This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D1212(01)
Commission Decision of 7 December 2022 setting up a Commission expert group on public health and repealing Commission Decision setting up a Commission expert group ‘Steering Group on Health Promotion, Disease Prevention and Management of Non-Communicable Diseases’ (Text with EEA relevance) 2022/C 471/08
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar is-saħħa pubblika u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli” (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 2022/C 471/08
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar is-saħħa pubblika u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli” (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 2022/C 471/08
C/2022/8816
ĠU C 471, 12/12/2022, p. 8–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 471/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-7 ta’ Diċembru 2022
li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar is-saħħa pubblika u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli”
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2022/C 471/08)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 168(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politiki nazzjonali, jenħtieġ li tindirizza t-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali, u l-evitar tas-sorsi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali. Skont l-Artikolu 168(2) tat-Trattat, l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, huma meħtieġa jikkoordinaw bejniethom il-politiki u l-programmi tagħhom fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu. Il-Kummissjoni tista’, f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu kwalunkwe inizjattiva utli biex tippromwovi din il-koordinazzjoni, b’mod partikolari inizjattivi li jimmiraw l-istabbiliment ta’ linji gwida u indikaturi u l-organizzazzjoni ta’ skambju tal-aħjar prattika. |
(2) |
L-esperjenza u r-riżultati miksuba permezz tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli” wrew li l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż tal-mard mhux komunikabbli fl-Unjoni billi tikkondividi u timplimenta l-aħjar prattiki u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-azzjoni. |
(3) |
F’dak il-grupp ta’ esperti, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżviluppa azzjonijiet u politiki li jistgħu jappoġġawhom fil-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, u b’mod partikolari l-għan ta’ żvilupp sostenibbli 3 “Jiġu żgurati ħajjiet f’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età”. Din il-ħidma hija f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà (1). L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli se jkomplu jipprovdu d-direzzjoni għal azzjonijiet dwar is-saħħa pubblika. |
(4) |
Sa mit-twaqqif ta’ dak il-grupp ta’ esperti, l-Unjoni ilha tiffaċċja sfidi oħra importanti għas-saħħa pubblika, bħal dawk relatati ma’ mard komunikabbli inkluż l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-epatite kif ukoll sfidi relatati li jikkonċernaw it-tilqim u r-reżistenza għall-antimikrobiċi. Għalhekk, hemm bżonn li l-koordinazzjoni ma tibqax limitata għall-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-ġestjoni tal-mard li mhux komunikabbli, iżda jenħtieġ li tiġi estiża wkoll għal dawn l-isfidi ġodda importanti għas-saħħa pubblika. |
(5) |
Jenħtieġ li l-missjoni ta’ grupp ta’ esperti ġdid tikkomplementa l-ħidma tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bid-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), billi tappoġġa aktar l-iskambju u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki. |
(6) |
Il-grupp ta’ esperti l-ġdid dwar is-saħħa pubblika se jaħdem fuq oqsma li ma jikkoinċidux mal-ħidma tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE. Il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa jaġixxi fuq it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet filwaqt li l-grupp ta’ esperti l-ġdid dwar is-saħħa pubblika se jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-politika u t-trasferiment tal-aħjar prattiki relatati mal-isfidi ewlenin tas-saħħa pubblika, inkluż il-mard li mhux komunikabbli kif ukoll il-mard komunikabbli bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-epatite, it-tilqim u r-reżistenza għall-antimikrobiċi, sabiex tiġi promossa l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. |
(7) |
Minħabba l-ambitu usa’ tal-attivitajiet li jmur lil hinn mill-grupp ta’ esperti attwali, li jiffoka biss fuq il-mard mhux komunikabbli, huwa meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti ġdid fil-qasam tas-saħħa pubblika u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 dwar l-istabbiliment ta’ regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjoni tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-ambitu ta’ dan il-grupp ta’ esperti jiġi estiż għal dawn l-isfidi tas-saħħa pubblika u mhux limitat għall-mard mhux komunikabbli biss. |
(8) |
Jenħtieġ li l-grupp ikun magħmul mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. |
(9) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni minn membri tal-grupp. |
(10) |
Jenħtieġ li d-data personali tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), li japplika għall-Istati Membri. |
(11) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli (4) titħassar u li dan il-grupp jiġi sostitwit mill-grupp il-ġdid stabbilit f’din id-deċiżjoni attwali, sabiex jiġu żviluppati azzjonijiet u inizjattivi, tiġi promossa l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-saħħa pubblika fl-Unjoni, bħal dawk relatati mal-mard komunikabbli inkluż l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-epatite kif ukoll l-isfidi relatati inkluż it-tilqim u r-reżistenza għall-antimikrobiċi u ma tkunx limitata għall-mard mhux komunikabbli biss. |
(12) |
Jixraq li jiġi ffissat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li jenħtieġ li jkun ta’ 5 snin. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra fi żmien debitu l-ħtieġa għal estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni, wara evalwazzjoni tal-funzjonijiet u r-riżultati tal-Grupp ta’ esperti dwar is-saħħa pubblika. |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett
Jitwaqqaf il-grupp ta’ esperti dwar is-saħħa pubblika (“il-grupp”).
Artikolu 2
Kompiti
Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:
(a) |
li jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ inizjattivi u attivitajiet ta’ politika u leġiżlattivi li jindirizzaw l-isfidi ewlenin tas-saħħa pubblika, inkluż il-mard mhux komunikabbli kif ukoll il-mard komunikabbli. |
(b) |
li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-teħid ta’ kwalunkwe inizjattiva utli mmirata lejn l-istabbiliment ta’ linji gwida u indikaturi, l-organizzazzjoni ta’ skambju tal-aħjar prattiki promettenti u innovattivi, u riżultati ta’ riċerka li jistgħu jiġu implimentati fil-qasam tas-saħħa pubblika u s-sistemi tas-saħħa għat-trasferiment bejn l-Istati Membri. |
(c) |
li jipprovdi pariri dwar politiki jew azzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-mard komunikabbli, fuq talba tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa jista’ jindika lill-Kummissjoni oqsma fejn il-parir tal-grupp ta’ esperti huwa meħtieġ biex jippromwovi l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, biex jippromwovi l-iffissar tal-prijoritajiet u joħloq sinerġiji bejn l-oqsma ta’ politika rilevanti li għandhom impatt fuq is-saħħa pubblika; l-aġenziji rilevanti tal-UE jistgħu jintalbu wkoll jipprovdu pariri u informazzjoni fir-rigward tal-oqsma ta’ kompetenza tagħhom. |
Artikolu 3
Konsultazzjoni
Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-saħħa pubblika.
Artikolu 4
Sħubija
Il-membri tal-grupp għandhom ikunu magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li għandhom jinnominaw rappreżentanti permanenti fil-grupp jew sottogrupp ta’ esperti jew jaħtru rappreżentanti fuq bażi apposta, skont l-aġenda tal-laqgħa tal-grupp. Huma għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert rilevanti għall-kompiti tal-grupp, jiġifieri fis-saħħa pubblika.
Artikolu 5
President
Il-grupp għandu jiġi presedut minn rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (SANTE).
Artikolu 6
Funzjonament
1. Il-grupp għandu jaġixxi fuq talba tad-DĠ SANTE, f’konformità mar-regoli orizzontali li jirregolaw il-ħolqien u l-funzjonament ta’ gruppi ta’ esperti u l-ħolqien ta’ reġistru pubbliku ta’ dawn il-gruppi (5).
2. Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-grupp għandhom isiru f’bini tal-Kummissjoni jew virtwalment, skont iċ-ċirkostanzi.
3. Id-DĠ SANTE għandu jipprovdi s-servizzi segretarjali. Jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu uffiċjali tal-Kummissjoni minn dipartimenti oħrajn li jkollhom interess fil-proċedimenti.
4. Bi qbil mad-DĠ SANTE, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, il-grupp jista’ jiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.
5. Il-minuti tad-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u tal-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-Segretarjat taħt ir-responsabbilità tal-President.
6. Sa fejn ikun possibbli, il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens. F’każ ta’ votazzjoni, l-eżitu tal-votazzjoni għandu jiġi deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra jew li jkunu astjenew għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti.
Artikolu 7
Sottogruppi
1. Id-DĠ SANTE jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza ddefiniti mid-DĠ SANTE. Is-sottogruppi għandhom jiffunzjonaw f’konformità mar-regoli orizzontali u għandhom jirrapportaw lura lill-grupp. Dawn għandhom jiġu xolti malli jintlaħaq l-għan tal-mandat tagħhom.
2. Is-sottogruppi dwar il-kanċer, il-mard mhux komunikabbli u ċ-ċentri tat-terapija tal-protoni li ġew stabbiliti taħt il-“Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli” u li għadhom jiffunzjonaw fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, jenħtieġ li jkomplu bħala sottogruppi anke taħt il-“Grupp ta’ esperti dwar is-saħħa pubblika”.
Artikolu 8
Esperti mistiedna
Id-DĠ SANTE jista’ jistieden esperti minn DĠs u entitajiet oħra tal-UE kif ukoll esperti b’għarfien speċifiku dwar suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogruppi fuq bażi apposta.
Artikolu 9
Osservaturi
1. L-entitajiet pubbliċi għajr awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, f’konformità mar-regoli orizzontali tal-Kummissjoni, bi stedina diretta.
2. L-entitajiet pubbliċi maħtura bħala osservaturi għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom fil-grupp jew sottogrupp ta’ esperti rilevanti.
3. L-osservaturi u rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu u biex jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma għandux ikollhom id-dritt tal-vot u ma għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ pariri tal-grupp.
Artikolu 10
Regoli ta’ proċedura
Fuq proposta mid-DĠ SANTE u bi qbil miegħu, il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, abbażi tar-regoli proċedurali standard għall-gruppi ta’ esperti, f’konformità mar-regoli orizzontali. Is-sottogruppi għandhom jiffunzjonaw f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-grupp.
Artikolu 11
Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni klassifikata
Il-Membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-esperti u l-osservaturi li jiġu mistiedna huma marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali, li bis-saħħa tat-Trattati u r-regoli li jimplimentawhom japplikaw għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom. Huma marbuta wkoll bir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (6) u 2015/444 (7). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.
Artikolu 12
Trasparenza
1. Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”).
2. Id-data li ġejja dwar il-kompożizzjoni tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:
(a) |
l-ismijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri; |
(b) |
l-ismijiet ta’ entitajiet pubbliċi oħrajn; |
(c) |
l-isem tal-entità pubblika li lilha ngħata l-istatus ta’ osservatur |
3. Id-dokumenti rilevanti kollha, inklużi l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli permezz ta’ link mir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti għal sit web apposta fejn tinsab din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti elettroniċi apposta ma għandux ikun sottomess għal reġistrazzjoni tal-utent jew għal restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti oħra ta’ sfond rilevanti għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni fil-ħin tal-minuti. L-eċċezzjonijiet (8) għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu possibbli biss meta d-divulgazzjoni ta’ xi dokument iddgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
Artikolu 13
Spejjeż tal-laqgħat
1. Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp u tass-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-baġit disponibbli allokat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 14
Tħassir
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (10) li twaqqaf il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni ta’ Mard Mhux Komunikabbli” u li tħassar id-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-mard rari u d-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer hija b’dan imħassra.
Artikolu 15
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal 5 snin mid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà (COM(2016) 739 final, 22 ta’ Novembru 2016).
(2) Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2018 li twaqqaf il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni ta’ Mard Mhux Komunikabbli” u li tħassar id-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-mard rari u d-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer (ĠU C 251, 18.7.2018, p. 9).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(8) Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsuba biex jipproteġu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċedimenti tal-qorti u l-konsulenza ġuridika, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditi u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4492.