EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0234(01)

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2023.
Défense Active des Amateurs d’Armes ASBL et vs Conseil des ministres.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 91/477/KEE – Kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar – Armi tan-nar ipprojbiti jew suġġetti għal awtorizzazzjoni – Armi tan-nar semiawtomatiċi – Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853 – Artikolu 7(4a) – Possibbiltà għall-Istati Membri li jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu l-awtorizzazzjonijiet – Allegata impossibbiltà li din il-possibbiltà tiġi eżerċitata fir-rigward tal-armi tan-nar semiawtomatiċi kkonvertiti għall-isparar inbjank jew f’armi akustiċi u tas-salut – Validità – Artikolu 17(1) u Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-234/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:644

 KONKLUŻJONIJIET SUPPLIMENTARI TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2023 ( 1 )

Kawża C‑234/21

Défense Active des Amateurs d’Armes ASBL,

NG,

WL

vs

Conseil des ministres

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar – Armi tan-nar ipprojbiti – Direttiva 91/477/KEE – Artikolu 7(4a) – Sistema tranżitorja għal ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi – Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Assenza tas-setgħa tal-Istati Membri li jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tal-isparar inbjank – Sekwestru mingħajr kumpens”

I. Ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

1.

Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477/KEE ( 2 ). Hija qieset li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi f’kunflitt kemm mad-drittijiet għall-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, għan-nondiskriminazzjoni u għall-proprjetà, previsti, rispettivament, fl-Artikoli 20, 21 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja l-kawża lill-Ewwel Awla li quddiemha nżammet seduta fid‑19 ta’ Settembru 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2022, jiena ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi ( 3 ).

3.

Sussegwentement, l-Ewwel Awla ddeċidiet, skont l-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipproponi li l-kawża tiġi assenjata mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti iktar importanti.

4.

Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din il-proposta u assenjat mill-ġdid il-kawża lill-Awla Manja li, permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Frar 2023, iddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura orali u stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jipparteċipaw f’seduta ġdida, li kienet iffokata fuq id-domandi li ġejjin:

“1)

Liema huma l-elementi rilevanti għall-finijiet tal-eżami, skont l-Artikolu 20 tal-Karta […], tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet rispettivi tal-armi kklassifikati mill-ġdid fil-kategoriji A.6 sa A.8 u tal-armi kklassifikati riċentement fil-kategorija A.9, jew tal-possessuri rispettivi tagħhom:

a)

il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva (UE) 2017/853 kienet applikabbli mingħajr distinzjoni għall-armi kollha inkwistjoni, kif jipproponi l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑24 ta’ Novembru 2022,

b)

is-suġġett u l-għanijiet tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477/KEE, introdott bid-Direttiva (UE) 2017/853, jiġifieri, li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba fil-limiti stretti ta’ dak li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra bħala konformi mas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, fid-dawl tas-sistemi legali differenti stabbiliti fl-Istati Membri,

ċ)

is-sitwazzjoni tal-possessuri u tal-proprjetarji tal-armi kkonċernati, li jibbenefikaw mill-garanziji tal-Karta u li kisbu l-armi tagħhom legalment?

2)

Fejn jinsabu l-limiti tal-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex ikopri bl-istess approċċ sitwazzjonijiet differenti meta d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini jistgħu jiġu affettwati? B’mod partikolari, tali approċċ globali jista’ jiġi adottat, meta jkun intiż sabiex ikopri sitwazzjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, bir-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ ċerti persuni kkonċernati, bħal dawk iggarantiti mill-Artikoli 17 u 20 tal-Karta?

3)

Fil-każ li l-esklużjoni mis-sistema tranżitorja, prevista fl-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, tal-armi kklassifikati fil-kategorija A.9 u mhux f’waħda mill-kategoriji A.6 sa A.8 għas-sempliċi raġuni li jkunu ġew ikkonvertiti għall-isparar ta’ munizzjon inbjank, tikser l-Artikoli 17 jew 20 tal-Karta, l-Artikolu 7(4a) jista’ jiġi interpretat, fl-osservanza ta’ dawn il-garanziji fundamentali, fis-sens li jkopri l-armi kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-kategoriji A.6 sa A.8 li ġew awtorizzati minn qabel, kemm jekk ġew kif ukoll jekk ma ġewx ikkonvertiti għall-isparar ta’ munizzjon inbjank? Tali interpretazzjoni konformi tista’ tiġi estiża għall-armi li setgħu jiġu awtorizzati preċedentement li kieku l-Istat Membru inkwistjoni kien ippreveda dan?

4)

Fil-każ li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, tali ksur jippreżupponi neċessarjament ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta, sa fejn il-bażi legali tal-limitazzjoni għad-dritt għall-proprjetà inkwistjoni tkun ivvizzjata bi ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta?

5)

Jekk il-qari flimkien tal-Artikoli 6 u 7(4a) tad-Direttiva 91/477 jimplika li din id-direttiva fiha nnifisha timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jesproprjaw lill-proprjetarji ta’ armi tal-kategorija A.9, mingħajr ma tħallilhom ebda marġni ta’ evalwazzjoni, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni jew huma l-Istati Membri li għandhom, skont l-Artikolu 17 tal-Karta, jipprevedu kumpens għall-proprjetarji tal-armi li għandhom jiġu ssekwestrati? F’dan ir-rigward, x’inhuma l-implikazzjonijiet possibbli tas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432), punti 125 sa 128?”

5.

Il-Gvern Belġjan, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea taw risposti għal dawn id-domandi waqt is-seduta li nżammet fit‑8 ta’ Mejju 2023.

II. Evalwazzjoni

6.

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita dawn il-konklużjonijiet supplimentari għall-analiżi tar-raba’ u tal-ħames domanda li għadni kif irriproduċejt.

7.

F’dak li jirrigwarda l-fatti u l-kuntest legali (tal-Unjoni u nazzjonali) li tagħmel parti minnu t-talba għal deċiżjoni preliminari, nagħmel riferiment għall-punti 13 sa 20 tal-ewwel konklużjonijiet.

8.

Nagħmel riferiment ukoll għall-kontenut tal-ewwel konklużjonijiet, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu riprodotti, li fihom ninsab inklinat nikkunsidra li l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 ma kienx validu peress li kien jikser l-Artikoli 17 u 20 tal-Karta.

9.

Għalhekk ser nillimita ruħi sabiex nesponi l-perspettiva tiegħi fuq ir-raba’ u l-ħames domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet, kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet, fir-rigward tagħhom, li saru mill-intervenjenti waqt is-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2023.

A.   Ir‑raba’ domanda tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

10.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel din id-domanda “fil-każ li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta”. Billi titlaq minn din il-premessa, hija tistaqsi jekk tali ksur “jippreżupponi[x] neċessarjament ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta, sa fejn il-bażi legali tal-limitazzjoni għad-dritt għall-proprjetà inkwistjoni tkun ivvizzjata mill-ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta”.

11.

Il-formulazzjoni tad-domanda għalhekk tirrendi inutli l-bidu mill-ġdid tad-dibattitu dwar il-komparabbiltà taż-żewġ kategoriji ta’ possessuri ta’ armi tan-nar ( 4 ) li lilhom l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 jagħti, mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli, trattament mhux ugwali. Il-premessa li fuqha hija bbażata din id-domanda hija, nirrepeti, li s-sitwazzjonijiet huma komparabbli u li l-proprjetarji tal-armi ġew ittrattati b’mod li jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza.

12.

Waqt is-seduta ġew difiżi żewġ pożizzjonijiet nettament differenti fuq din il-domanda:

Il-Gvern Belġjan sostna li l-ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta jinvolvi dak tal-Artikolu 17(1) tagħha.

Il-Parlament u l-Kummissjoni ( 5 ) eskludew ir-rabta bejn l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 20 tal-Karta. Huma argumentaw, sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom, li l-armi tal-kategorija A, punt 9, jaqgħu taħt is-sistema tranżitorja tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853 ( 6 ).

13.

Ċertament, mhux kull ksur tad-dritt għall-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi jwassal neċessarjament għall-ksur tal-Artikolu 17(1) tal-Karta ( 7 ). Huwa biss permezz tal-analiżi tal-każ konkret li jkun possibbli li jiġi ddeterminat jekk ksur iwassalx għall-ieħor (jiġifieri għall-esproprjazzjoni ta’ drittijiet leġittimi li tagħti lok għal “ħlas ta’ kumpens xieraq […] għal dak li tkun tilfet”) jew, pjuttost, jekk hemmx żewġ każijiet ta’ ksur paralleli ta’ żewġ artikoli tal-Karta.

14.

Kieku s-sistema tranżitorja tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 ma kinitx teżisti, it-trattament mhux ugwali bejn il-proprjetarji ta’ kategorija ta’ armi u dawk ta’ kategorija oħra ma kienx iseħħ. Madankollu, il-projbizzjoni assoluta, mingħajr ebda sistema tranżitorja, li jinżammu l-armi semiawtomatiċi (akkwistati legalment) imposta fuq xi proprjetarji iżda mhux fuq oħrajn li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli twassal sabiex jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni, fiha nnifisha, hija invalida minħabba ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta.

15.

Billi din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 91/477 hija fundamentalment ivvizzjata, l-esproprjazzjoni tal-armi li hija timplika għal ċerti possessuri ta’ armi tikser, barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) tal-Karta minħabba li tinjora l-garanziji li hija tistabbilixxi. Għalhekk inqis li hawnhekk qiegħed iseħħ ksur doppju ta’ drittijiet tal-Karta.

B.   Il‑ħames domanda tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

16.

Il-ħames domanda tipprevedi, bħala ipoteżi, li l-qari flimkien tal-Artikoli 6 u 7(4a) tad-Direttiva 91/477 iwassal sabiex din id-direttiva fiha nnifisha timponi fuq l-Istati Membri, mingħajr ma tħallilhom ebda marġni ta’ evalwazzjoni, l-obbligu li jesproprjaw lill-proprjetarji mill-armi tagħhom tal-kategorija A, punt 9.

17.

Għal din l-ipoteżi, waqt is-seduta il-Qorti tal-Ġustizzja talbet l-opinjoni tal-intervenjenti dwar jekk, skont l-Artikolu 17 tal-Karta, il-kumpens favur il-proprjetarji tal-armi li għandhom jiġu ssekwestrati għandux jiġi previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew inkella mill-Istati Membri ( 8 ).

18.

Il-pożizzjonijiet kienu, għal darba oħra, diviżi:

Skont il-Gvern Belġjan, abbażi tas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019 ( 9 ), jekk isseħħ esproprjazzjoni, hemm lok li jiġi stabbilit id-dritt għal kumpens. Fil-fehma tiegħu, it-traspożizzjoni fil-Belġju tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853, kienet adegwata. Hija d-Direttiva 91/477 stess li fiha inugwaljanza li tista’ tiġi kkoreġuta biss minn sistema tranżitorja favur dawk li kienu legalment akkwistaw armi inbjank. Għaldaqstant, kien il-leġiżlatur tal-Unjoni li kellu jipprevedi kumpens.

Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jaqblu, essenzjalment, fuq il-fatt li d-Direttiva 91/477, anki jekk ma tipprevedix kumpens, lanqas ma tipprekludi li l-Istati Membri jkunu jistgħu, jew saħansitra għandhom, jippreveduh fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li huma marbuta bl-Artikolu 17(1) tal-Karta.

19.

Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, indikajt kif il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, ċertament, jeskludi l-possibbiltà li tinżamm il-proprjetà tal-armi tan-nar akkwistati minn qabel u b’mod legali, fid-dawl tal-użu tal-beni fl-interess pubbliku, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

20.

Issa, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddeċiedi dan għal kategorija ta’ armi (akkwistati minn qabel u b’mod legali) li fir-rigward tagħhom, peress li ma huwiex possibbli li tiġi invokata l-eċċezzjonijiet ġenerali, huwa possibbli biss l-abbanduna jew id-diżattivazzjoni b’mod definittiv, huwa biss permezz tal-kumpens lill-proprjetarju imċaħħad mill-pussess li l-imsemmi leġiżlatur ikun qiegħed josserva l-garanzija tad-dritt għall-proprjetà.

21.

Il-previżjoni kumpensatorja hija assenti mid-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853. Id-Direttiva 91/477 (kif emendata), billi ma tħalli l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri sabiex jirregolaw id-destinazzjoni tal-armi semiawtomatiċi adattati għall-isparar ta’ munizzjon inbjank, għandha l-konsegwenza li r-responsabbiltà tas-sekwestru (obbligatorju) tal-armi ma tistax tiġi attribwita lil dawn l-Istati.

22.

F’dan il-każ, huma unikament u esklużivament l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma responsabbli: huma dawn tal-aħħar li stabbilixxew sistema legali li permezz tagħha, mingħajr perijodu ta’ tranżizzjoni, kategorija sħiħa ta’ armi tan-nar ma tistax tibqa’ tkun is-suġġett ta’ proprjetà, meta l-proprjetarji tagħhom kienu akkwistawhom b’mod legali.

23.

Iċ-ċentru ta’ gravità tad-dibattitu għalhekk jinsab fil-kumpens dovut għaċ-ċaħda immedjata. F’dan ir-rigward, il-kriterji tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) huma rilevanti.

24.

L-eżami li din is-sentenza tagħmel tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta huwa partikolarment xieraq:

Iċ-ċaħda tal-proprjetà tista’ sseħħ biss “fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet”.

Il-kumpens, li jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom il-Karta tissuġġetta tali ċaħda, għandu jkun previst mil-liġi.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lok għal ċaħda ta’ pussess trid tipprovdi, b’mod ċar u preċiż, li din iċ-ċaħda ta’ pussess tagħti dritt għal kumpens kif ukoll il-kundizzjonijiet tiegħu ( 10 ).

25.

Issa, dawn il-kriterji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Karta huma applikabbli kemm għad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll għad-dritt (sekondarju) tal-Unjoni. Leġiżlazzjoni, kemm jekk tkun ta’ Stat Membru, jew tal-Unjoni, li jkollha natura materjalment esproprjatorja għandha tinkludi d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kumpens tal-proprjetarji ta’ drittijiet imċaħħda mill-pussess u li jirregolaw il-kundizzjonijiet għal dan il-kumpens.

26.

Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi kkritikata li tapplika standards differenti, wieħed għall-Istati Membri u l-ieħor għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Karta. Din tal-aħħar ma tipprovdix bażi sabiex tiġi affermata l-eżistenza ta’ kriterju għall-għoti ta’ sentenza doppju skont jekk l-evalwazzjoni tal-legalità tkunx ibbażata fuq regoli nazzjonali jew regoli tal-Unjoni.

27.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Karta “huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni […] u għall-Istati Membri wkoll […] meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” (Artikolu 51). Għalhekk, il-ġurisprudenza stabbilita fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) tapplika kemm għall-Istati (meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni) kif ukoll għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni (fi kwalunkwe każ).

28.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li att leġiżlattiv [tal-Unjoni] li l-implementazzjoni tiegħu twassal għal restrizzjonijiet tad-dritt tal-proprjetà […], jista’ jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-[Unjoni] meta joħloq preġudizzju sproporzjonat u intollerabbli għas-sustanza stess ta’ [dan id-dritt], jekk ikun il-każ preċiżament minħabba li dan l-att ma jkunx ipprovda għal kumpens xieraq ta’ natura li jevita jew jirremedja dan il-preġudizzju” ( 11 ).

29.

F’dan il-każ, fejn il-projbizzjoni tal-armi inbjank, mingħajr alternattiva possibbli, twassal għal sekwestru immedjat tagħhom, ir-restrizzjoni taffettwa s-sustanza tad-dritt b’intensità massima. Hija twassal għaċ-ċaħda, mingħajr kumpens, ta’ oġġett integrat b’mod legali fil-patrimonju tal-proprjetarju tiegħu. Id-dispożizzjoni li tistabbilixxi din iċ-ċaħda (id-Direttiva 91/477) kellha tipprevedi l-kumpens korrispondenti.

30.

Fil-qosor, kien il-leġiżlatur tal-Unjoni li kellu jipprevedi kumpens favur il-proprjetarji tal-armi li għandhom jiġu ssekwestrati skont l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477.

III. Konklużjoni

31.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonferma l-proposta tiegħi għal risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), u magħha nżid li huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jipprevedi kumpens favur il-proprjetarji tal-armi li għandhom jiġu ssekwestrati skont l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3, rettifika fil-ĠU 2020, L 191, p. 5).

( 3 ) EU:C:2022:929 (iktar ’il quddiem l-“ewwel konklużjonijiet”).

( 4 ) Jiġifieri, il-proprjetarji ta’ armi tal-kategorija A, punti 6 sa 8, minn naħa, u l-proprjetarji ta’ armi tal-kategorija A, punt 9, min-naħa l-oħra.

( 5 ) Il-Kunsill ma tax risposta espliċita lil din id-domanda: fil-fehma tiegħu, l-eteroġeneità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar in-neċessità ta’ awtorizzazzjoni tal-armi inbjank tiġġustifika r-rekwiżit ta’ azzjoni ta’ armonizzazzjoni li, lil hinn mis-sitwazzjonijiet individwali, toffri soluzzjonijiet ġenerali fid-dawl tar-raġunijiet ta’ interess pubbliku li wasslu għar-riforma.

( 6 ) Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU 2017, L 137, p. 22). Billi argumentaw b’dan il-mod, iż-żewġ istituzzjonijiet iddevjaw minn dak li kien jikkostitwixxi l-qofol veru tad-domanda.

( 7 ) Il-Kummissjoni dehret li sostniet din il-perspettiva waqt is-seduta meta affermat li t-termini ta’ evalwazzjoni tal-Artikoli 17(1) u 20 tal-Karta huma differenti. Filwaqt li l-Artikolu 20 iqabbel sitwazzjonijiet ta’ żewġ gruppi fid-dawl ta’ kriterji li jistabbilixxu xi differenza fit-trattament, l-Artikolu 17(1) jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi. F’dan il-kuntest, il-paragun tas-sitwazzjonijiet ta’ diversi gruppi ma huwiex deċiżiv.

( 8 ) Uħud mill-intervenjenti fis-seduta kellhom dubju jekk fil-fatt seħħitx esproprjazzjoni tal-armi. Mhux ser nidħol f’dan id-dibattitu (li huwa affettwat minn ċertu nominaliżmu), peress li l-ħames domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu bħala premessa li sseħħ esproprjazzjoni reali u tiffoka biss fuq min għandu jikkumpensa.

( 9 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432; iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli)”.

( 10 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 126.

( 11 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476), punt 184.

Top