Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli

L-UE kellha rwol strumentali fl-iżvilupp tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li jinsabu fil-qalba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2015. Tabilħaqq, mis-snin disgħin, l-iżvilupp sostenibbli ġie minqux fit-trattati tal-UE bħala wieħed mill-għanijiet fit-tul tal-UE u prijorità kemm għall-politiki esterni (pereżempju, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-kummerċ) kif ukoll interni tagħha (pereżempju, l-ambjent, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni). Ir-referenzi għall-iżvilupp sostenibbli bħala għan tal-UE bħalissa jinsabu fl-ambitu tal-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-prijoritajiet tal-iżvilupp sostenibbli ġew integrati fl-aġendi trażversali ewlenin tal-UE kif ukoll fil-politiki u fl-inizjattivi settorjali.

Fl-iffirmar tal-Aġenda 2030, il-komunità internazzjonali impenjat ruħha li tindirizza l-isfidi globali ta’:

  • il-qerda tal-faqar;
  • is-sejba ta’ soluzzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli u inklużivi;
  • l-iżgurar tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd; u
  • li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

Is-17-il SDG jibnu fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) tan-NU ta’ bejn l-2000 u l-2015. Filwaqt li l-MDGs iffukaw fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biss, l-SDGs japplikaw għall-pajjiżi kollha. L-SDGs jibbilanċjaw l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tas-sostenibbiltà u jiddefinixxu 169 mira assoċjata li għandhom jintlaħqu sal-2030. Din li ġejja hija lista tal-SDGs:

  • l-ebda faqar;
  • l-ebda ġuħ;
  • sitwazzjoni tas-saħħa u tal-benesseri tajba;
  • edukazzjoni ta’ kwalità;
  • l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
  • ilma nadif u sanità;
  • enerġija affordabbli u nadifa;
  • xogħol diċenti u tkabbir ekonomiku;
  • l-industrija, l-innovazzjoni u l-infrastruttura;
  • tnaqqis fl-inugwaljanzi;
  • bliet u komunitajiet sostenibbli;
  • konsum u produzzjoni responsabbli;
  • azzjoni klimatika;
  • il-ħajja taħt l-ilma;
  • il-ħajja fuq l-art;
  • il-paċi, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom; u
  • sħubijiet għall-għanijiet.

Mill-adozzjoni tal-Aġenda 2030, l-UE wettqet firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet biex timplimenta l-SDGs. Bil-Kummissjoni von der Leyen, l-SDGs ġew enfasizzati f’firxa ta’ riżultati tanġibbli u dokumenti ewlenin — bħal-Linji Gwida Politiċi tal-President, l-Ittri ta’ Missjoni tal-Kummissarji, il-Programmi ta’ Ħidma tal-Kummissjoni li jqiegħdu l-SDGs fil-qalba tal-politika tal-UE, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-iffokar mill-ġdid tas-Semestru Ewropew, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal iddedikat (“Inwettqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU — Approċċ komprensiv”) u l-integrazzjoni attiva tal-SDGs f’Regolamentazzjoni Aħjar. Il-Eurostat jimmonitorja l-progress fl-ilħuq tal-SDGs u jippubblika rapporti annwali.

Esternament, l-implimentazzjoni tal-SDGs hija parti ċentrali mill-impenn tal-UE għall-multilateraliżmu. Il-Kunsens Ewropew tal-2017 dwar l-Iżvilupp fih impenn kondiviż mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u mill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-SDGs. Dan qed jiġi avvanzat aktar, flimkien mat-tfittxija għall-kisba tal-prijoritajiet tal-UE, b’mod partikolari fl-appoġġ ta’ rkupru sostenibbli allinjat mal-SDGs permezz tal-programmazzjoni l-ġdida u t-Tim Ewropa tagħna.

ARA WKOLL

Top