EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1391

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1391 tas-6 ta' Settembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1218/1999 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 670/2013

C/2019/6511

ĠU L 233, 10/09/2019, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1391/oj

10.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 233/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1391

tas-6 ta' Settembru 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1218/1999 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 670/2013

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1218/1999 (2), tinda tal-ġnien ta' qies ta' 3 m x 3 m, li tikkonsisti minn kopertura magħmula minn drapp oħxon minsuġ 100 % qoton, ippreżentat b'vireg weqfin tal-metall li jifformaw il-qafas tagħha u b'apparat ta' stiratura li bihom tista' titwaħħal mal-art, ġiet ikklassifikata taħt il-kodiċi tan-NM 6306 91 00 bħala “oġġetti oħrajn għall-ikkampjar”, minħabba li kienet miftuħa fuq l-erba' naħat kollha. Il-kodiċi tan-NM għal dik il-kategorija ta' prodotti nbidel minħabba bidliet fil-kodiċi fis-Sistema Armonizzata u fin-Nomenklatura Magħquda, u r-Regolament (KE) Nru 1218/1999 ġie emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 441/2013 (3) biex jindika l-kodiċi ġdid tan-NM 6306 90 00. Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 670/2013 (4), il-Kummissjoni kklassifikat oġġett li għandu l-karattru essenzjali ta' kopertura ta' barra iżda li huwa ppreżentat mingħajr qafas, arbli jew aċċessorji taħt il-kodiċi tan-NM 6306 90 00 bħala “oġġetti oħrajn għall-ikkampjar”, minħabba li ma għandux ġnub jew ħitan, li jippermettu l-formazzjoni ta' post magħluq.

(2)

Matul it-62 sessjoni tiegħu f'Settembru 2018, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (HSC) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) approva l-opinjoni ta' klassifikazzjoni 6306.22/1 dwar il-klassifikazzjoni ta' prodott imsejjaħ “gazebo temporanju”, li tkejjel madwar 3 m × 3 m × 2,50 m u li tikkonsisti f'qafas ta' tubu tal-azzar b'biċċiet ta' konnessjoni u saqajn tal-plastik, u saqaf li jgħatti l-kisi għal fuq erba' kantunieri. Il-gazebo hija miftuħa fuq l-erba' naħat u mhix ankrata sew mal-art. Din kienet ikklassifikata fis-subintestatura HS 6306 22, li tikkorrispondi għall-kodiċi NM 6306 22 00.

(3)

Minħabba l-karatteristiċi identiċi jew simili ħafna tal-prodott mal-oġġetti deskritti fir-Regolament (KE) Nru 1218/1999 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 670/2013, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti kif stabbiliti fl-Anness ta' dawk ir-Regolamenti mhijiex skont l-opinjoni ta' klassifikazzjoni 6306.22/1 tal-HSC tad-WCO.

(4)

L-Unjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (5), hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta' Merkanzija (magħrufa bħala s-Sistema Armonizzata jew l-SA), imfassla mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali (magħruf bħala d-WCO). L-opinjonijiet ta' klassifikazzjoni maħruġa mill-HSC fil-prinċipju jservu ta' strumenti ta' gwida għall-miżuri tariffarji tal-Unjoni.

(5)

Bl-għan li tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata f'livell internazzjonali u meta wieħed iqis li d-deċiżjoni tal-HSC hija f'konformità mal-kliem tas-subintestatura 6306.22 tas-SA, jenħtieġ li l-Unjoni tapplika l-opinjoni ta' klassifikazzjoni tal-HSC tad-WCO 6306.22/1.

(6)

Il-bażi ġuridika u l-proċedura ta' adozzjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1218/1999 u biex jitħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 670/2013 huma l-istess. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi adottat att wieħed għal dawk il-finijiet.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1218/1999 jiġi emendat skont dan.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 670/2013 jitħassar.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1218/1999, titħassar ir-ringiela li tikkorrispondi mal-punt 6 tat-tabella.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 670/2013 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Settembru 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1218/1999 tal-14 ta' Ġunju 1999 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 148, 15.6.1999, p. 9)

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 441/2013 tas-7 ta' Mejju 2013 li jemenda jew iħassar ċertu regolamenti dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 130, 15.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 670/2013 tad-9 ta' Lulju 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 193, 16.7.2013, p. 2).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta' April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta' Oġġetti u tal-Protokoll li jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).


Top