Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0126

    Is-sikurezza fit-toroq: liċenzji tas-sewqan

    Is-sikurezza fit-toroq: liċenzji tas-sewqan

     

    SOMMARJU TA’

    Id-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan

    X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

    PUNTI EWLENIN

    Id-direttiva tagħmel dan li ġej.

    • Tgħin biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq: tintroduċi kategorija ġdida ta’ liċenzji għall-motorini u teħtieġ li qabel isir test obbligatorju tat-teorija kif ukoll aċċess gradwat għal muturi itqal. Barra minn hekk tispeċifika r-rekwiżiti għall-ittestjar. Is-sewwieqa professjonali għandhom isirulhom kontrolli mediċi kull 5 snin. Ġew stabbiliti rekwiżiti għall-kwalifika u għat-taħriġ ta’ eżaminaturi tas-sewqan.
    • Hija tiffaċilita l-moviment liberu tan-nies: hija tintroduċi mudell tal-liċenzja tas-sewqan Ewropea u tistabbilixxi network għall-iskambju tal-informazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), jissimplifikaw ix-xogħol amministrattiv meħtieġ għall-għarfien reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan.
    • Tnaqqas l-iskop għall-frodi: il-liċenzja l-ġdida fiha mikroċippa, li tinkorpora l-informazzjoni stampata fuq il-kard. Tintroduċi perjodu ta’ validità għal liċenzji ta’ karozza u ta’ mutur ta’ 10–15-il sena biex tippermetti li jsir aġġornament regolari tal-karatteristiċi ta’ protezzjoni u tad-detenturi. Tistabbilixxi network elettroniku ġdid biex titħaffef il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-kontrolli tal-liċenzji.

    Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki

    Il-liċenzji maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rikonoxxuti b’mod reċiproku. Il-kategoriji tal-liċenzji tas-sewqan huma kif ġej:

    • Kategorija AM — għal vetturi b’2 roti u bi 3 roti b’veloċità massima skont id-disinn ta’ mhux aktar minn 45 km/h, kif ukoll għal kwadriċikli ħfief;
    • kategorija A1 — għal muturi ħfief b’kapaċità ċilindrika ta’ mhux aktar minn 125 ċentimetru kubiku u b’rata ta’ qawwa ta’ anqas minn 11 kW;
    • kategorija A2 — għal muturi b’rata ta’ qawwa taħt il-35 kW;
    • kategorija A — għal muturi tqal mingħajr restrizzjonijiet fuq il-potenza;
    • kategorija B — għal vetturi tal-passiġġieri b’piż sa 3 500 kg u li jieħdu sa mhux aktar minn 8 passiġġieri;
    • kategorija BE — għal vettura tal-kategorija B li tirmonka trejler tqil taħt it-3 500 kg;
    • kategorija B1 (mhux obbligatorja) — għal kwadriċikli;
    • kategorija C1 — għal vetturi tal-merkanzija bejn it-3 500 kg u s-7 500 kg u sa 8 passiġġieri;
    • kategorija C1E — għal vettura tal-kategorija C1 jew B li tirmonka trejler tqil; b’massa kombinata ta’ mhux aktar minn 12 000 kg;
    • kategorija C — għal vetturi tal-merkanzija b’piż ta’ mhux aktar minn 3 500 kg; u ta’ mhux aktar minn 8 passiġġieri;
    • kategorija CE — għal vettura tal-kategorija C li tirmonka trejler tqil;
    • kategorija D1 — għal vetturi tal-passiġġieri mibnija għal inqas minn 16-il passiġġier u li mhumiex itwal minn 8 m;
    • kategorija D1E — għal vettura tal-kategorija D1 li tirmonka trejler tqil;
    • kategorija D — għal vetturi tal-passiġġieri ta’ aktar minn 8 passiġġieri;
    • kategorija DE — għal vettura tal-kategorija D li tirmonka trejler tqil;
    • trejlers ħfief sa 750 kg jistgħu jiġu rmonkati bil-kategoriji B, C1, C, D1 u D.

    Fid-Deċiżjoni (UE) 2016/1945 hemm tabella ta’ ekwivalenzi bejn dawn il-kategoriji u dawk stabbiliti f’liċenzji li jkunu nħarġu fl-Istati Membri qabel din id-direttiva.

    Kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-liċenzji

    • Il-liċenzji għandhom jindikaw il-kundizzjonijiet skont liema s-sewwieq ikun awtorizzat isuq. Jekk is-sewqan ikun awtorizzat biss għal ċerti tipi ta’ vetturi jew għal vetturi adattati, allura dan għandu jiġi indikat permezz ta’ kodiċi fil-liċenzja.
    • Il-ħruġ ta’ liċenzji huwa soġġett ukoll għal kundizzjonijiet:
      • liċenzji għall-kategoriji C1, C, D1 u D huma biss għal sewwieqa li huma diġà intitolati jsuqu vetturi tal-kategorija B;
      • liċenzji għall-kategoriji BE, C1E, CE, D1E u DE huma biss għal sewwieqa li huma diġà intitolati jsuqu vetturi tal-kategorija B, C1, C, D1 u D rispettivament.
    • L-età minima għall-ħruġ ta’ liċenzji tas-sewqan hija ta’
      • 16-il sena għall-kategoriji AM, A1 (muturi ħfief) u B1 (triċikli u kwadriċikli b’mutur)
      • 18-il sena għall-kategoriji A2, B, BE u C1
      • 21 sena għall-kategoriji C, CE, D1 u D1E
      • 24 sena għall-kategoriji D u DE;
    • L-Istati Membri jistgħu jgħollu jew ibaxxu l-età minima, fi ħdan il-limiti stabbiliti, għal ċerti kategoriji.
    • L-Istati Membri jridu jiżguraw li min japplika għal liċenzja jkollu l-għarfien u l-ħiliet u juri l-imġiba meħtieġa sabiex isuq vettura bil-mutur. Ġeneralment, it-testijiet għal dan il-għan għandhom jinkludu
      • test tat-teorija
      • test tal-ħiliet u l-imġiba.

    L-eżaminaturi tal-liċenzji tas-sewqan

    • Dawn għandu jkollhom kompetenzi minimi għat-test tal-ħiliet u l-imġiba.
    • Dawn huma soġġetti għal reġim ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u għandhom jgħaddu minn taħriġ perjodiku.

    Emendi wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19

    • Minħabba d-diffikultajiet fit-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan b’konsegwenza taċ-ċirkostanzi straordinarji kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, li bdiet mill-1 ta’ Frar 2020 f’xi Stati Membri, ir-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-validità ta’ ċerti liċenzji tas-sewqan għal perjodu ta’ 7 xhur mid-data tal-iskadenza tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-mobilità bit-triq.
    • Meta Stat Membru jqis li t-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan x’aktarx li jibqa’ imprattikabbli wara l-31 ta’ Awwissu 2020, minħabba l-miżuri tiegħu relatati mal-COVID-19, dan għandu jissottometti sal-1 ta’ Awwissu 2020 talba motivata għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu estiżi l-perjodi inkwistjoni.
    • Minħabba l-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19, ir-Regolament (UE) 2021/267 jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji li jikkonċernaw it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698. Il-miżuri huma deskritti hawn taħt.
      • Il-validità tal-liċenzji tas-sewqan li jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 se titqies li tkun estiża għal perjodu ta’ 10 xhur mid-data tal-iskadenza.
      • Il-validità tal-liċenzji tas-sewqan li, bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/698 kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021, se jitqiesu li huma, jew ġew estiżi għal sitt xhur jew sal-1 ta’ Lulju 2021, skont liema hija l-aktar tard.
      • Meta Stat Membru jikkunsidra li t-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan x’aktarx ma jibqgħux prattiċi wara t-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba miżuri li kellhom jittieħdu biex jevitaw jew irażżnu t-tixrid tal-COVID-19, jista’ jissottometti talba motivata għal awtorizzazzjoni biex japplika estensjoni tal-perjodi. Dik it-talba tista’ tikkonċerna l-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 jew il-perjodu ta’ għaxar xhur, jew it-tnejn. Għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Mejju 2021.
      • Jekk ir-rekwiżiti jkunu sodisfatti u l-estensjoni mitluba ma twassalx għal riskji sproporzjonati f’termini tas-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat japplika estensjoni. L-estensjoni għandha tkun limitata biex tirrifletti l-perjodu li matulu t-tiġdid tat-testijiet tal-affidabilità stradali x’aktarx ma jibqgħux prattiċi u, f’kull każ, ma jistax jaqbeż sitt xhur Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
      • Meta Stat Membru ma jkollux għalfejn japplika l-miżuri stipulati fir-Regolament (UE) 2021/267, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan sat-3 ta’ Marzu 2021. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn dwar dan u tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali. Stat Membru f’din is-sitwazzjoni m’għandux jimpedixxi l-attivitajiet transfruntiera ta’ ebda operatur jew individwu li kien jiddependi fuq dawn il-miżuri eċċezzjonali fi Stat Membru ieħor.

    MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

    • Ilha tapplika mid-19 ta’ Jannar 2007 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sad-19 ta’ Jannar 2011.
    • L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tad-direttiva mid-19 ta’ Jannar 2013.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENT EWLIENI

    Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 403, 30.12.2006, pp. 18–60)

    L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/126/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (ĠU L 60, 22.2.2021, pp. 1–20)

    Ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (ĠU L 165, 27.5.2020, pp. 10–24)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1945tal-14 ta’ Ottubru 2016 dwar l-ekwivalenzi bejn kategoriji ta’ liċenzji tas-sewqan (ĠU L 302 9.11.2016, pp. 62–162)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 575/2014 tas-27 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 383/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi fir-rigward ta’ liċenzji tas-sewqan li jinkludu mezzi għall-ħażna (mikroċipp) (ĠU L 159, 28.5.2014, pp. 47–49)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 383/2012 tal-4 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi fir-rigward ta’ liċenzji tas-sewqan li jinkludu mezzi għall-ħażna (mikroċipp) (ĠU L 120, 5.5.2012, pp. 1–11)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 07.07.2021

    Fuq