This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011R0961
Commission Implementing Regulation (EU) No 961/2011 of 27 September 2011 imposing special conditions governing the import of feed and food originating in or consigned from Japan following the accident at the Fukushima nuclear power station and repealing Regulation (EU) No 297/2011 Text with EEA relevance
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 961/2011 tas- 27 ta' Settembru 2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 297/2011 Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 961/2011 tas- 27 ta' Settembru 2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 297/2011 Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 252, 28/09/2011, p. 10–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 01/04/2012; Imħassar b' 32012R0284
28.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 252/10 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 961/2011
tas-27 ta' Settembru 2011
li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 297/2011
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Il-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara l-kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza tal-Unjoni xierqa għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz biex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri individwalment. |
(2) |
Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli tar-radjonuklidi f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun bħall-ħalib u l-ispinaċi jaqbżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Tali kontaminazzjoni tista’ tikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima (2). |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 297/2011 ġie emendat bosta drabi sabiex iżomm kont tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Dawn l-emendi kienu jikkonċernaw l-adozzjoni tal-livelli massimi ta' radjoattività li għandhom jiġu applikati għall-għalf jew għall-ikel li joriġina mill-Ġappun, iż-żieda ta' prefetturi fiż-żona li għaliha japplikaw restrizzjonijiet speċifiċi wara li l-kontaminazzjoni f'dawk il-prefetturi nstabet illi taqbeż il-livelli massimi u t-tneħħija ta' prefetturi miż-żona tar-restrizzjonijiet f'każ illi monitoraġġ estensiv ipprovda evidenza li dawn il-prefetturi ma kinux affettwati b'mod sinifikanti mill-kontaminazzjoni radjoattiva. |
(4) |
Minn nofs Lulju 2011, l-awtoritajiet Ġappuniżi għarrfu lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta' livelli għolja ta' ċesju fiċ-ċanġa ta' baqar li tkabbru fi prefetturi differenti fil-Ġappun. Peress li l-importazzjoni taċ-ċanga fl-UE mill-Ġappun mhix permessa minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika u tal-annimali apparti r-radjoattività, dawn is-sejbiet ma jaffettwawx lill-konsumatur Ewropew. Riċentament ukoll, instab li prodotti tal-ikel ġodda kellhom livelli ta' radjoattività 'l fuq mil-livelli massimi. Dawn is-sejbiet u l-fatt li għelejjel agrikulturali/ortikulturali ġodda/oħrajn jitkabbru u jinħasdu fiż-żona kkontaminata jipprovdu evidenza li huwa xieraq li l-miżuri attwali jinżammu sa wara it-30 ta' Settembru 2011. Għaldaqstant, huwa xieraq li nkomplu nimplimentaw dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2011, minflok sat-30 ta' Settembru 2011 hekk kif kien inizzjalment previst. Il-prinċipju ta' reviżjoni kull xahar tal-implimentazzjoni tar-Regolament jinżamm. |
(5) |
Peress li r-Regolament (UE) Nru 297/2011 ġie emendat bosta drabi f'qasir żmien huwa xieraq li r-Regolament (UE) Nru 297/2011 jiġi sostitwit b'Regolament ġdid. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ambitu
Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti tal-għalf u tal-ikel skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 (3) li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun, għajr għal prodotti li telqu mill-Ġappun qabel it-28 ta’ Marzu 2011 u għal prodotti li nħasdu u/jew ġew ipproċessati qabel il-11 ta' Marzu 2011.
Artikolu 2
Attestazzjoni
1. Il-kunsinni kollha tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.
2. Kunsinni ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (4) għandhom jiġu introdotti fl-Unjoni permezz ta' punt tad-dħul magħżul skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 (minn issa 'l quddiem "il-punt tad-dħul magħżul") (5).
3. Kull kunsinna ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni, li tafferma li:
(a) |
il-prodott inħasad u/jew ġie pproċessat qabel il-11 ta' Marzu 2011, jew |
(b) |
il-prodott joriġina u hu konsenjat minn prefettura għajr dawk ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, jew |
(c) |
il-prodott ġie konsenjat mill-prefetturi ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, iżda ma joriġinax f'wieħed minn dawn il-prefetturi u ma ġiex espost għal radjuattività matul it-tranżitu, jew |
(d) |
fil-każ li l-prodott joriġina mill-prefetturi ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, il-prodott ma fihx livelli tar-radjonuklidi jodju-131, ċesju-134 u ċesju-137 'il fuq mil-livelli massimi previsti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament. |
4. Il-punt (d) tal-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għal prodotti li nqabdu jew inħasdu mill-ibħra tal-kosta tal-prefetturi msemmija hemmhekk, irrispettivament minn fejn jaslu dawn il-prodotti.
5. Id-dikjarazzjoni, imsemmija fil-paragrafu 3 għandha titfassal skont il-mudell stipulat fl-Anness I. Din għandha tiġi ffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-Ġappun. Għall-prodotti msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, id-dikjarazzjoni għandu jkollha magħha rapport analitiku li ġo fih ikun hemm ir-riżultati tat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi.
Artikolu 3
Identifikazzjoni
Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun identifikata permezz ta' kodiċi li għandu jkun indikat fuq id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3), jew fuq ir-rapport analitiku msemmi fl-Artikolu 2(5), fuq iċ-ċertifikat sanitarju u fuq kwalunkwe dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-kunsinna.
Artikolu 4
Notifika bil-quddiem
L-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-għalf jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika bil-quddiem tal-wasla ta' kull kunsinna ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1, minn tal-inqas jumejn tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna, lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-Post Spezzjoni fuq il-Fruntiera jew fuq il-punt tad-dħul magħżul.
Artikolu 5
Kontrolli uffiċjali
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta' spezzjoni fuq il-fruntiera jew tal-punt tad-dħul magħżul għandhom iwettqu:
(a) |
kontrolli tad-dokumenti u tal-identità fuq il-kunsinni kollha ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1, u |
(b) |
kontrolli fiżiċi, inklużi analiżi tal-laboratorju għall-preżenza ta' jodju-131, ċesju-134 u ċesju-137, fuq minn tal-anqas:
|
2. Il-kunsinni għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali, għal massimu ta' ħamest ijiem tax-xogħol, sakemm ikunu disponibbli r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.
3. Ir-rilaxx tal-kunsinni għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni mill-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf jew mir-rappreżentant tiegħu lill-awtoritajiet doganali tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3), li tkun ġiet approvata kif xieraq mill-awtorità kompetenti fil-post ta'Spezzjoni fuq il-fruntiera jew il-punt tad-dħul magħżul, li tagħti prova li l-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 twettqu u li r-riżultati mill-verifiki fiżiċi, fejn saru tali verifiki, kienu favorevoli.
Artikolu 6
Kosti
Il-kosti kollha li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 5(1) u 5(2) u kwalunkwe miżura li tittieħed wara li jkun hemm nuqqas ta' konformità, għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf.
Artikolu 7
Prodotti li ma jkunux konformi
L-għalf u l-ikel li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun li ma jikkonformawx mal-livelli massimi msemmijin fl-Anness II ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq. Tali għalf u ikel li ma jikkonformax għandu jintrema b’mod sigur jew jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini.
Artikolu 8
Rapporti
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull xahar permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) u s-sistema tal-Iskambju ta' Informazzjoni Radjoloġika Urġenti tal-Unjoni Ewropea (ECURIE) bir-riżultati analitiċi kollha miksuba.
Artikolu 9
Revoka
Ir-Regolament (KE) Nru 297/2011 huwa mħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament li tħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2011. Ir-Regolament se jiġi rivedut kull xahar sabiex iżomm kont tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' kontaminazzjoni.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(3) ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11.
(5) ĠU L 194, 25.7.2009 p. 11.
ANNESS II
Livelli massimi għall-oġġetti tal-ikel (1) (Bq/kg)
|
Ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar |
Ħalib u prodotti tal-ħalib |
Oġġetti oħra tal-ikel għajr oġġetti tal-ikel likwidi |
Oġġetti tal-ikel likwidi |
Total ta’ Isotopi tal-istronzju, l-aktar Sr-90 |
75 |
125 |
750 |
125 |
Total ta’ Isotopi tal-jodju, l-aktar I-131 |
100 (2) |
300 (2) |
2 000 |
300 (2) |
Total ta’ Isotopi li jarmu Alpha tal-elementi tal-plutonju u tat-trans-plutonju, l-aktar Pu-239, Am-241 |
1 |
1 (2) |
10 (2) |
1 (2) |
Total tan-nuklidi l-oħra kollha li jonqsu bin-nofs fi żmien itwal minn 10 ijiem, l-aktar Cs-134 u Cs-137, għajr C-14 u H-3 |
200 (2) |
200 (2) |
500 (2) |
200 (2) |
Livelli massimi għall-oġġetti tal-għalf (3) (Bq/kg)
|
Oġġetti tal-għalf |
Total ta’ Cs-134 u Cs-137 |
500 (4) |
Total ta’ Isotopi tal-jodju, l-aktar I-131 |
2 000 (5) |
(1) Il-livell applikabbli għall-prodotti konċentrati jew imnixxfa huwa ikkalkulat fuq il-bażi tal-prodott rikostitwit bħala lest għal konsum.
(2) Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-livelli ta’ azzjoni li bħalissa huma applikati fil-Ġappun, dawn il-valuri jissostitwixxu fuq bażi provviżorja, il-valuri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 3954/87.
(3) Il-livell massimu huwa relattiv għall-għalf li għandu kontenut ta’ umdità ta’ 12 %.
(4) Sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-livelli ta’ azzjoni li bħalissa huma applikati fil-Ġappun, dan il-valur jissostitwixxi fuq bażi provviżorja, il-valur stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 770/90.
(5) Dan il-valur huwa stipulat fuq bażi provviżorja u meqjus li huwa l-istess bħal tal-oġġetti tal-ikel, sakemm issir valutazzjoni tal-fatturi ta’ trasferiment tal-jodju mill-oġġetti tal-għalf għall-prodotti tal-ikel.