur ma jitlobx lill-qorti tirrevoka l-imgħaxijiet dovuti lill-persuna li tagħti l-kreditu, l-imsemmija qorti ma tistax tqajjem ex officio n-nuqqas ta’ referenza, fl-offerta minn qabel ta’ kreditu, għall-oġġett jew għas-servizz iffinanzjat, mingħajr ma tagħti deċiżjoni li tmur lilhinn mit-talba magħmula mill-konsumatur.

68. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi t-tieni domanda tikkonċerna biss, kif jirriżulta mill-punti 55 u 57 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern, f’dan il-każ, skond il-qorti tar-rinviju, l-Artikoli L. 311-20 u L. 311‑21 tal-Kodiċi ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju m’għamlet l-ebda referenza għal penali eventwali ta’ revoka tad-dritt għall-imgħaxijiet fir-rigward tal-persuna li tagħti l-kreditu. Lanqas ġie sostnut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur jistabbilixxu din il-penali. Barra minn hekk, l-argumenti li saru fil-punti preċedenti mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ din l-analiżi, li ma tinkludix il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi ex officio dwar penali bħal dik li tirrefereri għaliha Franfinance.

69. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt intern l-Artikolu 11(2) tagħha.

Fuq l-ispejjeż

70. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1) L-Artikoli 11 u 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Dicembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, kif emendata mid- Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dritt għal rimedji, previst fl-Artikolu 11(2) ta’ din id-Direttiva u li jibbenefika minnu l-konsumatur kontra l-persuna li tagħti l-kreditu, milli jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-offerta minn qabel ta’ kreditu ssemmi l-oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi ffinanzjati.

2) Id- Direttiva 87/102, kif emendata mid- Direttiva 98/ 7, għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt intern l-Artikolu 11(2) tagħha.

Top