EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0012

Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' April 2006 dwar l-iskart Test b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 114, 27/04/2006, p. 9–21 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010; Imħassar b' 32008L0098

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/12/oj

27.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

9


DIRETTIVA 2006/12/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' April 2006

dwar l-iskart

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (3) ġiet emendata b'mod sostanzjali f'diversi okkażjonijiet (4). Biex jiġu ċċarati l-affarijiet, għandha titfassal kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni.

(2)

L-objettiv essenzjali tad-dispożizzjonijiet kollha dwar l-immaniġġar ta' l-iskart għandu jkun il-protezzjoni tas-saħħa umana u ta' l-ambjent kontra l-effetti ħżiena kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mit-tbattil ta' l-iskart.

(3)

Terminoloġija komuni u definizzjoni ta' l-iskart huma meħtieġa biex titjieb l-effiċjenza ta' l-immaniġġar ta' l-iskart fil-Komunità.

(4)

Għandhom jiġu applikati regoli effettivi u konsistenti dwar ir-rimi u l-irkupru ta' l-iskart, soġġetti għal ċerti eċċezzjonijiet, għall-proprjetà mobbli li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew hu meħtieġ li jarmi.

(5)

L-irkupru ta' l-iskart u l-użu ta' materjali rkuprati bħala materja prima għandhom jiġu inkoraġġiti sabiex jiġu kkonservati r-riżorsi naturali. Jista' jkun meħtieġ li jiġu adottati regoli speċifiċi għall-iskart li jista' jerġa' jintuża.

(6)

Biex jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni ambjentali, l-Istati Membri għandhom, minbarra li jieħdu azzjoni responsabbli biex jiżguraw ir-rimi u l-irkupru ta' l-iskart, jieħdu miżuri biex irażżnu l-produzzjoni ta' l-iskart b'mod partikolari billi jippromwovu teknoloġiji ndaf u prodotti li jistgħu jiġu riċiklati u użati mill-ġdid, b'kont meħud ta' opportunitajiet tas-suq eżistenti jew potenzjali għall-iskart irkuprat.

(7)

Barra minn dan, diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri fir-rigward tar-rimi u l-irkupru ta' l-iskart jistgħu jolqtu l-kwalità ta' l-ambjent u t-tħaddim tajjeb tas-suq intern.

(8)

Hu importanti għall-Komunità b'mod ġenerali li ssir awto-suffiċjenti fir-rimi ta' l-iskart u jkun tajjeb li l-Istati Membri individwali jimmiraw għal tali awto-suffiċjenza.

(9)

Biex jintlaħqu dawk l-objettivi, pjanijiet għall-immaniġġar ta' l-iskart għandhom jitfasslu fl-Istati Membri.

(10)

Iċ-ċaqliq ta' l-iskart għandu jitnaqqas u l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għal dak il-għan fil-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġar.

(11)

Biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni u kontroll effettiv, huwa meħtieġ li jkunu previsti l-awtorizzazzjoni u l-ispezzjoni ta' l-impriżi li jwettqu r-rimi u l-irkupru ta' l-iskart.

(12)

Soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, u bil-kondizzjoni li huma jikkonformaw mal-ħtiġiet tal-protezzjoni ambjentali, xi stabbilimenti li jipproċessaw l-iskart huma stess jew iwettqu rkupru ta' l-iskart jistgħu jkunu eżentati mill-ħtiġiet ta' permess. Dawn l-istabbilimenti għandhom ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(13)

Biex l-iskart ikun jista' jiġi sorveljat mill-produzzjoni tiegħu sar-rimi aħħari, impriżi oħra involuti fl-iskart, bħall-kolletturi, it-trasportaturi u l-intermedjarji ta' l-iskart għandhom ukoll ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni u għal spezzjoni xierqa.

(14)

Dik il-parti ta' l-ispejjeż mhux koperta bid-dħul mit-trattament ta' l-iskart għandha titqassam skond il-prinċipju li “min iniġġes iħallas”.

(15)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5).

(16)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi elenkati fil-Parti B ta' l-Anness III,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)

“skart” għandha tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

(b)

“produttur” għandha tfisser kull min bl-attivitajiet tiegħu jipproduċi skart (“produttur oriġinali”) u/jew kull min iwettaq proċessar minn qabel, taħlit jew operazzjonijiet oħra li jwasslu għal bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta' dan l-iskart;

(ċ)

“detentur” għandha tfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess tiegħu;

(d)

“maniġġar” għandha tfisser il-ġbir, it-trasport, l-irkupru u r-rimi ta' l-iskart, inklużi s-superviżjoni ta' dawn l-operazzjonijiet u l-kontroll tas-siti tar-rimi wara li jingħalqu;

(e)

“rimi” għandha tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II A;

(f)

“irkupru” għandha tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II B;

(g)

“ġbir” għandha tfisser il-ġbir, l-għażla u/jew it-taħlit ta' l-iskart għall-fini ta' trasport.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punt (a), il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(3), għandha tfassal lista ta' skart li jappartjeni għall-kategoriji elenkati fl-Anness I. Din il-lista għandha tiġi eżaminata perjodikament u, jekk meħtieġ, riveduta skond l-istess proċedura.

Artikolu 2

1.   Dan li ġej għandu jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva:

(a)

skariki ta' gassijiet mitfugħa fl-atmosfera;

(b)

fejn huma diġà koperti b'leġiżlazzjoni oħra:

(i)

skart radjuattiv;

(ii)

skart li jirriżulta mit-tfittxija, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta' riżorsi minerali u t-tħaddim ta' barrieri;

(iii)

karkassi ta' annimali u l-iskart agrikolu li ġej: ħmieġ ta' l-annimali u sustanzi naturali mhux perikolużi oħra użati fil-biedja;

(iv)

ilmijiet użati, bl-eċċezzjoni ta' l-iskart f'forma likwida;

(v)

splussivi diżattivati.

2.   Regoli speċifiċi għal każijiet partikolari, jew li jissupplimentaw dawk ta' din id-Direttiva, dwar l-immaniġġar ta' kategoriji partikolari ta' skart, jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta' Direttivi individwali.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu:

(a)

l-ewwel, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-produzzjoni ta' l-iskart u l-ħsara li jikkawża, b'mod partikolari permezz ta':

(i)

l-iżvilupp ta' teknoloġiji ndaf li jiffrankaw aktar fuq l-użu ta' riżorsi naturali;

(ii)

l-iżvilupp tekniku u l-promozzjoni ta' prodotti mfassla sabiex ma jagħtu ebda kontribut jew jagħtu l-inqas kontribut possibbli, minħabba n-natura tal-manifattura, l-użu jew ir-rimi tagħhom, lejn iż-żieda fl-ammont jew il-ħsara ta' l-iskart u l-perikli ta' tniġġis;

(iii)

l-iżvilupp ta' teknika xierqa għar-rimi aħħari ta' sustanzi perikolużi li jinsabu fl-iskart destinat għall-irkupru;

(b)

it-tieni:

(i)

l-irkupru ta' l-iskart permezz tar-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-reklamazzjoni jew kwalunkwe proċess ieħor maħsub għall-estrazzjoni ta' materja prima sekondarja; jew

(ii)

l-użu ta' l-iskart bħala sors ta' enerġija.

2.   Ħlief fejn tapplika d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi (6), l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li bi ħsiebhom jieħdu biex jilħqu l-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18(1) dwar tali miżuri.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jinħoloq periklu għas-saħħa umana u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, u b'mod partikolari:

(a)

mingħajr riskju għall-ilma, l-arja jew il-ħamrija, jew għall-pjanti jew l-annimali;

(b)

mingħajr ma joħolqu fastidju minħabba storbju jew irwejjaħ;

(ċ)

mingħajr ma jolqtu b'mod negattiv il-kampanja jew postijiet ta' interess speċjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew id-depożitu mhux kontrollat ta’ l-iskart.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, f'koperazzjoni ma' Stati Membri oħra fejn dan ikun meħtieġ jew jaqbel, biex jistabbilixxu rettikolat integrat u adegwat ta' stallazzjonijiet għar-rimi, b'kont meħud ta' l-aħjar teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. Ir-rettikolat għandu jagħmilha possibbli li l-Komunità sħiħa ssir awto-suffiċjenti fir-rimi ta' l-iskart u l-Istati Membri jersqu lejn dak il-għan b'mod individwali, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew tal-ħtieġa għal stallazzjonijiet speċjalizzati għal ċerti tipi ta' skart.

2.   Ir-rettikolat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jgħin sabiex l-iskart jiġi mormi f'waħda mill-eqreb stallazzjonijiet xierqa, permezz ta' l-aktar metodi u teknoloġiji xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien ta' l-ambjent u tas-saħħa pubblika.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jagħżlu l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li jkunu responsabbli minn din id-Direttiva.

Artikolu 7

1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6 għandhom jintalbu jfasslu mill-aktar fis possibbli pjan wieħed jew aktar għall-immaniġġar ta' l-iskart. Dawn il-pjanijiet għandhom jirrigwardaw, b'mod partikolari:

(a)

it-tip, il-kwantità u l-oriġini ta' l-iskart li jrid jiġi rkuprat jew mormi;

(b)

il-ħtiġiet tekniċi ġenerali;

(ċ)

kwalunkwe arranġament speċjali għal skart partikolari;

(d)

siti jew stallazzjonijiet adatti għar-rimi.

2.   Il-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu, per eżempju, ikopru:

(a)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati biex iwettqu l-immaniġġar ta' l-iskart;

(b)

l-istima ta' l-ispejjeż ta' l-operazzjonijiet ta' l-irkupru u r-rimi;

(ċ)

miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu r-razzjonalizzazzjoni tal-ġbir, l-għażla u t-trattament ta' l-iskart.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkoperaw kif xieraq ma' l-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni biex ifasslu tali pjanijiet. Huma għandhom jinnotifikaw b'dawn lill-Kummissjoni.

4.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jippermettux iċ-ċaqliq ta' l-iskart li ma jikkonformax mal-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġar ta' l-iskart. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar tali miżuri.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull detentur ta' skart:

(a)

jgħaddih għall-immaniġġar minn kollettur privat jew pubbliku ta' l-iskart jew minn impriża li twettaq l-operazzjonijiet elenkati fl-Anness II A jew II B; jew

(b)

jirkuprah jew jarmih huwa stess skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 9

1.   Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 4, 5 u 7, kull stabbiliment jew impriża li twettaq l-operazzjonijiet speċifikati fl-Anness II A għandha tikseb permess mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 6.

Dan il-permess għandu jkopri:

(a)

it-tipi u l-kwantitajiet ta' skart;

(b)

il-ħtiġiet tekniċi;

(ċ)

il-prekawzjonijiet ta' sikurezza li jridu jittieħdu;

(d)

is-sit tar-rimi;

(e)

il-metodu tat-trattament.

2.   Il-permessi jistgħu jingħataw għal perjodu speċifiku, jistgħu jiġġeddu, jistgħu jkunu soġġetti għal kondizzjonijiet u obbligi, jew, b'mod partikolari, jekk il-metodu maħsub għar-rimi ma hux aċċettabbli mill-aspett tal-ħarsien ambjentali, jistgħu jiġu miċħuda.

Artikolu 10

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4, kull stabbiliment jew impriża li twettaq l-operazzjonijiet imsemmija fl-Anness II B għandha tikseb permess.

Artikolu 11

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar l-iskart perikoluż (7), dawn li ġejjin jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa għal permess stipulat fl-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10:

(a)

stabbilimenti jew impriżi li jiddisponu mill-iskart tagħhom stess fil-post tal-produzzjoni; u

(b)

stabbilimenti jew impriżi li jwettqu rkupru ta' l-iskart.

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tapplika biss:

(a)

jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu adottaw regoli ġenerali għal kull tip ta' attività, waqt li jistipulaw it-tipi u l-kwantitajiet ta' skart u l-kondizzjonijiet li fihom l-attività in kwistjoni tista' tiġi eżentata mill-ħtieġa ta' permess; u

(b)

jekk it-tipi jew il-kwantitajiet ta' skart u l-metodi tar-rimi jew l-irkupru huma tali li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 jiġu sodisfatti.

3.   L-istabbilimenti jew l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu reġistrati ma' l-awtoritajiet kompetenti.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-regoli ġenerali adottati skond il-paragrafu 2, punt (a).

Artikolu 12

L-istabbilimenti jew l-impriżi li jiġbru jew jittrasportaw l-iskart fuq bażi professjonali jew li jirranġaw għar-rimi jew l-irkupru ta' l-iskart f'isem ħaddieħor (negozjanti jew intermedjarji) għandhom, meta mhumiex soġġetti għal awtorizzazzjoni, ikunu reġistrati ma' l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 13

L-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 9 sa 12 għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet perjodiċi xierqa mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 14

1.   L-istabbilimenti jew l-impriżi kollha msemmija fl-Artikoli 9 u 10 għandhom:

(a)

iżommu rekord tal-kwantità, in-natura, l-oriġini u, fejn huma rilevanti, id-destinazzjoni, il-frekwenza tal-ġbir, il-mod ta' trasport u l-metodu ta' trattament fir-rigward ta' l-iskart imsemmi fl-Anness I u l-operazzjonijiet imsemmija fl-Annes II A jew II B;

(b)

jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli, fuq talba, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6.

2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jitolbu lill-produtturi biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

Artikolu 15

Skond il-prinċipju li “min iniġġes iħallas”, l-ispiża tar-rimi ta' l-iskart għandha titħallas minn:

(a)

id-detentur li l-iskart tiegħu jiġi mmaniġġat minn kollettur ta' l-iskart jew minn impriża kif imsemmija fl-Artikolu 9; u/jew

(b)

id-detenturi ta' qabel jew il-produttur tal-prodott li minnu ġie l-iskart.

Artikolu 16

F'intervalli ta' tliet snin l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, fil-forma ta' rapport settorjali li għandu jkopri wkoll Direttivi Komunitarji pertinenti oħra. Ir-rapport għandu jiġi mfassal abbażi ta' kwestjonarju jew skema abbozzata mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2). Il-kwestjonarju jew l-iskema għandha tintbagħat lill-Istati Membri sitt xhur qabel il-bidu tal-perjodu kopert mir-rapport. Ir-rapport għandu jsir lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mill-għeluq tal-perjodu tat-tliet snin li jkopri.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport Komunitarju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fi żmien disa' xhur minn meta tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.

Artikolu 17

L-emendi meħtieġa għall-adattament ta' l-Annessi għall-progress xjentifiku u tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(3).

Artikolu 18

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar wieħed.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

4.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 19

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 20

Id-Direttiva 75/442/KEEhija b'dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali stabbiliti fl-Anness III, Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 21

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar il-5 ta' April 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 46.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2004 (ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 106), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2006.

(3)  ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(4)  Ara l-Parti A ta' l-Anness III.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(7)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 94/31/KE (ĠU L 168, 2.7.1994, p. 28).


ANNESS I

KATEGORIJI TA' SKART

Q1

Fdalijiet ta' produzzjoni jew ta' konsum mhux speċifikati b'mod ieħor hawn taħt

Q2

Prodotti mhux skond l-ispeċifikazzjoni

Q3

Prodotti li d-data għall-użu tajjeb tagħhom skadiet

Q4

Materjali mxerrda, mitlufa jew li kienu parti minn inċident, inkluż kwalunkwe materjal, tagħmir, eċċ. kontaminat minħabba l-inċident

Q5

Materjali kontaminati jew li tħammġu minħabba azzjonijiet ippjanati (eż. fdalijiet minn operazzjonijiet ta' tindif, materjali ta' l-ippakkjar, kontenituri, eċċ.)

Q6

Partijiet li ma jistgħux jintużaw (eż. batteriji mormija, katalizzaturi eżawriti, eċċ.)

Q7

Sustanzi li m'għadhomx jaħdmu tajjeb (eż. aċidi kontaminati, solventi kontaminati, mluħa għall-ittemprar tal-metall eżawriti, eċċ.)

Q8

Fdalijiet ta' proċessi industrijali (eż. gagazza, qigħan tal-lampiki, eċċ.)

Q9

Fdalijiet minn proċessi ta' tneħħija ta' tniġġis (eż. tjun tat-tindif tal-gass, trabijiet tal-filtri ta' l-arja, filtri użati, eċċ.)

Q10

Fdalijiet ta' ħdim ta' l-uċuħ bil-magna (eż. serratura tat-torn, tal-maċinatura, eċċ.)

Q11

Fdalijiet mill-estrazzjoni u l-ipproċessar ta' materja prima (eż. fdalijiet tal-minjieri, tat-tħaffir taż-żejt, eċċ.)

Q12

Materjali adulterati (eż. żjut kontaminati bil-PCBs, eċċ.)

Q13

Kwalunkwe materjal, sustanza jew prodott li l-użu tiegħu ġie pprojbit bil-liġi

Q14

Prodotti li d-detentur m'għandux aktar użu għalihom (eż. oġġetti skartati agrikoli, tad-dar, ta' l-uffiċċji, kummerċjali u tal-ħwienet, eċċ.)

Q15

Materjali, sustanzi jew prodotti kontaminati li jirriżultaw minn azzjonijiet ta' tiswija ta' l-art

Q16

Kwalunkwe materjal, sustanza jew prodott li mhux inkluż fil-kategoriji msemmija hawn fuq.


ANNESS II A

OPERAZZJONIJIET TA' RIMI

NB: Dan l-Anness hu maħsub bħala lista ta' operazzjonijiet ta' rimi hekk kif iseħħu fil-prattika. Skond l-Artikolu 4, l-iskart irid jiġi mormi mingħajr periklu għas-saħħa umana u mingħajr l-użu ta' proċessi jew metodi li x'aktarx jagħmlu l-ħsara lill-ambjent.

D 1

Depożitu ġewwa jew fuq l-art (eż. radam, eċċ.)

D 2

Trattament fuq l-art (eż. bijodegradazzjoni ta' rifjut likwidu jew tajn fil-ħamrija, eċċ.)

D 3

Injezzjoni fil-fond (eż. injezzjoni ta' rifjut li jista' jiġi ppumpjat fi bjar, koppli tal-melħ jew repożitorji naturali, eċċ.)

D 4

Lagunaġġ (eż. tqegħid ta' rifjuti likwidi jew tajn f'fosos, għadajjar jew laguni, eċċ.)

D 5

Radam ippreparat b'mod maħsub (eż. tqegħid f'ċelluli separati miksija minn ġewwa li jkunu mgħottija u iżolati minn ma' xulxin u mill-ambjent, eċċ.)

D 6

Rilaxx f'ilmijiet li mhumiex ibħra jew oċeani

D 7

Rilaxx f'ibħra jew oċeani inkluża l-inserzjoni f'qiegħ il-baħar

D 8

Trattament bijoloġiku li ma hu speċifikat imkien ieħor f'dan l-Anness li jirriżulta f'komposti jew taħlitiet finali li jiġu mormija permezz ta' waħda mill-operazzjonijiet bin-numru D 1 sa D 7 u D 9 sa D 12

D 9

Trattament fiżiko-kimiku li ma hu speċifikat imkien ieħor f'dan l-Anness li jirriżulta f'komposti jew taħlitiet finali li jiġu mormija permezz ta' waħda mill-operazzjonijiet bin-numru D 1 sa D 8 u D 10 sa D 12 (eż. evaporazzjoni, tnixxif, kalċinazzjoni, eċċ.)

D 10

Inċinerazzjoni fuq l-art

D 11

Inċinerazzjoni fuq il-baħar

D 12

Ħażna permanenti (eż. tqegħid ta' kontenituri f'minjiera, eċċ.)

D 13

Ragruppament jew taħlit qabel waħda mill-operazzjonijiet bin-numru D 1 sa D 12

D 14

Ippakkjar mill-ġdid qabel waħda mill-operazzjonijiet bin-numru D 1 sa D 13

D 15

Ħażna preliminari qabel waħda mill-operazzjonijiet bin-numru D 1 sa D 14 (ħlief il-ħażna temporanja, qabel il-ġbir, fuq is-sit fejn jiġi prodott)


ANNESS II B

OPERAZZJONIJIET TA' RKUPRU

NB: Dan l-Anness hu maħsub bħala lista ta' operazzjonijiet ta' rkupru kif iseħħu fil-prattika. Skond l-Artikolu 4, l-iskart irid jiġi rkuprat mingħajr periklu għas-saħħa umana u mingħajr l-użu ta' proċessi jew metodi li x'aktarx jagħmlu l-ħsara lill-ambjent.

R 1

Użu ewlieni bħala karburant jew mezz ieħor għall-ġenerazzjoni ta' l-enerġija

R 2

Irkupru jew riġenerazzjoni ta' solventi

R 3

Riċiklaġġ jew irkupru ta' sustanzi organiċi li mhumiex użati bħala solventi (inkluż il-kompostaġġ u proċessi oħra ta' trasformazzjoni bijoloġika)

R 4

Riċiklaġġ jew irkupru ta' metalli u komposti tal-metalli

R 5

Riċiklaġġ jew irkupru ta' materjali inorganiċi oħra

R 6

Riġenerazzjoni ta' aċidi jew bażijiet

R 7

Irkupru ta' komponenti użati għat-tneħħija tat-tniġġis

R 8

Irkupru ta' komponenti minn katalizzaturi

R 9

Raffinar mill-ġdid taż-żejt jew użu mill-ġdid ieħor taż-żejt

R 10

Frix fuq l-art li jirriżulta f'benefiċċju għall-agrikoltura jew f'titjib ekoloġiku

R 11

Użu ta' skart miksub minn waħda mill-operazzjonijiet bin-numru R 1 sa R 10

R 12

Skambju ta' skart biex jintuża f'waħda mill-operazzjonijiet bin-numru R 1 sa R 11

R 13

Ħżin preliminari ta' skart qabel waħda mill-operazzjonijiet bin-numru R 1 sa R 12 (ħlief il-ħżin temporanju, qabel il-ġbir, fuq is-sit fejn jiġi prodott)


ANNESS III

PARTI A

DIRETTIVA MĦASSRA BL-EMENDI SUĊĊESSIVI TAGĦHA

(imsemmija fl-Artikolu 20)

Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE (ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39)

 

Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE (ĠU L 78, 26.3.1991, p. 32)

 

Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48)

fir-rigward biss tar-referenza għad-Direttiva 75/442/KEE fl-Anness VI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE (ĠU L 135, 6.6.1996, p. 32)

 

Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

Anness III, punt 1 biss

PARTI B

LISTA TA' LIMITI TAŻ-ŻMIEN GĦAT-TRASPOŻIZZJONI FIL-LIĠI NAZZJONALI

(imsemmija fl-Artikolu 20)

Direttiva

Limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni

75/442/KEE

17 ta' Lulju 1977

91/156/KEE

1 ta' April 1993

91/692/KEE

1 ta' Jannar 1995


ANNESS IV

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 75/442/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 1(1), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 1(a), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 1(1)(a)

Artikolu 1(a), it-tieni subparagrafu

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(b) – (g)

Artikolu 1(1)(b) – (g)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3(1), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 3(1), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 3(1)(a), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 3(1)(a), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 3(1)(a) l-ewwel inċiż

Artikolu 3(1)(a)(i)

Artikolu 3(1)(a) it-tieni inċiż

Artikolu 3(1)(a)(ii)

Artikolu 3(1)(a) it-tielet inċiż

Artikolu 3(1)(a)(iii)

Artikolu 3(1)(b), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 3(1)(b) frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 3(1)(b) l-ewwel inċiż

Artikolu 3(1)(b)(i)

Artikolu 3(1)(b) it-tieni inċiż

Artikolu 3(1)(b)(ii)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 4(1), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 4(1)(a)

Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 4(1)(b)

Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 4(1)(ċ)

Artikolu 4, it-tieni paragrafu

Artikolu 4(2)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 7(1), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 7(1)(a)

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 7(1)(b)

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 7(1)(ċ)

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu, ir-raba' inċiż

Artikolu 7 (1)(d)

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 7(2), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 7(2)(a)

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 7(2)(b)

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 7(2)(ċ)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(4)

Artikolu 8, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 8, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 8, l-ewwel inċiż

Artikolu 8(a)

Artikolu 8, it-tieni inċiż

Artikolu 8(b)

Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, (a)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, (b)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, (ċ)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, ir-raba' inċiż

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, (d)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, il-ħames inċiż

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, (e)

Artikolu 9(2)

Artikolu 9(2)

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 11(2), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 11(2)(a)

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 11(2)(b)

Artikolu 11(2)

Artikolu 11(3)

Artikolu 11(3)

Artikolu 11(4)

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14, l-ewwel paragrafu, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 14(1), frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 14, l-ewwel paragrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 14(1)(a)

Artikolu 14, l-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 14(1)(b)

Artikolu 14, it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(2)

Artikolu 15, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 15, frażi ta' introduzzjoni

Artikolu 15, l-ewwel inċiż

Artikolu 15(a)

Artikolu 15, it-tieni inċiż

Artikolu 15(b)

Artikolu 16, l-ewwel paragrafu mhux innumerat

Artikolu 16, l-ewwel paragrafu mhux innumerat u Artikolu 18, paragrafu 2

Artikolu 16, it-tieni paragrafu mhux innumerat

Artikolu 16, it-tielet paragrafu mhux innumerat

Artikolu 16, it-tieni paragrafu mhux innumerat

Artikolu 17

Artikolu 17

Artikolu 18, paragrafu 1

Artikolu 18, paragrafu 1

Artikolu 18, paragrafu 2

Artikolu 18, paragrafu 3

Artikolu 18, paragrafu 3

Artikolu 18, paragrafu 4

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 21

Artikolu 22

Anness I

Anness I

Anness II A

Anness II A

Anness II B

Anness II B

Anness III

Anness IV


Top