EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Ftehim ta’ Cotonou

 

SOMMARJU TA’:

Il-ftehim ta’ sħubija 2000/483/KE bejn pajjiżi AKP u l-UE

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA?

Il-Ftehim ta’ Cotonou hu s-sinsla tal-isħubija bejn l-Unjoni Ewropea (UE), l-Istati Membri tal-UE u 79 pajjiż Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).

Dan għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-eradikazzjoni tal-faqar, li jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u soċjali tal-pajjiżi msieħba u li jgħin fl-integrazzjoni progressiva tal-ekonomiji rispettivi tagħhom fl-ekonomija tad-dinja.

PUNTI EWLENIN

Prinċipji ewlenin

Il-Ftehim ta’ Cotonou huwa sħubija mill-qrib ibbażata fuq serje ta’ prinċipji:

  • l-imsieħba għall-ftehim huma indaqs;
  • il-pajjiżi AKP jiddeterminaw il-politiki ta’ żvilupp tagħhom;
  • Il-kooperazzjoni mhijiex biss bejn il-gvernijiet — il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali għandhom rwol ukoll;
  • L-arranġamenti ta’ kooperazzjoni u l-prijoritajiet ivarjaw skont aspetti bħal-livelli tal-iżvilupp tal-pajjiżi.

Organizzazzjoni

Hemm istituzzjonijiet konġunti biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou.

  • Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, assistit mill- Kumitat ta’ Ambaxxaturi:
    • imexxi djalogi politiċi;
    • jadotta linji gwida għall-politiki; u
    • jieħu deċiżjonijiet biex jimplimenta l-ftehim.
  • Il-Kunsill jippreżenta rapport annwali tal-progress lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE. Dan il-korp konsultattiv jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-kisba tal-objettivi tal-ftehim.
  • Il-Kumitat Konġunt Ministerjali għall-Kummerċ AKP-UE jiddiskuti kwistjonijiet ta’ tħassib relatati mal-kummerċ għall-pajjiżi kollha tal-AKP. Dan jimmonitorja n-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-imsieħba ekonomiċi. Hu jeżamina wkoll l-impatt tan-negozjati multilaterali kummerċjali dwar il-kummerċ AKP-UE u l-iżvilupp tal-ekonomiji AKP.
  • Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp AKP-UE jeżamina l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp u jimmonitorja l-progress tagħha.

Dimensjoni politika

Id-dimensjoni politika tal-Ftehim ta’ Cotonou hija importanti u tinkludi:

  • djalogu politiku komprensiv dwar kwistjonijiet nazzjonali, reġjonali u globali;
  • il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi;
  • l-iżvilupp ta’ politiki dwar il-bini tal-paċi, il-prevenzjoni ta’ konflitt u r-riżoluzzjoni;
  • l-indirizzar ta’ kwistjonijiet tal-immigrazzjoni u kwistjonijiet tas-sigurtà, inklużi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa.

Attivitajiet

Il-ftehim jinkludi attivitajiet ta’ kooperazzjoni biex isaħħu:

  • l-iżvilupp ekonomiku billi jiffoka fuq is-setturi industrijali, agrikoli jew tat-turiżmu ta’ pajjiżi AKP;
  • l-iżvilupp soċjali u tal-bnedmin biex jittejbu s-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tan-nutrizzjoni; u
  • il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali għall-promozzjoni u t-tkabbir tal-kummerċ fost il-pajjiżi tal-AKP.

Dawn l-attivitajiet huma ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u, mill-2021, mill-Istrument ta’ Viċinat, Żvilupp u Kooperazzjoni Internazzjonali.

Il-ftehim hu konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jippermetti lill-pajjiżi AKP biex ikollhom parti sħiħa fil-kummerċ internazzjonali.

Reviżjoni tal-ftehim

Il-ftehim kien iffirmat fl-2000.

Dan kien rieżaminat dan l-aħħar fl-2017 b’Deċiżjoni (UE) 2017/435. Fl-2010, il-ftehim ġie adattat biex jiffoka fuq kwistjonijiet bħal:

Negozjati fuq ftehim ġdid bdew f’Settembru 2018.

Fl-2016 ġiet adottata komunikazzjoni dwar sħubija mġedda għall-perjodu ta’ wara l-2020. Dan:

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003 u kellu jiskadi inizjalment sad-29 ta’ Frar 2020.

Id-Deċiżjoni Nru 1/2022 testendi l-applikazzjoni tal-ftehim sat-30 ta’ Ġunju 2023, jew sad-dħul fis-seħħ (jew l-applikazzjoni proviżorja) tal-ftehim ġdid li jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija 2000/483/KE.

SFOND

Ftehim ġdid bejn l-UE u l-pajjiżi AKP beda jkun negozzjat fl-2018 u ser jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija 2000/483/KE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ftehim ta’ Sħubija 2000/483/KE bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn banda waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa l-oħra, iffirmaw f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 — Protokolli — Att Finali — Dikjarazzjonijiet (ĠU L 317, 15.12.2000, pp. 3-353).

Emendi suċċessivi għal Ftehim ta’ Sħubija 2000/483/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-AKP-UE tal-21 ta’ Ġunju 2022 biex tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-AKP-UE biex jadottaw miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE [2022/1102] (ĠU L 176, 1.7.2022, pp. 88-89).

Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fuq l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), min-naħa l-oħra (COM(2021) (312) final, 11.6.2021).

Dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parliament Ewropew u l-Kummissjoni (ĠU C 210, 30.6.2017, pp. 1-24).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/435 tat-28 ta’ Frar 2017 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmaw f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba f’Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 67, 14.3.2017, pp. 31-32).

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (JOIN(2016) 52 final, 22.11.2016).

l-aħħar aġġornament 30.08.2022

Top