EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1163

Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom

ĠU L 253, 16/07/2021, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1163/oj

16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 253/1


REGOLAMENT (UE, Euratom) 2021/1163 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-24 ta’ Ġunju 2021

li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom

IL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 228(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari il-punt (d) tal-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 228 tiegħu, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

(2)

Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew (3) ġiet emendata l-aħħar fl-2008. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b’regolament adottat abbażi tal-Artikolu 228(4) tat-TFUE.

(3)

L-Artikolu 41 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-Artikolu 43 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jirreferi lill-Ombudsman Ewropew każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni. Sabiex ikun żgurat li dawk id-drittijiet huma effettivi u sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ombudsman biex iwettaq inkjesti bir-reqqa u b’mod imparzjali, u b’hekk tiġi sostnuta l-indipendenza tal-Ombudsman li fuqha jiddependu t-tnejn li huma, jenħtieġ li l-Ombudsman jingħata l-għodod kollha meħtieġa biex iwettaq b’suċċess id-dmirijiet tal-Ombudsman imsemmija fit-Trattati u f’dan ir-Regolament.

(4)

L-istabbiliment tal-kundizzjonijiet skont liema jista’ jitressaq ilment lill-Ombudsman jenħtieġ li jikkonforma mal-prinċipju ta’ aċċess sħiħ, liberu u faċli, b’kunsiderazzjoni xierqa tingħata lir-restrizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw minn proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi.

(5)

L-Ombudsman jenħtieġ li jaġixxi b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni li huma s-soġġetti tal-inkjesti tiegħu.

(6)

Huwa meħtieġ li fejn l-inkjesti tal-Ombudsman jiżvelaw każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti. -Jenħtieġ li l-Ombudsman jissottometti rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew fl-aħħar ta’ kull sessjoni annwali. L-Ombudsman jenħtieġ li jkun intitolat ukoll li f’dak ir-rapport annwali, jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula.

(7)

Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman u jiġu promossi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni, ikun tajjeb li l-Ombudsman, mingħajr preġudizzju għad-dmir primarju tiegħu, li huwa li jittratta l-ilmenti, iwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b’mod partikolari f’każijiet ripetuti, sistemiċi jew partikolarment serji ta’ amministrazzjoni ħażina.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jenħtieġ li japplika għal talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Ombudsman, bl-eċċezzjoni ta’ dawk miksuba matul inkjesta, li f’liema każ it-talbiet jenħtieġ li jiġu ttrattati mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni tal-oriġini.

(9)

L-Ombudsman jenħtieġ li jingħata aċċess għall-elementi kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijietu. Għal dak il-għan, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni li huwa jitlob għall-finijiet ta’ inkjesta. Meta l-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman ikun jirrikjedi li l-Ombudsman jingħata informazzjoni kklassifikata miżmuma mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jaċċessa tali informazzjoni, soġġett għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tagħha.

(10)

Jenħtieġ li l-Ombudsman u l-persunal tiegħu jkunu fid-dmir li jittrattaw b’kunfidenzjalità kwalunkwe informazzjoni li jkunu kisbu fil-qadi ta’ dmirijiethom; mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jinforma lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-fatti li jista’ jkollhom x’jaqsmu ma’ reati kriminali u li jkun sar jaf bihom waqt inkjesta. Barra minn hekk, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernati dwar il-fatti li jqajmu dubju dwar l-imġiba ta’ membru tal-persunal tagħhom. L-obbligu tal-Ombudsman li jittratta b’mod kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni miksuba fil-qadi ta’ dmirijietu jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jwettaq xogħlu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ skont l-Artikolu 15(1) tat-TFUE. B’mod partikolari, sabiex iwettaq dmirijietu kif xieraq u sabiex jappoġġja s-sejbiet tiegħu, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jirreferi fir-rapporti tiegħu għal kwalunkwe informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.

(11)

Fejn ikun meħtieġ għat-twettiq effettiv ta’ dmirijietu, l-Ombudsman jenħtieġ li jingħata l-possibbiltà li jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, u ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

(12)

L-Ombudsman jenħtieġ li jiġi elett mill-Parlament Ewropew fil-bidu tal-leġiżlatura u għat-tul ta’ żmien tagħha, magħżul minn fost il-persuni li huma ċittadini tal-Unjoni u li joffru l-garanziji meħtieġa kollha ta’ indipendenza u kompetenza. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġenerali fost l-oħrajn dwar il-waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman, is-sostituzzjoni tal-Ombudsman, għall-inkompatibbiltajiet, ir-remunerazzjoni tal-Ombudsman u l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Ombudsman.

(13)

Jenħtieġ li jiġi speċifikat li s-sede tal-Ombudsman jenħtieġ li tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminat bil-punt (a) tal-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 6 dwar il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi, uffiċċji, aġenziji u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (il-“Protokoll Nru 6”).

(14)

L-Ombudsman jenħtieġ li jikseb parità bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tas-segretarjat tiegħu, billi jagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (6) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

(15)

Huwa f’idejn l-Ombudsman li jadotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan ir-Regolament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ opinjoni minn dawn l-istituzzjonijiet fil-perjodu ta’ żmien stabbilit b’mod raġonevoli mill-Ombudsman minn qabel, huwa jista’ jadotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni kkonċernati. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u l-ogħla standards fil-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman, jenħtieġ li l-kontenut minimu tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati jiġi stabbilit f’dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u prinċipji

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew).

2.   L-Ombudsman għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu u għandu jaġixxi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

3.   L-Ombudsman għandu jgħin biex jiżvela amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-punt (d) tal-Artikolu 20(2), u l-Artikolu 228 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

L-ebda azzjoni minn xi awtorità jew persuna oħra ma tista’ tkun is-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman.

4.   Fejn xieraq, l-Ombudsman għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, proposti għal soluzzjonijiet u suġġerimenti għal titjib biex tiġi indirizzata l-kwistjoni.

5.   Fil-qadi ta’ dmirijietu, l-Ombudsman ma jistax jikkontesta l-korrettezza ta’ deċiżjoni ta’ qorti jew il-kompetenza ta’ qorti li toħroġ deċiżjoni.

Artikolu 2

Ilmenti

1.   Kull ċittadin tal-Unjoni jew persuna ġuridika jew naturali li tirrisjedi jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru tista’, direttament jew permezz ta’ membru tal-Parlament Ewropew, tressaq ilment lill-Ombudsman rigward amministrazzjoni ħażina.

2.   Ilment għandu jagħmel referenza ċara għas-suġġett tiegħu u għall-identità tal-ilmentatur. Ilmentatur jista’ jitlob li l-ilment, jew partijiet minnu, jibqgħu kunfidenzjali.

3.   Ilment għandu jitressaq fi żmien sentejn mid-data meta l-ilmentatur ikun sar jaf bil-fatti li fuqhom huwa bbażat l-ilment. Qabel ma jitressaq l-ilment, l-ilmentatur għandu jagħmel il-passi amministrattivi xierqa fir-rigward tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija kkonċernata.

4.   L-Ombudsman għandu jirrifjuta lment bħala inammissibbli jekk ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman jew jekk ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ma jkunux issodisfati. Meta lment ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman, huwa jista’ jagħti parir lill-ilmentatur biex jindirizzah lil awtorità oħra.

5.   Jekk l-Ombudsman isib li l-ilment huwa manifestament infondat, huwa għandu jagħlaq il-fajl u jinforma lill-ilmentatur dwar dik is-sejba. F’każijiet fejn l-ilmentatur ikun informa lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar l-ilment, l-Ombudsman għandu jinforma wkoll lill-awtorità kkonċernata.

6.   L-ilmenti li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet industrijali bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-persunal tagħhom għandhom ikunu ammissibbli biss jekk il-persuna kkonċernata tkun eżawriet il-proċeduri amministrattivi interni kollha, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tkun ħadet deċiżjoni jew il-limiti ta’ żmien għat-tweġiba tagħha jkunu skadew. L-Ombudsman għandu jkun intitolat ukoll li jivverifika l-miżuri adottati mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiżgura l-protezzjoni tal-allegati vittmi ta’ fastidju u biex jerġa’ jkun hemm ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur li jirrispetta d-dinjità tal-persuni kkonċernati waqt li tkun għaddejja inkjesta amministrattiva, dment li l-persuni kkonċernati jkunu eżawrew il-proċeduri amministrattivi interni fir-rigward ta’ dawn il-miżuri.

7.   L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar ilment, malli dak l-ilment ikun ġie ddikjarat ammissibbli u tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta.

8.   L-ilmenti mressqa lill-Ombudsman ma għandhomx jaffettwaw il-limiti ta’ żmien sabiex jiġu ppreżentati appelli fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji.

9.   Fejn, minħabba proċeduri ġudizzjarji li jkunu għaddejjin jew ikunu ġew konklużi rigward il-fatti ppreżentati, l-Ombudsman jiddikjara li lment ikun inammissibbli jew jiddeċiedi li jieqaf jikkunsidrah, l-eżitu ta’ kwalunkwe inkjesta li l-Ombudsman ikun għamel sa dak iż-żmien għandu jiddaħħal f’fajl u dak il-fajl għandu jingħalaq.

10.   L-Ombudsman għandu malajr kemm jista’ jkun jinforma lill-ilmentatur dwar l-azzjoni meħuda rigward l-ilment u, sa fejn ikun possibbli, ifittex soluzzjoni mal-istituzzjoni, mal-korp, mal-uffiċċju jew mal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiġi eliminata l-amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar is-soluzzjoni proposta flimkien mal-kummenti, jekk ikun hemm, tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata. L-ilmentatur jista’ jissottometti kummenti jew jipprovdi, fi kwalunkwe stadju, informazzjoni addizzjonali li ma kinitx magħrufa fil-mument tas-sottomissjoni tal-ilment.

Meta tinstab soluzzjoni aċċettata mill-ilmentatur u mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, l-Ombudsman jista’ jagħlaq il-fajl mingħajr ma jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 4.

Artikolu 3

Inkjesti

1.   F’konformità ma’ dmirijietu, l-Ombudsman għandu jwettaq inkjesti li għalihom isib raġunijiet, fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara lment.

2.   L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata minn tali inkjesti mingħajr dewmien żejjed. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tista’, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Ombudsman, tippreżenta kwalunkwe kumment jew evidenza utli.

3.   L-Ombudsman jista’ jwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b’mod partikolari f’każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina ripetuta, sistemika jew partikolarment serja sabiex jiġu indirizzati dawk il-każijiet bħala kwistjoni ta’ interess pubbliku. Fil-kuntest ta’ inkjesti bħal dawn, huwa jista’ wkoll jagħmel proposti u inizjattivi biex jippromwovi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 4

Interazzjoni bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet

1.   Meta, wara inkjesta, jinstabu każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina, l-Ombudsman għandu jinforma, mingħajr dewmien żejjed, lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata bis-sejbiet tal-inkjesta u, fejn xieraq, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet.

2.   L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata għandha tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur. L-Ombudsman jista’, fuq talba motivata tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, jagħti estensjoni ta’ dik l-iskadenza. Dik l-iskadenza ma għandhiex tkun itwal minn xahrejn. Fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata sal-iskadenza oriġinali ta’ tliet xhur jew sal-iskadenza estiża, l-Ombudsman jista’ jagħlaq l-inkjesta mingħajr tali opinjoni.

3.   Meta tingħalaq inkjesta, l-Ombudsman għandu jibgħat rapport lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u, meta n-natura jew id-daqs tal-każ ta’ amministrazzjoni ħażina li jkun skopra jirrikjedi dan, lill-Parlament Ewropew. L-Ombudsman jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rapport. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar l-eżitu tal-inkjesta, l-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport.

4.   Fejn ikun xieraq fir-rigward ta’ inkjesta dwar l-attivitajiet ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, l-Ombudsman jista’ jinstema’ quddiem il-Parlament Ewropew, fil-livell xieraq, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Parlament Ewropew.

5.   Fi tmiem kull sessjoni annwali, l-Ombudsman għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-inkjesti mwettqa minnu. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet, mal-proposti għal soluzzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman għal titjib. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll, fejn rilevanti, l-eżitu tal-inkjesti tal-Ombudsman relatati ma’ fastidju, żvelar ta’ informazzjoni protetta u kunflitti ta’ interess fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji jew fl-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 5

Għoti ta’ informazzjoni lill-Ombudsman

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “l-għoti ta’ informazzjoni” jinkludi l-mezzi fiżiċi u elettroniċi kollha li bihom l-Ombudsman u s-segretarjat tiegħu jingħataw aċċess għall-informazzjoni, inklużi dokumenti, indipendentement mill-forma tagħha.

2.   “Informazzjoni klassifikata tal-UE” tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul mill-klassifikazzjoni ta’ sigurtà tal-UE, li d-divulgazzjoni mhux awtorizzata tiegħu tista’ tikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni jew għal dawk ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

3.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Ombudsman jew fuq inizjattiva tagħhom stess, u mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lill-Ombudsman kwalunkwe informazzjoni li jkun talab għall-finijiet ta’ inkjesta.

4.   L-Ombudsman għandu jingħata informazzjoni klassifikata tal-UE għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni li tipprovdi l-informazzjoni klassifikata tal-UE trid tkun lestiet il-proċeduri interni rilevanti tagħha u, meta l-oriġinatur ikun parti terza, din tal-aħħar trid tkun tat l-approvazzjoni tagħha bil-miktub minn qabel;

(b)

il-ħtieġa tal-għarfien tal-Ombudsman trid tkun ġiet stabbilita;

(c)

irid jkun żgurat li l-aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla jingħata biss lil persuni li jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà għal-livell ta’ sigurtà rilevanti f’konformità mad-dritt nazzjonali u awtorizzati mill-awtorità ta’ sigurtà kompetenti.

5.   Għall-għoti ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata tal-Unjoni għandha tivvaluta jekk l-Ombudsman ikunx effettivament stabbilixxa regoli ta’ sigurtà interna kif ukoll miżuri fiżiċi u proċedurali biex tiġi protetta informazzjoni klassifikata tal-UE. Għal dan il-għan, l-Ombudsman u istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jistgħu jidħlu wkoll f’arranġament li jistabbilixxi qafas ġenerali li jirregola l-għoti ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

6.   F’konformità mal-paragrafi 4 u 5, l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandu jiġi pprovdut fil-bini tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Ombudsman.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni koperta mil-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata jew mid-dispożizzjonijiet li jipprevjenu l-komunikazzjoni tagħha.

Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jipprovdi tali informazzjoni lill-Ombudsman soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti tiegħu.

8.   Fejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu beħsiebhom jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni klassifikata tal-UE jew kwalunkwe informazzjoni oħra li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, huma għandhom jagħtu lill-Ombudsman notifika minn qabel.

L-Ombudsman għandu jiżgura li tali informazzjoni tkun protetta b’mod adegwat u b’mod partikolari ma għandux jiżvela din l-informazzjoni lill-ilmentatur jew lill-pubbliku mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fir-rigward tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, l-approvazzjoni għandha tingħata bil-miktub.

9.   L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni li jiċħdu l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandhom jipprovdu lill-Ombudsman ġustifikazzjoni bil-miktub, li tindika, bħala minimu, ir-raġunijiet għar-rifjut.

10.   L-Ombudsman għandu jżomm fil-pussess tiegħu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 biss sakemm l-inkjesta tingħalaq b’mod definittiv.

L-Ombudsman jista’ jitlob lil istituzzjoni, lil korp, lil uffiċċju jew lil aġenzija tal-Unjoni, jew lil Stat Membru, biex iżomm tali informazzjoni għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin.

11.   Jekk l-assistenza mitluba ma tkunx disponibbli meta tkun meħtieġa, l-Ombudsman għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi kif xieraq.

Artikolu 6

Aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Ombudsman

L-Ombudsman għandu jittratta t-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk miksuba matul inkjesta u miżmuma mill-Ombudsman għad-durata ta’ dik l-inkjesta jew wara l-għeluq tagħha, f’konformità mal-kundizzjonijiet u l-limiti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

Artikolu 7

Smigħ ta’ uffiċjali u aġenti oħra

1.   L-uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni għandhom, fuq talba tal-Ombudsman, jinstemgħu, rigward il-fatti li jkollhom x’jaqsmu ma’ inkjesta li jkun qed jagħmel l-Ombudsman.

2.   Dawk l-uffiċjali u aġenti oħra għandhom jitkellmu f’isem l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tagħhom. Huma għandhom jibqgħu marbuta mal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli li jkunu soġġetti għalihom.

Artikolu 8

Inkjesti fil-kuntest tal-iżvelar ta’ informazzjoni protetta

1.   L-Ombudsman jista’ jwettaq inkjesta biex jiżvela każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta’ informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu ġew divulgati lilu minn uffiċjal jew minn aġent ieħor f’konformità mar-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

2.   F’każijiet bħal dawn, l-uffiċjal jew aġent ieħor għandu jibbenefika mill-protezzjoni offruta mir-Regolamenti tal-Persunal kontra kwalunkwe effett ta’ preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni bħala riżultat tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni.

3.   L-Ombudsman jista’ jinvestiga wkoll jekk kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta’ tali każ mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-uffiċjal jew ta’ aġent ieħor ikkonċernat.

Artikolu 9

Segretezza professjonali

1.   L-Ombudsman u l-persunal tiegħu ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni jew dokumenti li jiksbu matul l-inkjesta. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, huma ma għandhom, b’mod partikolari, jiddivulgaw l-ebda informazzjoni klassifikata tal-UE jew dokument intern tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni pprovduti lill-Ombudsman jew dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Huma ma għandhomx jiddivulgaw lanqas kwalunkwe informazzjoni li tista’ tagħmel ħsara lid-drittijiet tal-ilmentatur jew ta’ kwalunkwe persuna oħra involuta.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali ta’ rapportar tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji kollha tal-Unjoni lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jekk il-fatti li jiġu magħrufa waqt inkjesta tal-Ombudsman jistgħu jikkostitwixxu jew ikunu relatati ma’ reat kriminali, l-Ombudsman għandu jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, sa fejn il-każ jaqa’ fil-kompetenzi rispettivi tagħhom lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (8) u lill-OLAF.

3.   Jekk ikun il-każ, u bil-ftehim tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jew tal-OLAF, l-Ombudsman għandu jinnotifika wkoll lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni b’awtorità fuq l-uffiċjal jew fuq aġent ieħor ikkonċernat, li tista’ tibda l-proċeduri xierqa.

Artikolu 10

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet, mal-korpi, mal-uffiċċji u mal-aġenziji tal-Unjoni

1.   Fejn ikun meħtieġ għall-qadi ta’ dmirijietu, l-Ombudsman jista’ jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli.

2.   Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dmirijietu, l-Ombudsman jista’ jikkoopera wkoll ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari ma’ dawk inkarigati mill-promozzjoni u mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Ombudsman għandu jevita kwalunkwe duplikazzjoni jew sovrappożizzjoni mal-attivitajiet ta’ dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.

3.   Il-komunikazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha ssir permezz tar-rappreżentanzi permanenti tagħhom għall-Unjoni, ħlief meta r-rappreżentanza permanenti kkonċernata taqbel li s-segretarjat tal-Ombudsman jista’ jikkuntattja direttament lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 11

Elezzjoni tal-Ombudsman

1.   L-Ombudsman għandu jiġi elett, u eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid, f’konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE minn kandidati magħżula wara proċedura trasparenti.

2.   Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal nomini f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Ombudsman għandu jintgħażel minn persuni li:

huma ċittadini tal-Unjoni,

igawdu minn drittijiet ċivili u politiċi sħaħ,

joffru kull garanzija ta’ indipendenza,

jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex f’pajjiżhom iwettqu l-ogħla funzjonijiet ġuridiċi jew ikollhom il-kompetenza u l-kwalifiki meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi mistennija mill-Ombudsman, u

ma kinux membri ta’ gvernijiet nazzjonali jew membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, jew tal-Kummissjoni Ewropea fi żmien sentejn qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għan-nomini.

Artikolu 12

Waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman

1.   L-Ombudsman għandu jieqaf jeżerċita d-dmirijiet jew fl-aħħar tal-mandat tiegħu jew meta jirriżenja jew jitkeċċa.

2.   Ħlief fil-każ ta’ tkeċċija, l-Ombudsman għandu jibqa’ fil-kariga sakemm jinħatar Ombudsman ġdid.

3.   F’każ ta’ terminazzjoni qabel il-waqt, l-Ombudsman il-ġdid għandu fi żmien tliet xhur minn meta l-kariga ssir vakanti, jiġi elett għall-bqija ta’ dak il-mandat tal-Parlament Ewropew. Sakemm jinħatar Ombudsman ġdid, l-uffiċjal prinċipali msemmi fl-Artikolu 16(2) għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet urġenti li jaqgħu taħt id-dmirijiet tal-Ombudsman.

Artikolu 13

It-tneħħija

Meta l-Parlament Ewropew ikollu l-intenzjoni li jitlob it-tkeċċija tal-Ombudsman f’konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE, huwa għandu jisma’ lill-Ombudsman qabel ma jagħmel talba bħal din.

Artikolu 14

L-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman

1.   Fit-twettiq tad-dmirijiet, l-Ombudsman għandu jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 228(3) tat-TFUE. L-Ombudsman ma għandux jagħmel atti li jkunu inkompatibbli man-natura ta’ dawk id-dmirijiet.

2.   Meta jieħu l-kariga, l-Ombudsman għandu jagħmel impenn solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li se jwettaq id-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f’dan ir-Regolament b’indipendenza u imparzjalità kompluta u li se jirrispetta l-obbligi li jirriżultaw matul u wara l-mandat tiegħu. L-impenn solenni għandu b’mod partikolari jinkludi d-dmir li jġib ruħu b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji wara t-tmiem tal-mandat.

3.   Tul iż-żmien tal-Ombudsman fil-kariga, l-Ombudsman ma jista’ jeżerċita l-ebda funzjoni politika jew amministrattiva oħra, jew kwalunkwe kariga oħra, la bi ħlas u lanqas mingħajru.

Artikolu 15

Remunerazzjoni, privileġġi u immunitajiet

1.   L-Ombudsman għandu jkollu l-istess remunerazzjoni, allowances u pensjoni bħal dawk tal-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom japplikaw għall-Ombudsman u għall-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tiegħu.

Artikolu 16

Is-Segretarjat tal-Ombudsman

1.   L-Ombudsman għandu jingħata baġit adegwat, biżżejjed biex jiżgura l-indipendenza tal-Ombudsman u t-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

2.   L-Ombudsman għandu jiġi assistit minn segretarjat. L-Ombudsman għandu jaħtar l-uffiċjal prinċipali tas-segretarjat.

3.   L-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tal-Ombudsman għandhom ikunu soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal. In-numru tal-membri tal-persunal tas-segretarjat għandu jiġi adottat kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.

4.   Meta l-uffiċjali tal-Unjoni jiġu ssekondati mas-segretarjat tal-Ombudsman, dak is-sekondar għandu jitqies bħala sekondar fl-interessi tas-servizz f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 u l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 17

Is-sede tal-Ombudsman

Is-sede tal-Ombudsman għandha tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminata bil-punt (a) tal-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 6.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

L-Ombudsman għandu jadotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan ir-Regolament, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Dawk għandhom ikunu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u għandhom, bħala minimu, jinkludu tal-inqas dispożizzjonijiet dwar:

(a)

id-drittijiet proċedurali tal-ilmentatur u tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata;

(b)

il-wasla, l-ipproċessar u l-għeluq ta’ lmenti;

(c)

l-inkjesti fuq inizjattiva proprja; u

(d)

l-inkjesti ta’ segwitu.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet finali

1.   Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom hija mħassra.

2.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI


(1)  Approvazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(6)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


Top