Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L0890

    Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/890 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT

    ST/7137/2022/INIT

    ĠU L 155, 08/06/2022, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/890/oj

    8.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 155/1


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2022/890

    tat-3 ta’ Ġunju 2022

    li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) twassal għal telf baġitarju konsiderevoli u għandha impatt fuq l-operazzjoni tas-suq intern.

    (2)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tipprevedi li l-Istati Membri jużaw, fuq bażi fakultattiva, il-mekkaniżmu tar-reverse charge (RCM) għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti ta’ oġġetti u servizzi prestabbiliti li huma suxxettibbli għall-frodi, b’mod partikolari l-frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes (MTIC). Dik id-Direttiva tipprevedi wkoll miżura speċjali tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida (MRR), li toffri lill-Istati Membri, f’ċerti kondizzjonijiet stretti, proċedura aktar rapida li tippermetti l-introduzzjoni tal-RCM, li tirriżulta f’reazzjoni aktar adegwata u effettiva għal frodi għall-għarrieda u massiva. Il-perjodu ta’ applikazzjoni taż-żewġ mekkaniżmi jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2022.

    (3)

    Il-Kummissjoni adottat żewġ proposti leġiżlattivi għall-introduzzjoni tas-sistema definittiva tal-VAT, li għandhom l-għan li jipprovdu rispons komprensiv għall-frodi MTIC. Dawk il-proposti, li inizjalment kienu previsti li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2022, għadhom qed jiġu nnegozjati fil-Kunsill u mhuwiex previst li ser jiġu adottati qabel dik id-data jew li jidħlu fis-seħħ dakinhar.

    (4)

    Fir-rapport tagħha tat 8 ta’ Marzu 2018, dwar l-effetti tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva 2006/112/KE dwar il-ġlieda kontra l-frodi, il-Kummissjoni tindika li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ġeneralment iqisu l-RCM bħala għodda temporanja effettiva u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Barra minn hekk, l-Istati Membri qiesu l-MRR bħala għodda utli u miżura ta’ prekawzjoni f’każijiet eċċezzjonali ta’ frodi tal-VAT. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kondizzjonijiet legali jew il-prattikalitajiet għall-applikazzjoni tal-RCM fis-sistema tal-VAT tal-UE ma nbidlux. Barra minn hekk, id-Direttiva 2006/112/KE ma ġietx emendata b’mod sinifikanti sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-frodi MTIC b’mod aktar strutturali. Għalhekk, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li s-sejbiet u l-konsiderazzjonijiet fir-rapport għadhom fil-biċċa l-kbira validi.

    (5)

    Għaldaqstant jidher li l-RCM u l-MRR kienu utli bħala miżuri temporanji u mmirati. L-iskadenza tagħhom iċċaħħad lill-Istati Membri minn għodod effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-RCM u tal-MRR jiġi estiż għal perjodu ta’ żmien limitat ieħor biex ikunu jistgħu jsiru n-negozjati fil-Kunsill rigward is-sistema definittiva tal-VAT, u biex ikun jista’ jitkompla l-iżvilupp ta’ għodod biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u ta’ regoli ta’ rapportar modernizzati li sadattant jiġu adottati.

    (6)

    Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri, iż-żamma ta’ għodod effiċjenti għall-ġlieda kontra l-frodi, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 199a huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Sal-31 ta’ Diċembru 2026, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsiru kwalunkwe provvista minn dawn li ġejjin:”;

    (b)

    il-paragrafi 3, 4 u 5 huma mħassra;

    (2)

    fl-Artikolu 199b, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Il-miżura speċjali tal-MRR kif prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2026.”.

    Artikolu 2

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. RIESTER


    (1)  Opinjoni tat-3 ta’ Mejju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tat-23 ta’ Marzu 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).


    Top