This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R0840
Regulation (EU) 2021/840 of the European Parliament and of the Council of 20 May 2021 establishing an exchange, assistance and training programme for the protection of the euro against counterfeiting for the period 2021-2027 (the ‘Pericles IV’ programme), and repealing Regulation (EU) No 331/2014
Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014
Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014
PE/29/2021/INIT
ĠU L 186, 27/05/2021, p. 1–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
27.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 186/1 |
REGOLAMENT (UE) 2021/840 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Mejju 2021
li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
L-Unjoni u l-Istati Membri intrabtu bl-objettiv li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala munita unika. Dawk il-miżuri jinkludu l-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata biex tiġi żgurata l-effettività tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi assigurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (3) jipprevedi skambji ta’ informazzjoni, kooperazzjoni u assistenza reċiproka, u b’ hekk jistabbilixxi qafas armonizzat għall-protezzjoni tal-euro. L-effetti ta’ dak ir-Regolament ġew estiżi bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 (4) għal dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom, sabiex jiġi pprovdut livell ta’ protezzjoni ekwivalenti tal-euro madwar l-Unjoni. |
(3) |
L-azzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu l-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ persunal, l-assistenza teknika u xjentifika u t-taħriġ speċjalizzat jgħinu b’mod sinifikanti biex jipproteġu l-munita unika tal-Unjoni kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata u għalhekk biex jintlaħaq livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni, filwaqt li tintwera l-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza l-kriminalità organizzata serja. Tali azzjonijiet jistgħu jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż il-ħasil tal-flus. |
(4) |
Programm għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar jikkontribwixxi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li jżid il-fiduċja tagħhom f’dik il-munita u jtejjeb il-protezzjoni tal-euro, speċjalment permezz tad-disseminazzjoni kontinwa tar-riżultati ta’ azzjonijiet appoġġati minn dak il-programm. |
(5) |
Il-protezzjoni b’saħħitha tal-euro kontra l-iffalsifikar hija komponent ewlieni ta’ ekonomija tal-Unjoni sigura u kompetittiva, u hija marbuta direttament mal-objettiv tal-Unjoni li ttejjeb il-funzjonament effiċjenti tal-unjoni ekonomika u monetarja. |
(6) |
Fl-imgħoddi, l-appoġġ għal tali azzjonijiet, permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE (5) u 2001/924/KE (6), li ġew sussegwentement emendati u estiżi bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/75/KE (7), 2006/76/KE (8), 2006/849/KE (9) u 2006/850/KE (10) u r-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), għamilha possibbli li jittejbu l-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. L-objettivi tal-programm għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodi preċedenti inkisbu b’suċċess. |
(7) |
Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm ta’ azzjoni pluriennali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 331/2014 (il-programm‘Pericles 2020’), appoġġata minn rapport indipendenti. B’mod ġenerali, ir-rapport dwar il-Programm Pericles 2020kien pożittiv iżda esprima tħassib dwar l-għadd limitat ta’ awtoritajiet kompetenti li japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt il-programm Pericles 2020 u l-kwalità tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni użati biex ikejlu r-riżultati tal-programm Pericles 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Pericles 2020 u l-evalwazzjoni ex ante tagħha fil-forma ta’ Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li akkumpanja l-proposta tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet, filwaqt li qieset il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, li l-kontinwazzjoni tal-programm Pericles 2020 lil hinn mill-2020 jenħtieġ li tkun appoġġata, minħabba l-valur miżjud tiegħu għall-Unjoni, l-impatt fit-tul tiegħu u s-sostenibbiltà tal-azzjonijiet tiegħu kif ukoll il-kontribut tiegħu għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. |
(8) |
Il-parir fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu kien li l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm Pericles 2020 jenħtieġ li jitkomplew, filwaqt li tiġi indirizzata l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, tiġi mħeġġa d-differenzjazzjoni tal-benefiċjarji u l-parteċipazzjoni tal-akbar għadd ta’ awtoritajiet kompetenti minn pajjiżi varji fl-attivitajiet tal-programm Pericles 2020, tkompli tingħata attenzjoni lit-theddid emerġenti u rikorrenti ta’ ffalsifikar, u jiġu ssimplifikati l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. |
(9) |
Ġew identifikati hotspots tal-iffalsifikar f’pajjiżi terzi u l-iffalsifikar tal-euro qed jakkwista dimensjoni internazzjonali li qed tikber. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-attivitajiet ta’ taħriġ li jinvolvu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ għalhekk li jitqiesu bħala essenzjali biex tinkiseb protezzjoni effettiva tal-euro u jenħtieġ li jiġu mħeġġa aktar fil-kuntest tal-kontinwazzjoni tal-programm Pericles 2020. |
(10) |
Jenħtieġ li jiġi adottat programm ġdid għall-perjodu 2021-2027 (il-programm ‘Pericles IV’). Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-programm Pericles IV ikun konsistenti u komplementari ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħra. Jenħtieġ, għalhekk, li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni tal-euro mal-partijiet prinċipali involuti, b’mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istati Membri, mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-Europol, fi dan il-kumitat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, partikolarment fir-rigward ta’ skambji, assistenza u taħriġ, għall-fini tal-applikazzjoni tal-programm Pericles IV. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-esperjenza vasta tal-BĊE fir-rigward tat-twettiq ta’ taħriġ u l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro meta tkun qed timplimenta l-programm Pericles IV. |
(11) |
Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (ir-‘Regolament Finanzjarju’) u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. |
(12) |
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex l-euro jkun protett mill-iffalsifikar, mingħajr ma jiġu affettwati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, u filwaqt li r-riżorsi jintużaw b’mod iktar effiċjenti milli kieku kienu jintużaw fil-livell nazzjonali, li jassisti lill-Istati Membri biex kollettivament jipproteġu l-euro u li jħeġġeġ l-użu ta’ strutturi komuni tal-Unjoni biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju f’waqtu u komprensiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(13) |
Jenħtieġ li l-programm Pericles IV jiġi implimentat f’konformità mal-qafas finanzjarju pluriennali stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (13). |
(14) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta programmi ta’ ħidma annwali li jistabbilixxu l-prijoritajiet, it-tqassim tal-baġit u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-għotjiet għal azzjonijiet. Jenħtieġ li l-każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, fejn tkun meħtieġa żieda fir-rata tal-kofinanzjament sabiex l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà ekonomika ikbar, biex b’hekk ikunu jistgħu jwettqu u jlestu proġetti biex jipproteġu u jissalvagwardjaw l-euro b’mod sodisfaċenti, ikunu parti mill-programmi ta’ ħidma annwali. |
(15) |
Dan ir-Regolament jistipula pakkett finanzjarju għall-programm Pericles IV li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fit-tifsira tal-Punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 (14), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. |
(16) |
Sabiex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-programm Pericles IV lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness fir-rigward tal-indikaturi fejn jitqies meħtieġ għall-finijiet ta’ evalwazzjoni, kif ukoll biex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (15). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
(17) |
F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (17), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (18) u (UE) 2017/1939 (19), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffetwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri, u fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. |
(18) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV u rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar il-kisba tal-objettivi tiegħu. Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jenħtieġ li l-Programm Pericles IV jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ filwaqt li jevitaw piż amministrattiv, b’mod partikolari għall-Istati Membri, u regolamentazzjoni eċċessiva. Dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-programm Pericles IV fil-prattika. |
(19) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 331/2014 jitħassar. |
(20) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles IV’), għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Huwa jistipula l-objettivi tal-programm Pericles IV, il-baġit għall-perjodu 2021-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli biex jiġi pprovdut tali finanzjament.
Artikolu 2
Objettivi tal-programm
1. L-objettiv ġenerali tal-programm Pericles IV għandu jkun li jipprevjeni u jiġġieled kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata u jippreserva l-integrità tal-muniti u tal-karti tal-flus tal-euro, biex b’hekk isaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fil-ġenwinità ta’ dawn il-muniti u l-karti tal-flus u għalhekk isaħħaħ il-fiduċja fl-ekonomija tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.
2. L-objettiv speċifiku tal-programm Pericles IV għandu jkun li jipproteġi l-muniti u l-karti tal-flus tal-euro kontra l-iffalsifikar u frodi relatata, billi jappoġġa u jissupplimenta l-miżuri mwettqa minn Stati Membri u jassisti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw, bejniethom u mal-Kummissjoni, kooperazzjoni regolari u mill-qrib u skambju tal-aħjar prattiki, inkluż, fejn xieraq, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.
Artikolu 3
Baġit
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 6 193 284 fi prezzijiet attwali.
2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.
3. L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni, inkluż sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva.
Artikolu 4
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni
1. Il-programm Pericles IV għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-programm Pericles IV għandu jiġi implimentat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari fi stadji differenti tal-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mal-miżuri rilevanti meħuda minn entitajiet kompetenti oħra, b’mod partikolari l-BĊE u l-Europol, u tiġi evitata duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-istess miżuri. Għal dak il-għan, meta tħejji l-programmi ta’ ħidma skont l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tqis l-attivitajiet eżistenti u ppjanati tal-BĊE u tal-Europol kontra l-iffalsifikar tal-euro u l-frodi relatata.
3. L-appoġġ finanzjarju taħt il-programm Pericles IV għall-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 6 għandu jieħu l-forma jew ta’ għotjiet jew ta’ akkwist pubbliku.
Artikolu 5
Azzjonijiet konġunti
1. L-azzjonijiet taħt il-Programm Pericles IV jistgħu jiġu organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u sħab oħra li jkollhom l-għarfien espert rilevanti, bħal:
(a) |
il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE; |
(b) |
iċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Analiżi u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Analiżi tal-Muniti; |
(c) |
iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew u z-zekki; |
(d) |
l-Europol, l-Eurojust u l-Interpol; |
(e) |
l-uffiċċji ċentrali nazzjonali kontra l-iffalsifikar previst fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Soppressjoni tal-Falsifikazzjoni tal-Muniti ffirmata f’Ġinevra fl-20 ta’ April 1929 (21) u aġenziji oħra speċjalizzati fil-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-infurzar tal-liġi b’konnessjoni mal-iffalsifikar; |
(f) |
korpi speċjalizzati kkonċernati fil-qasam tat-teknoloġiji tad-duplikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, stampaturi u inċiżuri; |
(g) |
korpi oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (f) li joffru għarfien espert speċifiku, inkluż, fejn xieraq, tali korpi minn pajjiżi terzi u b’mod partikolari minn Stati aderenti u minn pajjiżi kandidati; u |
(h) |
entitajiet privati li jkunu żviluppaw u pprovdew evidenza ta’ għarfien tekniku u timijiet li jispeċjalizzaw fid-detezzjoni ta’ karti tal-flus u ta’ muniti ffalsifikati. |
2. Fejn l-azzjonijiet eliġibbli jkunu organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-BĊE, l-Eurojust, l-Europol jew l-Interpol, l-infiq li jkun hemm għandhom jinqasmu bejniethom. Fi kwalunkwe każ, kull wieħed minnhom għandu jħallas l-ispejjeż tal-vjaġġi u tal-akkomodazzjoni tal-kelliema mistiedna tiegħu.
KAPITOLU II
ELIĠIBBILTÀ
Artikolu 6
Azzjonijiet eliġibbli
1. Il-programm Pericles IV għandu jipprovdi, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 10, appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
skambju u disseminazzjoni ta’ informazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni ta’ workshops, laqgħat u seminars, inkluż taħriġ, traineeships immirati u skambji ta’ persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u azzjonijiet simili oħra. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun, fost l-oħrajn, immirat lejn:
|
(b) |
assistenza teknika, xjentifika u operazzjonali kif jidher meħtieġ bħala parti mill-programm Pericles IV, inkluż b’mod partikolari:
|
(c) |
ix-xiri ta’ tagħmir li għandu jintuża minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi speċjalizzati kontra l-iffalsifikar għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, f’konformità mal-Artikolu 7(2). |
2. Il-programm Pericles IV għandu jqis l-aspetti tranżnazzjonali u multidixxiplinarji tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar billi jimmira lejn il-parteċipazzjoni tal-gruppi li ġejjin:
(a) |
il-persunal tal-aġenziji involuti fid-detezzjoni tal-iffalsifikar u fil-ġlieda kontrih, b’mod partikolari l-korpi tal-pulizija, id-dwana u amministrazzjonijiet finanzjarji, skont il-funzjoni speċifika tagħhom fil-livell nazzjonali; |
(b) |
il-persunal tal-intelligence; |
(c) |
ir-rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali, taz-zekki, tal-banek kummerċjali u ta’ intermedjarji finanzjarji oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji; |
(d) |
l-uffiċjali ġudizzjarji, l-avukati speċjalizzati u l-membri tal-ġudikatura f’dan il-qasam; |
(e) |
kwalunkwe grupp ta’ speċjalisti ieħor kkonċernat bħall-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew strutturi komparabbli li kapaċi jipprovdu aċċess lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bejjiegħa bl-imnut u kumpaniji responsabbli għat-tranżitu ta’ flus kontanti. |
3. Il-gruppi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinkludu parteċipanti minn pajjiżi terzi.
KAPITOLU III
GĦOTJIET
Artikolu 7
Għotjiet
1. L-għotjiet taħt il-programm Pericles IV għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
2. Għall-azzjonijiet implimentati permezz ta’ għotjiet, ix-xiri ta’ tagħmir ma għandux ikun l-uniku komponent tal-ftehim ta’ għotja.
Artikolu 8
Rati ta’ kofinanzjament
Ir-rata ta’ kofinanzjament għall-għotjiet mogħtija taħt il-programm Pericles IV ma għandhiex taqbeż 75 % tal-ispejjeż eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, definiti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 10, ir-rata ta’ kofinanzjament ma għandhiex taqbeż 90 % tal-ispejjeż eliġibbli.
Artikolu 9
Entitajiet eliġibbli
L-entitajiet eliġibbli għall-finanzjament taħt il-programm Pericles IV għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001.
KAPITOLU IV
PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI
Artikolu 10
Programmi ta’ ħidma
1. Sabiex jiġi implimentat il-programm Pericles IV, il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Għall-għotjiet, flimkien mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju, il-programm ta’ ħidma għandu jispeċifika l-kriterji tal-għażla u tal-għoti essenzjali u r-rata massima possibbli ta’ kofinanzjament.
Artikolu 11
Eżerċitar tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(2) tingħata lill-Kummissjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 12(2) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti magħżula minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 12
Monitoraġġ
1. L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-programm Pericles IV lejn il-kisba tal-objettiv speċifiku stipulat fl-Artikolu 2 huma stabbiliti fl-Anness.
2. Biex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-programm Pericles IV lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 11, biex temenda l-Anness fir-rigward tal-indikaturi fejn hu meqjus li meħtieġ għall-finijiet tal-evalwazzjoni, u kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm Pericles IV lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BĊE, filwaqt li tieħu kont tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi stabbiliti fl-Anness.
4. Il-pajjiżi parteċipanti u benefiċjarji oħra għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm Pericles IV.
Artikolu 13
Evalwazzjoni
1. Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu indipendenti tal-programm Pericles IV għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm.
2. Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara tmiem il-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-programm Pericles IV mill-Kummissjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BĊE.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI
Artikolu 14
Informazzjoni, komunikazzjoni u viżibilità
1. Ir-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw i l-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-media u l-pubbliku
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-programm Pericles IV, u mal-azzjonijiet meħuda skont il-programm Pericles IV, u r-riżultati miksuba.
3. Ir-riżorsi finanzjarji allokati lill-programm Pericles IV għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 2.
Artikolu 15
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 16
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika ta’ azzjonijiet li jkunu nbdew skont ir-Regolament (UE) Nru 331/2014, li għandhom ikomplu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.
2. Il-pakkett finanzjarju għall-programm Pericles IV jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-transizzjoni bejn il-programm Pericles IV u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 331/2014.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) ĠU C 378, 19.10.2018, p. 2.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-13 ta’ April 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).
(4) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar għal dawk l-Istati Membri li m’adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 11).
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 50).
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/924/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi skambju, għajnuna u programm ta’ taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) għall-Istati Membri li għadhom m’adottawx l-euro bħala munita unika (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 55).
(7) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/75/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm “Pericles”) (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 40).
(8) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/76/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li testendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/75/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm “Pericles”) (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 42).
(9) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/849/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 330, 28.11.2006, p. 28).
(10) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/850/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li testendi għall-Istati Membri li mhumiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/849/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 330, 28.11.2006, p. 30).
(11) Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1).
(12) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(13) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(14) Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28).
(15) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(16) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(17) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(18) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(19) Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(20) Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(21) Serje ta’ Trattati tal-Lega tan-Nazzjonijiet Nru 2623 (1931), p. 372.
ANNESS
INDIKATURI GĦALL-EVALWAZZJONI TAL-PROGRAMM PERICLES IV
Il-programm Pericles IV ser jiġi mmonitorjat mill-qrib fuq il-bażi ta’ sett ta’ indikaturi maħsuba biex ikejlu, bi spejjeż u piżijiet amministrattivi minimi, sa fejn ikunu nkisbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programm Pericles IV. Għal dan il-għan, ser tinġabar data fir-rigward tas-sett ta’ indikaturi ewlenin li ġejjin:
(a) |
l-għadd ta’ euro foloz skoperti; |
(b) |
l-għadd ta’ workshops illegali sfrattati; |
(c) |
l-għadd ta’ awtoritajiet kompetenti li japplikaw għall-programm Pericles IV; |
(d) |
ir-rata ta’ sodisfazzjoni tal-parteċipanti fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm Pericles IV; u |
(e) |
il-feedback tal-parteċipanti li jkunu diġà ħadu sehem f’azzjonijiet preċedenti tal-Pericles dwar l-impatt tal-programm Pericles IV fuq l-attivitajiet tagħhom fil-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. |
Id-data u l-informazzjoni dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għandhom jinġabru kull sena mill-Kummissjoni u mill-benefiċjarji tal-programm Pericles IV, kif ġej:
— |
il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data għall-għadd ta’ muniti u karti tal-flus foloz tal-euro; |
— |
il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data għall-għadd ta’ workshops illegali sfrattati; |
— |
il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data għall-għadd ta’ awtoritajiet kompetenti li japplikaw għall-programm Pericles IV; |
— |
il-Kummissjoni u l-benefiċjarji tal-programm Pericles IV għandhom jiġbru d-data fir-rigward tar-rata ta’ sodisfazzjoni tal-parteċipanti fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm Pericles IV; |
— |
il-Kummissjoni u l-benefiċjarji tal-programm Pericles IV għandhom jiġbru d-data fir-rigward tal-feedback tal-parteċipanti li diġà ħadu sehem f’azzjonijiet preċedenti tal-Pericles dwar l-impatt tal-programm Pericles IV fuq l-attivitajiet tagħhom fil-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. |